Requiem Maltija li nxterdet mad-dinja se tindaqq fil-Katidral b'risq id-Dar tal-Providenza

Is-St Paul Metropolitan Orchestra se tkun qed ittella’ kunċert ta’ mużika sagra, li matulu se tkun qed tindaqq il-quddiesa Requiem e Resurrectio et Vita

Is-St Paul Metropolitan Orchestra se tkun qed ittella’ kunċert ta’ mużika sagra, li matulu se tkun qed tindaqq il-quddiesa Requiem e Resurrectio et Vita tas-Surmast Joseph Sammut.

Dan ix-xogħol ċelebri u mfaħħar internazzjonalment, se jkun qed jittella’ fil-Katidral tal-Imdina, nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-7:30pm.

Id-dħul kollu se jkun b’risq id-dar tal-Providenza.

Mal-orkestra se jkun qed jieħu sehem ukoll is-St Monica Vocal Ensemble, flimkien mas-Sopran Rosabelle Bianchi, il-Mezzo Sopran Claire Massa, it-Tenur Joseph Aquilina u l-Baxx Albert Buttigieg.

L-orkestra se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mark Agius.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw billi tagħfas hawn.

Tagħrif dwar ir-Requiem e Resurrectio et Vita

Dan ix-xogħol kapolavur indaqq għall-ewwel darba fil-31 ta’ Ottubru tal-1991 fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, liema xogħol kien inkiteb biex jitfakkar Dr Gorg Borg Olivier.

Ta’ min isemmi kif dan ix-xogħol ma jieqafx biss mal-mewt, iżda kif jixhed l-isem, jintemm ukoll bil-qawmien mill-imwiet, il-qofol tal-fidi Nisranija.

Fil-fatt, din ir-Requiem hija komposta minn 16-il moviment, jiġifieri: Requiem, Dies Irae, Tuba Mirum, Liber Scriptus, Quid sum Miser, Rex Tremendae, Recordare, Ingemisco, Confutatis, Lacrymosa, Offertorio, Sanctus, Agnus Dei, Lux Aeterna, Libera Me u Resurrectio et Vita

Dan ix-xogħol indaqq ukoll fil-Ġermanja fl-1995 u ġie rrekordjat fil-Parroċċa ta’ San Gebhard in Konstanz.

More in Arti