Rokna Letterarja | L-iħirsa bejn ‘hawn’ u ‘hemm’

Fir-rokna letterarja ta’ din il-ġimgħa, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-proża ta’ Walid Nabhan b’enfasi fuq l-aħħar ġabra ta’ novelli tiegħu ‘Bejn Bejnejn’. L-analiżi tixtarr il-qagħda bejjiena tal-kittieba awtoeżiljati, jiġifieri d-dilemma ta’ bejn “hawn” u “hemm” u l-iħirsa fejjieqa li din bilfors tnissel fihom.

Walid Nabhan
Walid Nabhan

“Lanqas it-tjur ma jridu jibqgħu fid-dinja Għarbija.” Din l-istqarrija tal-kittieb Palestinjan-Malti Walid Nabhan, meħuda mill-ktieb tiegħu L-Eżodu taċ-Ċikonji, daqs sitt snin ilu kienet ħasditni qatigħ waqt l-aħħar vjaġġ tiegħi mil-Lussemburgu lejn Malta. Kienet titjira li temmitli awtoeżilju ta’ disa’ snin filwaqt li nediet ir-ritorn tiegħi f’art twelidi. B’dik it-titjira ma bqajtx iżjed tajra, ’qas biss sulamank għasfur tal-bejt – iżda safrattant biex noqtol il-ħin mort qbadt ma’ dal-ktieb, minn tant.

Lanqas it-tjur ma jridu jibqgħu... Jien u naqra dan fuq l-ajruplan – imdendel fl-ajru bejn “hemm” u “hawn” – bla ma ridt għaddew iħufu minn moħħi ċerti ħsibijiet. Qabelxejn, ġaladarba issa ormaj kont fi triqti lura, ittamajt li t-tjur Maltin ta’ dari tassew kienu għadhom iridu jibqgħu hawn. Meta tkun ’il bogħod minn artek, tara x’tara u tisma’ x’tisma’, ċerti ħwejjeġ ma tista’ qatt tkun tafhom fiż-żgur. “Xejn ma jista’ jagħmik daqs il-ġeografija. Hemm aktar affarijiet li taħsibhom ġraw mingħajr ma jkunu”, kiteb Nabhan f’novella li dehret fl-aħħar ġabra tiegħu Bejn Bejnejn. U veru. Mhux ta’ b’xejn li Nabhan, allura, kien immarka l-miġja tiegħu fix-xena letterarja Maltija bil-ġabra Lura d-Dar u Ġrajjiet Oħra li Ma Ġrawx.

Nabhan fid-dixxipulat ta’ Darwish

Ftakart ukoll fl-aħħar sitt snin – sitt annati mit-twal illi fihom Nabhan kien spiss preżenti fi ħsusi u fi ħsiebi minkejja li ma konna ltqajna kważi qatt. Ibda biex ma nistax naqrah jew imqar naħseb fih bla ma nitfakkar f’poeta Palestinjan ieħor – Mahmoud Darwish. Ngħid għalija, tul dawk is-snin, Darwish kien sar punt ta’ riferiment li baqa’ jitfaċċa f’bosta esperjenzi letterarji li għext hemm, fil-kontinent: it-tnedija f’Ruma tat-traduzzjoni Taljana tal-ewwel edizzjoni ta’ Passaport ta’ Antoine Cassar. Dakinhar inqrat silta minn poeżija tiegħu bħala sfond għal kulma kellu jsegwi. Il-bosta referenzi għal Darwish minn Nabhan f’diversi intervisti li segwejt mill-bogħod, l-iżjed b’rabta mal-festivals letterarji annwali tal-Inizjamed. U fuq kollox, id-djalogi bla tmiem li kelli tul sena sħiħa mal-poetessa Franko-Sirjana Maram al-Masri – ċikonja Għarbija hija wkoll – rigward daka l-punt fejn hija stess, Nabhan u forsi wkoll jiena niltaqgħu ma’ Darwish.

Dan il-punt fis-sew ma jinsab imkien: la “hawn” u lanqas “hemm”. Kull taħdita ma’ al-Masri rigward is-Sirja, il-Palestina, Nabhan u Malta dejjem kienet taqa’ fuq dan il-punt – jew aħjar stat psikoloġiku – li kien spjega tant tajjeb Darwish: “Jiena minn hemm. Jiena minn hawn. La ninsab hemm u lanqas hawn. Ismijiet għandi tnejn. Dawn jiltaqgħu u jinfirdu. Nitħaddet b’żewġ ilsna. Ninsa b’liema wieħed noħlom.” Din hija l-qagħda dejjiema tal-eżiljat, tal-imtarraf, tat-turufnat. Tal-ħamiema bajda tas-Sirja. Taċ-ċikonji tal-Palestina. Tal-għasafar tal-bejt Maltin. Ta’ min iħossu mbejjen għal darba tnejn. Ta’ dawk illi bħal Nabhan forsi l-qatla tagħhom iwieġbu l-mistoqsija “mela minn fejn int?” – titlu ta’ novella qasira, difatti, li tidher fil-ġabra Bejn Bejnejn.

U tkun proprju l-qatla tagħhom għax ġaladarba twieldu hawnhekk fis-sew dawn huma minn “hawn”, iżda mbagħad ġaladarba m’għadhomx hawnhekk għax marru hemmhekk fi lsien in-nies dawn ikunu saru ta’ barra minn hawn – dawk ta’ “hemm”. U għaldaqstant qatt ma tkun ħaġa ċara mnejn dawn ġejjin u ’l fejn sejrin: la minn “hawn” u ’qas minn “hemm”, u la ’l “hemm” u lanqas ’l “hawn”. Għax dejjem xi mkien bejn hawnhekk u hemmhekk. U b’dana l-mawran u miġi kollu bejn “hawn” u “hemm” fil-menti tal-maħrub jistgħu jseħħu ħafna ġrajjiet li filfatt ma ġrawx, l-iżjed f’moħħ xi ħadd li jħoss fih bis-sod l-istħajjil imqanqal tan-novellier.

Walid Nabhan
Walid Nabhan

Barrani f’artu, għarib f’artna

Fil-ġabra Bejn Bejnejn Nabhan ikompli jipprojetta lilu nnifsu bħala kittieb illi – sforz iċ-ċirkustanzi politiċi u kulturali – iħossu barrani f’dik l-art li wellditu u għarib f’dik l-art li laqgħetu. U għaldaqshekk f’dina l-ġabra reġa’ ħtieġlu jitrejjaq bit-tifkiriet – xi wħud dubjużi – tal-bliet ta’ hemm u ta’ hawn u jistejqer bl-isħajjil – aktarx personali – tal-fatati. B’dawn l-iħirsa minn banda bħal ried iħassar it-tifkiriet friski li jkidduh. U dan għax għandu mnejn bħall-poeta Sirjan Nizan Qabbani jemmen illi “l-iżjed marda mwiegħra tal-qalb hija l-memorja tajba”. Għaldaqstant f’din il-ġabra bħal donnu jinbidel f’fatat biex jerġa’ jżur – u did-darba b’tertuqa żvijjata li għandha kemxejn minn David Lynch – l-imsieraħ imsaħħra u l-inħawi stramani t’Amman u tar-raħal preistoriku ta’ Ħerbet in-Natūr (il-Ħerba tal-Ħares). Bħal Alfred Sant, minn xi daqqiet isawwar ukoll karattri bizzarri huwa u jinseġ rakkonti veru simili bi żvolti erratiċi. Saħansitra jmur lura f’Malta tal-Gran Mastru Ximenes, bħal xi ħadd illi saħansitra sar iħoss – bħat-tfajjel bix-xewka f’ġenbu ta’ Pete Wentz – ċerta nostalġija anke għal ilwiek li fis-sew qatt ma żar jew għal qlub li qatt ma ħabb. Għaldaqshekk b’dawn l-iħirsa Nabhan isib kenn fl-enigmatiku – sewwasew fil-fatati ta’ ġrajjiet iwerrċu – bħalkieku s-serħan mid-dikotomiji ta’ “hawn” u “hemm” ma jsibu mkien għajr f’dawn l-iħirsa. “Meta nħarsu ’l fuq fil-mhux magħruf kollha kemm aħna nitwerrċu”, jgħidilna f’Ir-Rewwixta tal-Ħebża.

Wieħed mill-aqwa kittieba tagħna

Nabhan jagħmel dan kollu b’sengħa liema bħalha mhux biss fit-tfassil tan-narrattivi iżda wkoll fis-sengħa tal-kitba, l-iżjed bil-ħakma tiegħu fuq il-lessiku Malti. B’din il-ġabra Nabhan reġa’ wera ruħu – minkejja xi għeltijiet ekonomiċi fil-binja tas-sentenzi – bħala wieħed mill-aqwa kittieba tal-ilsien Malti ta’ żmienna. Dan aktarx joħroġ l-iżjed fid-dieher fl-aħħar novella Bejn Bejnejn fejn saħansitra jagħrbel – bħala Malti barrani – “is-swidija etimoloġika” tal-għerq neonatali għ-r.

Dan il-punt fis-sew ma jinsab imkien: la “hawn” u lanqas “hemm”. Kull taħdita ma’ al-Masri rigward is-Sirja, il-Palestina, Nabhan u Malta dejjem kienet taqa’ fuq dan il-punt – jew aħjar stat psikoloġiku – li kien spjega tant tajjeb Darwish: “Jiena minn hemm. Jiena minn hawn. La ninsab hemm u lanqas hawn

F’din in-novella l-influwenza ta’ Sant il-kittieb ma tinħassx biss fil-ħażna lingwistika tal-awtur iżda wkoll fid-diversi referenzi li jagħmel għall-proża “makakka” tiegħu meta jiddiskuti l-iżviluppi soċjoekonomiċi ta’ pajjiżna. Forsi f’dan it-test aħħari hemm ukoll il-preżenza tal-ħares, ġaladarba din l-analiżi skjetta tisfa mħassra mil-laptop ħesrem bla ma jilħaq jaqraha ħadd ħlief forsi l-fatati, sewwasew bħal kif kienu għoddhom spiċċaw uħud mill-famużi “drammi għall-kexxun” ta’ Sant id-drammaturgu.

Ngħid għalija, jekk l-analiżi tan-novella Bejn Bejnejn hija korretta għandi d-dispjaċir nifhem illi llum – voldieri sitt snin wara dika t-titjira aħħarija – ’qas biss it-tjur ma jridu jibqgħu “hawn”. Biss, li forsi ma fehemx Nabhan – jew inkella ma jridx jifhem li fehem – huwa li dad-diskorsi dwar “hawn” u “hemm” u dwar l-iħirsa u l-istranizzi li spiss ikewnu f’moħħna jonqoshom xi ħaġa. Jonqoshom dik l-aħħar kelma li kien widdibna biha Darwish: “l-eżilju mhux biss kunċett ġeografiku. Tista’ tisfa mtarraf f’pajjiżek, ġo darek, ġo kamartek.”

Ngħid dan b’nofs ċajta iżda mhux bid-daħka, ma jmurx id-daħka tiegħi tkun bħal dik li daħak wieħed missier lil ibnu – ħares ieħor f’ras Nabhan – fuq bejt mistħajjel f’Amman. Għax bejnietna Walid: id-daħka tiegħu bdiet bin-nelħ... imbagħad “inbidlet f’sogħla u s-sogħla fi dmugħ.”

Nota Editorjali: Ninnutaw b'dispjaċir illi l-introduzzjoni ta' dan l-artiklu tħalla barra minn dak ippubblikat fil-gazzetta nhar il-Ħadd, bi żvista. Il-gazzetta ILLUM titlob apoloġija lill-qarrejja tagħha u b'mod speċjali ta' din il-paġna letterarja. 

Il-paġna letterarja, imwassla mill-Għaqda Nazzjonali tal-Ktieb u miktuba minn Kevin Saliba tkompli nhar il-Ħadd li ġej. 

More in Arti