Idħol fl-atmosfera tal-Milied b'kant ta' innijiet u ikel tal-kunvent

Is-St Paul Metropolitan Orchestra qed tistiednek biex tidħol magħha fl-ispirtu tal-Milied

Is-St Paul Metropolitan Orchestra se żżomm l-appuntament annwali tagħna u se ttella’ kunċert tal-Milied fil-Knisja Parrokjali ta’ Santu Wistin nhar il-Ħamis 12 ta’ Diċembru.

Iżda mhux kunċert biss. Wara se ssir ukoll ikla fir-refettorju tal-Kunvent tal-Agostinjani biswit il-Knisja.

Tul il-kunċert Joy to the World, l-orkestra se tesegwixxi diversi għanjiet tal-Milied popolari ma’ dan iż-żmien sabiħ tas-sena bis-sehem ta’ bosta vuċijiet solisti u l-Anacrusis Concert Choir, il-kor residenti ta’ din il-fondazzjoni.

Taħt id-direzzjoni tal-Kavallier Mro. Mark Agius, dan il-kunċert se jesebixxi mill-ġdid talent lokali tal-ogħla livell fejn l-udjenza se tkun imħeġġa wkoll tipparteċipa permezz tal-kant f’dawk is-siltiet popolari li se jiġu esegwiti. 

Fost is-siltiet esegwiti se jkun hemm Immanuel, Gaudete, O Come All Ye Faithful, O Holy Night, u l-immortali Silent Night, illi s-sena l-oħra għalqet 200 sena mill-ewwel eżekuzzjoni tagħha. Imsomma, fi ftit kliem, l-għanjiet kollha li jistgħu jdaħħluk fl-atmosfera ta’ dan iż-żmien ta’ ferħ u paċi.

Qabel il-kunċert ser tkun organizzata żjara fil-mużew u x-xelter tal-kunvent bla ħlas. 

Il-biljetti, kemm għall-kunċert kif ukoll għall-ikla jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokkjali billi min huwa interessat iċempel fuq 79286785 jew 99474744.

Jinkisbu wkoll mingħand l-amministrazzjoni tal-orkestra billi wieħed iċempel fuq79950507 jew onlajn fuq: bit.ly/joytotheworldspmo

Il-qligħ kollu minn dan il-kunċert se jkun b’risq ir-restawr tal-knisja.

More in Arti