Reċensjoni | Il-kuraġġ li taqta’ jiesek

Fir-rokna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar l-aħħar ġabra ta’ stejjer qosra ta’ Immanuel Mifsud ‘L-Aqwa Żmien’. Saliba jpoġġi dawn in-novelli flimkien mal-ħidma letterarja u l-kummentarji politiċi tal-awtur fl-isfond tal-islogan tal-Gvern tal-ġurnata u tal-konnotazjonijiet utopiċi li dan jimplika. Iżjed minn hekk, f’din ir-reċensjoni jinterpreta dawn ir-rakkonti ta’ Mifsud bħala stqarrija xettika kontra kull slogan assolutist u – fuq kollox – bħala att qalbieni ta’ qtigħ il-jies

“Kien l-aqwa żmien u kien l-agħar żmien...” Hekk jiftaħ ir-rumanz storiku Ġrajja ta’ Żewġt Ibliet ta’ Charles Dickens – ftuħ illi rridu jew ma rridux – l-iżjed illum fi żmienna, ma jistax ma jfakkarniex fi klixè utopika li tul dawn l-aħħar snin ittenniet adnauseum bħala slogan politiku mill-mezzi kollha tax-xandir tal-Gvern tal-ġurnata. Xi wħud, minkejja kollox, emmnuha bis-sħiħ. Xi talin xi ftit inqas. Imbagħad hemm oħrajn li saħansitra jħossu l-ħtieġa li jmeruha, u dan b’ċertu sens ta’ qtigħ il-jies.

Fost dawn insibu lill-kittieb Immanuel Mifsud li minnha għajnu għokritu daqstant li dlonk ħass il-ħtieġa “immedjata” li jistampaha – bħala titlu – fuq l-aħħar ħarġa ta’ novelli tiegħu. It-tmaħħiħ tal-ħassieba u tal-kittieba fuq il-possibbiltà tal-aqwa żmien – u għaldaqstant fuq is-soċjetajiet perfetti – mhix xi ossessjoni ġdida. Biss biss fil-Punent ilha magħna tal-inqas minn żmien il-Greċja tal-Qedem. Maż-żmien din il-viżjoni ħadet diversi forom: fid-dimensjoni politika aktarx fil-biċċa l-kbira din laħqet il-milja tagħha fl-ideoloġiji Hegeljani u Marksisti, f’dik reliġjuża fl-eskatoloġiji ta’ diversi djien Kristjani. 

Minkejja l-bosta diverġenzi kbar li jbejnuhom dawn ilkoll isostnu li fl-iżvilupp soċjokuturali tal-ispeċi hemm, żgur mhux forsi, xi mkien fil-ġejjieni, punt tal-waqfa definittiv u aħħari – il-quċċata assoluta tal-evoluzzjoni tal-umanità kollha. Din il-progressjoni lineari timplika mhux biss il-ħolqien tant mixtieq u mistenni tal-aħħar u tal-aqwa għamla ta’ gvern immaġinabbli iżda wkoll, allura, it-tiswir tal-aqwa dinja fost dawk kollha possibbli. Għaldaqstant din in-narrattiva utopika tħaddan fiha wkoll, sintendi, it-tmiem tal-istorja. 

Immanuel Mifsud jixħet dubju fuq l-Aqwa Żmien

Intant kienu bosta l-ħassieba li tul is-snin widdbuna, min b’mod u min b’ieħor, biex noqogħdu b’sebgħa għajnejn minn dawn it-tendenzi fil-ħsieb. Ibda biex wieħed mill-iżjed movimenti dominanti fil-filosofija kontinentali tas-seklu li għadda – voldieri l-Postmoderniżmu – issejjes sewwasew fuq in-nuqqas ta’ twemmin f’dawn il-metanarrattivi totalizzanti. 

Bħala kittieb tas-seklu wieħed u għoxrin Immanuel Mifsud minn dejjem wera ruħu konxju minn dan. Komplejt insaħħaħ din l-impressjoni m’ilux meta smajtu jitħaddet f’intervista dwar il-ġabra L-Aqwa Żmien mal-ġurnalista Monique Agius. Dakinhar bħal donnu ta x’jifhem li diparti tiegħu jemmen illi dal-imbierek punt aħħari – jiġifieri l-aqwa żmien – fis-sew ma jista’ jseħħ qatt u qatt. Ma daħalx wisq fi kwistjonijiet purament teoretiċi, iżda deherli li s-sugu ta’ twemminu f’dar-rigward kien proprju dan. Irrimarka wkoll, għaldaqstant, li l-politiċi li jinqdew bi slogan bħal dan ikunu qed juru, qabelxejn, nuqqas ta’ formazzjoni ideoloġika. Mhux biss: ikunu qed juru saħansitra wkoll – u did-darba fuq livell ferm iżjed konkret – nuqqas ta’ sensittività għat-tbatija personali tan-nies. 

Madankollu Mifsud donnu pprefera jiskarta l-battibekki tal-filosofi tal-istorja u minflok qata’ kollox fil-qasir billi ffissa kriterju strett għall-aħħar, anzi irraġonevoli: kemm-il darba fis-soċjetà jkun hemm imqar persuna waħda li qiegħda ġġarrab xi għamla ta’ tbatija – iżjed u iżjed jekk din tkun materjali – ebda gvern ma jista’ jistqarr illi jkun tabilħaqq wassal lill-poplu tiegħu għall-aqwa żmien. 

Bi stqarrijiet u b’narrattivi bħal dawn, almenu skont il-fehim tiegħi, Mifsud mhux biss igiddeb il-fattibbiltà tal-iżmi universali kollha ta’ darna iżda jibqa’ jibqa’ sa ma jxejjen ukoll – u dan b’ċerta “rabja” – il-kredibbiltà ta’ kwalunkwe metanarrattiva lokali, tiġi mnejn tiġi. Għax ngħiduha kif inhi: kif nistgħu naslu f’punt fejn, imqar fl-iċken komunità, ma jkun hemm qatt ebda ħjiel ta’ xi tbatija? Din il-logħba impossibbli.

...iżda ilu jilgħab dil-karta

Immanuel Mifsud ilu jilgħab dil-karta – bħal donnu biex jixħet il-ġolli – tul kważi tletin sena sħaħ, sewwasew sa mill-ewwel ġabra ta’ novelli tiegħu Stejjer ta’ Nies Koroh. Forsi wieħed jista’ jinterpreta l-ġabra L-Aqwa Żmien – l-iżjed meta jqis l-isfond tat-ton trijunfanti li ħakem bla hedu d-diskorsi politiċi f’pajjiżna għajr f’dawn l-aħħar ġimgħat – bħala sensiela oħra ta’ stejjer li ma kellhomx jinkitbu: familji b’ġenitur wieħed li għax ma jifilħux iħallsu l-kera jisfgħu jgħixu f’karozza jew f’garaxx. Nisa li jħallsuha b’xogħlijiet skabrużi għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor. Tfal intimidati fl-iskejjel għax mhumiex bħall-bqija. Adoloxxenti mħassbin bid-dehra tagħhom. Żgħażagħ imkexkxa mill-midja soċjali. Adulti imbevuti b’sentimenti razzisti. Immigranti ttrattati bħal donnhom biċċiet tal-art, saħansitra maqtula kiesaħ u biered, hekk għall-gost, fis-satra tal-lejl. Vittmi ta’ attakki terroristiċi insensati. Nies stmati ta’ oġġetti. Impjegati talment imxabba’ b’xogħolhom li ma jsibu rpar imkien ħlief fl-għira, fil-paranojji u fl-illużjonijiet ta’ dinjiet irreali, bħal-logħob virtwali u l-pornografija. Nies li ma jistgħux iġerrgħu l-firda mill-persuni li b’xi mod iridu jħobbu, tizji oħrajn imtertqa minn kumplessi u inċertezzi sesswali – il-famużi maħbubin midruba. Awtoritajiet insidjużi u nemmiesa. Talin ansjużi mifnijin b’bosta biżgħat u irrazzjonali, saħansitra b’diżordnijiet agrofobiċi. 

Minkejja ċerti avvanzi soċjali u ċivili nibqa’ nemmen illi dal-Gvern Laburista – dal-moviment tal-aqwa żmien – jaħti ħafna u bil-kbir għal bosta għawġ li ġie fuqna sforz ir-rikba li rikeb fuq il-karru tal-politiki diżumani tan-Neoliberaliżmu

U intant mhemmx li l-allat u l-qaddisin jaqilgħulna xi grazzja. 

Il-moviment tal-Aqwa Żmien ħati wkoll

Dana kollu jiżvolġi, kif ikkummentat l-attivista Dr Claire Bonello, “fl-isfond tax-xampanja u l-ġid tas-soċjetà super surplus.” F’dan ir-rigward diffiċli tkun apoloġetiku: hawnhekk f’pajjiżna, akkont, b’das-Soċjaliżmu tax-xampanja – b’dal-varjant fuq it-Terza Vija – f’bosta oqsma ftit li xejn qtajna sandar. Minkejja ċerti avvanzi soċjali u ċivili nibqa’ nemmen illi dal-Gvern Laburista – dal-moviment tal-aqwa żmien – jaħti ħafna u bil-kbir għal bosta għawġ li ġie fuqna sforz ir-rikba li rikeb fuq il-karru tal-politiki diżumani tan-Neoliberaliżmu. Għandi nifhem li din hija wkoll il-fehma ta’ Bonello u ta’ Mifsud. Iżda xampanja u mhux, biex jingħad kollox, dil-mistoqsija mbagħad tiġi waħidha: tista’ qatt xi darba dil-qagħda mwiegħra tal-kundizzjoni umana tinqered għalkollox jekk, għas-saħħa tal-argument, għad xi darba tfeġġ tmexxija b’wiċċ tabilħaqq uman? Xi Soċjaliżmu ieħor ġdid? Xi filosofija oħra?

Ħożżha fl-ilma: ngħid għalija nemmen li le. Tittaffa forsi, iżda le tinqered. Is-soluzzjonijiet għall-ġrajjiet traġiċi tagħna lkoll mhux kollha jinsabu fl-ekonomija u fil-politika. Niġu f’dan, għal dawn mhux dejjem ikunu bilfors jaħtu l-politiċi lanqas. F’dar-rigward ma nistax ma niftakarx f’Herbert Marcuse li kien irrimarka tajjeb ferm illi “mhux kull saram li jista’ jinqagħlalek mas-sieħba tiegħek ikun bilfors kaġun tal-modalità kapitalista tal-produzzjoni.” Għandi nifhem li fil-fond nett Mifsud iħaddan ukoll dan l-istess kredu, jipprova kemm jipprova jżomm ’il bogħod mid-“dnub mejjet” li jaqta’ l-jies ta’ ċerti attivisti ġenwini li jemmnu fil-possibbiltà ġejjiena tal-bidliet radikali u li forsi anke jittamaw li b’riformi bħal dawn – dejjem jekk qatt kellhom iseħħu – nistgħu saħansitra nġarrfu kull għamla ta’ traġedja.

‘Qed ngħixu fit-tifrik’

Forsi mhux ta’ b’xejn, allura, li Mifsud għażel li fil-ġabra L-Aqwa Żmien jiġbdilna l-attenzjoni għall-ktieb tal-ħassieb Christopher Hamilton A Philosophy of Tragedy. U dan għax in-novelli li nsibu f’din il-ġabra jfakkruna – bħal dan ix-xogħol ta’ Hamilton – li “qed ngħixu fit-tifrik.” Li l-filosofija trid illi d-dinja tagħmel sens mentri t-traġedja tibqa’ tisħaq illi din ma tagħmilx. Li l-ħaqq Kristjan dwar id-diżgrazzja tagħna huwa minnu, iżda li minnu wkoll li s-setgħa fejjieda tiegħu ilha li ntfiet għomor. Li l-ispjegi metafiżiċi huma biss sistemi kumplessi u qarrieqa minsuġa bit-tama li jiċħdu veritajiet sempliċi u evidenti. Li jiġri x’jiġri dil-kundizzjoni tagħna ser tkompli tibqa’ traġika u li dejjem ser nibqgħu nħossu li did-dinja mhix darna. Li ormaj m’għad fadlilna xejn x’nagħmlu għajr li nistabru b’rappreżentazzjonijiet sublimi ta’ ġrajjiet iwaħħxu jonkella – ferm agħar minn hekk – li niftaħru bi slogans politiċi fiergħa. 

Dickens kien issokkta l-ftuħ tar-rumanz tiegħu billi qalilna li “l-aqwa żmien” kien ukoll “l-agħar żmien”. Li “r-rebbiegħa tat-tama” kienet ukoll – oħroġ il-għaġeb – “ix-xitwa tal-qtigħ il-jies”. Madankollu fi qtigħ il-jies li jwassal Mifsud fil-ġabra L-Aqwa Żmien hemm ukoll ċerta qlubija. Hemm l-almu li tiċħad ir-rimedji għaġġelija. Hemm ir-rieda li tibqa’ tfannad. Li tibqa’ taħseb sal-aħħar. Anzi, sal-aħħar nett. Hemm il-kuraġġ tal-qtigħ il-jies. Il-kuraġġ li wieħed jagħraf – kif iħobb jgħidilna l-filosofu Slavoj Žižek – li d-dawl f’tarf il-mina aktarx mhuwa xejn għajr il-fanal ta’ tren li kulma jmur qed joqrob joqrob lejna.

More in Arti