X'films ġodda qed jintwerew minn din il-ġimgħa?

Farmageddon u aktar fis-swali din il-ġimgħa 

FARMAGEDDON - A SHAUN THE SHEEP MOVIE.

Vuċijiet Ewlenin: Justin Fletcher; John Sparkes; Amalia Vitale; Kate Harbour; David Holt.

Diretturi: Will Becher u Richard Phelan.

Maħruġ minn KRS Releasing. 86 min. Ċert. U.

Il-kumpanija Brittanika Aardman Animation li tispeċjalizza fi produzzjonijiet ta' pupazzi b'ħalq daqsiex, barra xogħlijiet oħrajn, kellha suċċess b'Shaun The Sheep Movie fl-2015. Għal dan it-tieni film tal-eroj sufi tagħna, Aardman qed jippreżentaw xogħol ieħor, ħelu tal-ġeneru tax-xjenza fittizja. Fil-belt kwieta ta' Mossingham, in-nagħaġ kollha ta' Mossy Bottom Farm għaddejjin qishom xalata jilagħbu ferħanin però dejjem taħt is-supervizzjoni tal-kelb tal-għassa, waqt li Farmer John jinsab ġewwa bi kwietu. Malajr fis-smewwiet jidhru dwal strambi u vettura spazjali tikkraxxja qrib ir-razzett. Ikun Shaun, il-mexxej tal-merħla li jiskopri lil Lu-La, kreatura aljena, gustuża u mbeżżgħa (eku ta' E.T. - The Extra-Terrestrial). Shaun jorganizza lil sħabu flimkien biex dan iċ-ċkejken mitluf jerġa' jingħaqad mal-familja tiegħu. Raġel misterjuż liebes l-iswed ukoll qed ifittex lil din il-kreatura b'poteri maġiċi. Farmageddon - A Shaun The Sheep Movie tassew hu addattat għall-familja kollha b'final sfrenat b'wirja dwar l-aljeni organizzata mill-bidwi, li suppost kellha tkun fjask, iżda b'koinċidenza u l-għajnuna ta' Shaun u n-nagħaġ l-oħra tirnexxi verament. Avventura oħra, leġġera u farseska, imħarrka b'pupazzi tat-tafal li dlonk iż-żgħar jinkarmu warajhom.

THE ADDAMS FAMILY

Vuċijiet Ewlenin: Oscar Isaacs; Charlize Theron; Chloe Grace Moretz; Finn Wolfhard; Bette Midler; Allison Janney.

Diretturi: Conrad Vernon u Greg Tiernan.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 87 min Ċert. P. G.

Sensiela li verament qabdet l-immaġinazzjoni tal-pubbliku kienet dik televiżiva The Addams Family, li ntweriet bejn l-1964 u l-1966. Il-karattri gotiċi, eċċentriċi, strambi imma fl-istess ħin ħelwin u anki pjuttost ġentili tant li kulħadd ħa grazzja magħhom, kienu maħluqa minn Charles Addams f'forma ta' cartoons fl-1938. Wara żewġ films, fl-aħħar xi ħadd ħaseb biex din il-familja, li tnissel xi daqsxejn biża' fil-poplu b’mod ġenerali, ikollhom film animat iddedikat għalihom. Waqt it-tieġ tagħhom, Gomez u Morticia Addama (vuċijiet ta' Isaacs u Theron) jitkeċċew minn ċorma nies tal-viċin li ma japprovawx il-ħajja ta' natura makabra li jgħixu. Dawn ikollhom imorru jabitaw f'post abbandunat, li qabel kien manikomju, fuq għolja fi New Jersey, fejn il-poplu komuni jibża' jersaq. Wara 13-il sena jkunu lesti biex jilqgħu f'darhom lil xi qraba aktar strambi minnhom. L-inkwiet jinqala' meta Margaux Needler (Janney), personalità tat-TV b'aġenda sigrieta tkun trid il-post fejn jgħixu biex tiżviluppa l-inħawi għall-gwadann personali tagħha. The Addams Family hu mimli movimenti u azzjoni mħarrka fejn din il-familja stramba tirriżulta li hija aktar ċivili minn nies ta' wadwarha. Morticia Addams qisha xi karattru minn ta' Tim Burton f'The Nightmare Before Christmas.

ZOMBIELAND: DOUBLE TAP

Atturi Ewlenin: Woody Harrelson; Jesse Eisenberg; Emma Stone; Zoey Deutch; Rosario Dawson; Abigail Breslin; Luke Wilson.

Direttur: Ruben Fleischer.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 99 min. Ċert. 15.Fl-2009 ħareġ il-film Zombieland, kummiedja sfrenata dwar erba' kaċċaturi taz-zombis. Dan il-film mhux biss għamel suċċess imma wkoll ħa l-fama ta' film kult. Zombieland 2 jew kif inhu magħruf aħjar Zombieland: Double Tap hi produzzjoni kważi farseska, b'mumenti suppost tal-biża' u oħrajn pjuttost brutali u mdemmija. F'dawn l-għaxar snin li għaddew, il-mejtin/ħajjin saru aktar ħfief u furjużi, b'hekk ix-xogħol tal-erba' eroj, Tallahassee (Harrelson), Columbus (Eisenberg), Little Rock (Breslin) u Wichita (Stone) żdied u sar aktar skabruż biex inaddfu minn nofs lil dawn il-misħutin għatxana għal-laħam uman. Magħhom issa ngħaqdet Nevada (Dawson), il-maħbuba ta' Tallahassee. L-erba' kaċċaturi nsibuhom jgħixu fil-White House, abbandunata u żdingata, u minn hemm imorru Graceland, fejn kien jgħix Elvis, ukoll mitluqa, però jieqfu fil-lukanda mimli memorabilja ta' dan il-kantant rinomat, fejn is-sid hi Nevada. Fl-aħħar ikollhom jerġgħu jiċċaqilqu u jsibu ruħhom f'Babylon, post fejn jabitaw komunità ta' hippies, però jkollhom iċedu l-armi biex jistkennu hemm. Armata kbira ta' żombis qabdu d-direzzjoni lejn Babylon biex jattakkawha. Minkejja diversi sekwenzi ta' kummbattimenti, Zombieland: Double Tap, fih ħafna djalogu farsesk u nċisiv b'ċerti regoli li sikwit jidhru fuq il-liżar ċinematografiku. Interessanti wkoll, kif tidher dik is-sinjura bit-torċa f'idha eżatt fil-ftuħ, il-logo ta' Columbia Pictures, żewġ żombis jattakkaw lil din il-mara li dlonk tgħidilhom. Niftakar li fil-Western sabiħ Cat Ballou (1965) tidher Jane Fonda bit-torċa f'idha u din tibda tispara lejn l-udjenzi. Zoey Deutch bħala Madison tfajla bjondija stupida liebsa roża, li għamlet xi snin moħbija fi friġġ biex tiskarta liż-żombis, tagħti wkoll fil-għajn. Bill Murray, li deher fl-ewwel film, narawh ukoll jikkumbatti waqt il-kreddti tal-aħħar.

TERMINATOR: DARK FATE

Atturi Ewlenin; Linda Hamilton; Arnold Schwarzenegger; McKenzie Davis; Natalia Reyes; Gabriel Luna; Diego Boneta.

Direttur: Tim Miller.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 129 min. Ċert. 15

Is-sensiela Terminator waslet fis-sitt film tagħha b'Terminator: Dark Fate. Wara bidu ta' żewġ episodji eċċellenti, The Terminator (1984) u Terminator 2: Judgement Day (1991), din is-saga żvijat u anki bdiet tnaqqas mill-popolarità tagħha. Fortunatament, l-atmosfera mistika ta' dawn l-ewwel żewġ produzzjonijiet ġiet maqbuda kważi perfettament minn dan ix-xogħol ġdid ibbażat minn fuq storja ta' James Cameron (il-moħħ u d-direttur tal-ewwel żewġ films), Charles Eglee, Josh Friedman, David S. Goyer u Justin Rhodes. Il-protagonisti ewlenin tal-bidu, Arnold Schwarzenegger u Linda Hamilton ukoll qed jerġgħu jirrepetu l-irwol rispettiv tagħhom ta' T-800, il-qalil Terminator u Sarah Connors, dik li salvat l-umanità mill-qerda tal-magni. Terminator: Dark Fate jaqbad l-avvenimenti ta' Terminator 2: Judgement Day (1991). 27 sena wara, mill-futur, Skynet, l-organizzazzjoni ta' magni u robots sofistikati ġellieda li jridu jeqirdu l-umanità, tibgħat fid-dinja Terminator ġdid, xjentifikament u teknikament avvanzat fuq dawk ta' qablu, iffurmat minn metall likwidu f'Mexico City biex joqtol lil Dani Ramos (Reyes), tfajla sempliċi li tgħix ma' ħuha u missierha. Fl-istess waqt, ukoll mill-ispazju tal-futur, l-umani jibagħtu cyborg (robot/umana) jisimha Grace (Davis) biex tipproteġi lil Dani. Fit-tfittxija qalila tiegħu fejn iħalli gzuz ta' mejtin warajh, Rev-9 (Luna), biex ifittex lil Dani, dan l-indistruttibbli li jieħu l-forma tal-umani, se jkollu jħabbat wiċċu ma' Grace u ma' Sarah Connors (Hamilton), issa avvanzata fiż-żmien b'wiċċha jixhed tbatija minn inkontri ma' Terminators oħrajn. Dawn kollha jsibu fejn qed jgħix T-800 (Schwarzenegger) ħajja kwieta fid-dinja, Terminator mill-passat ta' Connors. Dan hu episodju ieħor b'furja eżileranti u ħerba spettakolari li jippompja fik l-adrenalina li żżommok ħerqan u attent kontinwament, aqwa bil-bosta mill-aħħar tliet films ta' din is-serje.

More in Arti