Is-Sriep u Kif Negħlbuhom: Intervista mal-awtur

B’retrospettiva letterarja ta’ madwar 15-il sena, Kevin Saliba jiddiskuti l-proża tal-kittieb Alex Vella Gera mal-awtur innifsu fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika preżenti. Il-Kriżi u Kif Tegħlibha. Il-Maltin u l-Ħaddarin. Is-solitudni ta’ Twanny Misluta. Id-dijaspori tal-mitlufin. L-antikalji ta’ Ġanni Muscat. U s-sriep u kif ngħelbuhom

Fl-2012 ippubblikajt ir-rumanz is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. B’referenza għall-eks-Prim Ministru Dom Mintoff, f’intervista dwar ir-rumanz ma’ Teodor Reljic stqarrejt li “meta ktibt il-ktieb kien kważi bħal donnu kont qiegħed inqiegħed is-sisien għall-ġejjieni immedjat tiegħi.” Meta tqis in-narrattiva tar-rumanz u l-ġrajjiet politiċi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, x’jgħaddi minn moħħok?

Meta stqarrejt dan kelli f’moħħi ċerti ġrajjiet personali fil-ħajja tiegħi li b’xi mod bħal tbassrufir-rumanz Sriep u mbagħad seħħew fis-snin ta’ wara l-pubblikazzjoni. Iżda tista’, jekk trid, tara Sriep bħala stqarrija tal-istat li kien jinsab fih il-pajjiż ftit qabel ma bdiet din-narrattiva tal-kriżi nazzjonali li donnha issa qed tmiss il-quċċata. Tista’ wkoll ma tara xejn minn dan. Fil-verità narrattiva bħal dik ta’ Sriep setgħet ġiet irrakkontata ħafna snin qabel ktibtha jien. Hija storja li tolqot il-qalba tal-identità ta’ pajjiżna, u dik ma nħolqitx f’dawn l-aħħar snin jew bir-rumanztiegħi. Ilha tinħema minn qabel twelidna.  

F’bosta episodji fir-rumanz tiddomina l-istmerrija ta’ diversi karattri għall-gvernijiet Laburisti tal-imgħoddi. Jispikkaw, fost oħrajn, il-ġudizzji dispreġġjattivi tas-Sur Tabone: “incompetent amateurs... arrogant big mouths, uneducated idiots... Different names, same gang.” Dan il-ħaqq illum reġa’ sar proverbjali fost bosta attivisti favur Daphne Caruana Galizia. Niġu f’dan, dan it-tip ta’ diskors konna naqrawh spiss fil-kitbiet u fil-kummentarji tal-ġurnalista nfisha. Taħseb li issa l-istorja ġenerali ta’ din l-amministrazzjoni, almenu sa ċertu punt, tassew tiġġustifika din il-perċezzjoni?

Forsi d-dnubiet imwettqa minn din l-amministrazzjoni jiżbqu bil-kbir lil dawk li twettqu mill-gvernijiet tas-snin sebgħin u tmenin. Biss nagħmilha ċara: b’dan m’iniex qed nimminimizza l-kriżijiet u l-ħwejjeġ koroh li saru dak iż-żmien. Rigward l-istqarrijiet ta’ Tabone u ta’ Caruana Galizia – dejjem jekk ma tqisx it-ton tagħhom – nemmen li huma korretti mill-perspettiva tal-klassi soċjali tagħhom, għad li għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Jekk tqis it-ton tagħhom, imbagħad, dlonk tilmaħ bosta safef ta’ preġudizzji li jixħtu dawl ikrah fuq in-nuqqasijiet inerenti tal-messaġġiera nfushom.

Bħar-rumanz L-AntipodiSriep ikompli jsawwar karattri Maltin mitlufin li jħossuhom skonessi minn kull għamla ta’ kuxjenza jew identità Maltija, tant li waslu jħallu l-pajjiż. Chris spiċċa l-Istati Uniti. Noel bħal bosta oħra – fosthom int u żmien ilu anke jien – morna naħdmu mal-istituzzjonijiet tal-UE. Ħuh Simon saħansitra mar l-Indja. Bħal ħafna oħrjan sikwit stqarrejt li das-sentiment trasgressiv ilek tħossu ħafna snin. Taħseb li ser tkompli tikber did-diżillużjoni, l-iżjed fost iż-żgħażagħ? 

Insibha diffiċli nitkellem dwar iż-żgħażagħ Maltin, kemm għax ili nieqes minn Malta u kemm għax fl-età ta’ 46 sena nħossni distakkat mid-dinja tagħhom. Li naf żgur huwa li Malta, minkejja l-boom ekonomiku, xorta mhix toffri wisq iktar opportunitajiet għal ħajja diċenti milli kienet toffri “fi żmieni”. Anzi, is-sitwazzjoni kulma jmur qed tiggrava: l-għoli tal-ħajja, il-paga minima, il-prezzijiet tax-xiri u l-kiri tal-proprjetà, il-propaganda kontinwa fuq id-diversi mezzi tax-xandir, il-pressjoni dejjem tiela’ biex in-nies jirnexxu skont il-kejl tan-neoliberaliżmu, il-qerda ambjentali, il-flus dejjem iżjed fiċ-ċentru ta’ kollox, politiċi li saru jiġu ċċelebrati bħal allat, iċ-ċiniżmu estrem. Nista’ nibqa’ għaddej. 

F’intervista oħra ma’ Reljic dwar ir-rumanz Trojan osservajt li “Sriep kien dwar il-mewt. Trojan kien dwar għamla ta’ traxxendenza.” Wara r-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia, taħseb li bħala kittieb issa terġa’ teħtieġ proċess ġdid ta’ traxxendenza? Hu x’inhu, min huma l-Ġanni Muscatijiet ta’ żmienna? Huma relevanti f’dat-taqlib politiku li għaddejin minnu?

Bħala kittieb ma neħtieġx biss proċess ġdid ta’ traxxendenza, iżda m’iniex biħsiebni nidħol fil-mertu tal-ġejjieni tiegħi. Ġanni Muscat huwa konservattiv estrem li xtaq rivoluzzjoni iżda qatt ma kellu r-rieda jwettaqha. Il-konservativiżmu jieħu diversi xejriet. Lil Ġanni Muscat ma nsibux daqstant rilevanti għat-taqlib politiku tal-lum, l-iżjed meta nqis attitudnijiet konservattivi oħrajn li qed jiġu ppreżentati bħala liberali u progressivi biex imbagħad fil-verità qed joħonqu l-progress ekonomiku u soċjali. 

Dejjem kien hemm xi ħaġa tinten fil-politika psewdo progressiva ta’ bosta. Ċerti talin li jriduha ta’ progressivi għadhom lanqas biss tniffsu dwar is-sitwazzjoni preżenti

Lil dawn Ġanni Muscat rahom bħala l-għadu, iżda dan ħassu minħabba raġunijiet żbaljati. Xamm xi ħaġa tinten, iżda sforz il-preġudizzji kbar li kellu ma setax ixomm tajjeb. Dejjem kien hemm xi ħaġa tinten fil-politika psewdo progressiva ta’ bosta. Ċerti talin li jriduha ta’ progressivi għadhom lanqas biss tniffsu dwar is-sitwazzjoni preżenti. Nista’ nsemmi wkoll nies li fi żmien il-każ Li Tkisser Sewwi ħarġu jgħajtu – għall-finijiet politiċi tagħhom – favur il-libertà tal-espressjoni biex imbagħad f’dawn l-aħħar snin – għal finijiet politiċi wkoll – għamlu minn kollox biex joħonquha. 

Il-kelma “kriżi” ilek tużaha bosta snin. Fin-novella għ w ġ li dehret fil-ġabra Żewġ fl-2009kienu laqtuni ħafna daż-żewġ sentenzi: Diffiċli tgħid eżatt meta beda kollox. M’hemmx mument preċiż fejn tista’ tgħid li “issa bdiet il-kriżi”In-novella tirreferi għall-kriżi ambjentali li f’dan l-aħħar iggravat qatigħ. Iżda l-kriżi tal-lum hija ferm usa’ u donnu ħadd ma jista’ jaqbel dwar meta bdiet. Dawn l-aħħar għaxar snin – u b’mod speċjali l-każ Caruana Galizia u l-mottivi tal-persuni mixlija bl-assassinju – jagħtuk xi ħjiel dwar xi “mument preċiż”?

Mument preċiż m’hemmx. Qatt ma jkun hemm. Iżda ċert li l-kriżi preżenti la bdiet bl-elezzjoni tal-2013, la bil-Panama Papers u lanqas bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Ilha tinħema u tifforma s-snin minn kriżijiet oħrajn. Il-kriżi t’issa tħaddan il-kriżijiet kollha ta’ qabel f’konflagrazzjoni li jekk tibqa’ tirranka għad tibla’ l-pajjiż kollu. Nuqqas ta’ governanza tajba, klassi politika korrotta, elettorat immanipulat bħal xejn, klassi ta’ negozjanti li tħossha intitolata tiggverna – dal-ħwejjeġ ilhom magħna. 

Il-kriżi preżenti la bdiet bil-qtil ta’ Caruana Galizia, u la bil-Panama Papers u lanqas bl-elezzjoni tal-2013. Ilha tinħema u tifforma minn kriżijiet oħrajn

Dan bla ma nsemmi l-ikbar kriżi fost kollha, jiġifieri dik ambjentali, kemm fil-mikrokożmu Malti u kemm fil-makrokożmu tat-tibdil fil-klima li aktarx għad jolqot lill-pajjiż f’diversi livelli diffiċilissimi u potenzjalment traġiċi.

F’daż-żmien ta’ kriżi bosta politiċi appellaw għall-kalma u għall-għaqda. Xi wħud għal iktar protesti. Oħrajn għat-tindif. Ilkoll donnhom jaħsbu li għandhom il-balzmu li jista’ jreġġa’ kollox għan-“normalità”. Temmen xejn f’das-soluzzjonijiet? X’inhi l-aqwa duwa? Il-ħarba ta’ Chris u Noel? Iżjed diżgwid, għawġ u firda bħal dik ta’ bejn il-Ħaddarin u l-Maltin li qrajna dwarhom fin-novella għ w ġ? Jew is-solitudni ta’ Twanny Misluta f’Art il-Weqfin? Daqs ħmistax-il sena ilu kellek blogg jismu Il-Kriżi u Kif Tegħlibha. Il-kriżijiet tal-lum, jew aħjar lis-sriep, kif ser negħlbuhom?

Is-sejħiet għall-għaqda jistgħu jsiru b’intenzjonijiet tajbin, iżda xorta jibqgħu inutli. Dan għax ebda pajjiż ma jkun magħqud ħlief, ġieli, forsi, meta jiġi invadut. Barra dan, dawk li jappellaw għall-għaqda dejjem jistennew li din tkun “l-għaqda” li jaqblu magħha huma. Din m’hi għaqda xejn u jista’ jkollha wkoll xejriet faxxisti li jmewtu r-rabja ġġustifikata tan-nies. M’iniex qed ngħid li nixtieq pajjiż mifrud, iżda d-diżonestà politika ta’ stqarrijiet foloz bħal dawn ma tgħinx. 

Il-ħarba mhijiex dejjem l-aħjar għażla. Għalija u għal ħafna minn sħabi din inħasset meħtieġa. Anke għalik, taf int. Iżda nibqa’ ddispjaċut li kelli nitlaq għax b’hekk qtajt barra parti minni li tiffjorixxi biss meta nkun f’pajjiżi. Għal dawk li baqgħu Malta, is-solitudni – jew it-tiftix ta’ xi niċċa żgħira fejn jistgħu jeżistu fir-rokna tagħhom – huma tentazzjonijiet kbar. Nifhem lil min jagħżilhom: Malta pajjiż ċkejken immens u ħaġa naturali li dan inissel fihom sens qawwi ta’ klawstrofobija. Madankollu l-attiviżmu f’daż-żminijiet diffiċli huwa dover. La l-awtoeżilju, la s-solitudni u lanqas l-appartenenza lil xi tribù politika mhuma ser iwassluna għal xi soluzzjoni personali jew nazzjonali. 

Nasal ngħid li soluzzjoni m’hemmx, ħlief li nibqgħu nikkundannaw u nissieltu kontra dil-eġemonija tal-injoranza u tan-normalizzazzjoni tal-governanza qarrieqa. 

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom mill-Kunsill Nazzjoni tal-Ktieb

More in Arti