Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019 ser jilqa’ u jiċċelebra l-karriera ta' Loranne Vella

Ibbażata fi Brussell, tul is-snin Vella ddistingwiet ruħha b’mod partikulari bħala artista prolifika u multidixxiplinari kif ukoll bħala rebbieħa ta’ għadd liema bħalu ta’ premji nazzjonali.

Loranne Vella
Loranne Vella

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019 ser jilqa’ lill-kittieba, traduttriċi, direttriċi u awtriċi Loranne Vella bħala mistiedna speċjali b’sensiela ta’ attivitajiet li ser jiċċelebraw il-karriera tagħha. Ibbażata fi Brussell, tul is-snin Vella ddistingwiet ruħha b’mod partikulari bħala artista prolifika u multidixxiplinari kif ukoll bħala rebbieħa ta’ għadd liema bħalu ta’ premji nazzjonali.

In-namra ta’ Loranne Vella mat-teatru bdiet kmieni fis-snin disgħin meta waqqfet il-grupp teatrali esperimentali Aleateia. Fl-1995 kisbet Baċellerat fl-Istudji Teatrali u l-Ingliż mill-Università ta’ Malta. Iżjed tard kompliet tispeċjalizza fl-istudji tat-teatru, tant li kisbet Maġisteru fl-Istudji Teatrali mill-Università ta’ Malta wara li għallmet id-Drama u l-Letteratura Ingliża fil-Kulleġġ San Alwiġi. Intant baqgħet attiva fil-grupp teatrali tagħha b’bosta preżentazzjonijiet fil-Valletta Campus Theatre kif ukoll bil-ħidma tagħha fid-dokumentazzjoni u l-arkivjar tal-proġetti tal-grupp. Fl-istess perjodu ħadet sehem f’diversi films qosra u sensiliet televiżivi Maltin.

F’nofs is-snin elfejn Vella emigrat lejn il-Lussemburgu u iżjed tard fi Brussell fejn ħadmet ta’ traduttriċi mal-istituzzjonijiet Ewropej. Madankollu dan ma rażżan xejn mill-attività kreattiva prolifika tagħha, tant li bejn l-2007 u l-2009 Vella kitbet u ppubblikat – flimkien ma’ Simon Bartolo – it-tliet rumanzi tat-triloġija Fiddien: Sqaq l-Infern, Wied Wirdien, Il-Ġnien tad-Dmugħ. It-tliet rumanzi ntlaqgħu tajjeb ferm, tant li saħansitra lkoll rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija rispettiva tagħhom. Fl-2011 issoktat tikteb għall-adolexxenti bir-rumanz MagnaTM Mater li kklassifika fit-tieni post fil-kategorija tal-kotba għaż-żgħażagħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Fl-2013 Vella reġgħet dehret fix-xena letterarja bin-narrattiva dawn l-erbat ikmamar l’għandi – storja f’erba’ kapitli li akkumpanjat il-wirja fotografika 4 Rooms tal-fotografa Ritty Tacsum. Fl-2015 reġgħet ipproduċiet attività teatrali oħra mal-grupp Aleateia bil-proġett esperimentali The Drooming waqt id-disa’ edizzjoni tal-festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u l-Adolexxenti ŻiguŻajg.B’kollaborazzjoni mal-pubblikatur Merlin, bejn l-2014 u l-2017 Vella ttraduċiet għadd ġmielu ta’ rumanzini għat-tfal mill-Franċiż u mill-Ispanjol għall-Malti, fosthom Se Jkolli Ħija Żgħir? Le Grazzi!, Kosmos Express: Il-Wikkiel tal-Pjaneti, Par Widnejn Kbar, It-Tifel Dragun, L-Investigazzjonijiet ta’ Arkimeda Lapsi, Merħba fir-Rifuġju ta’ Kobikisa!, Vjoletta, Se Jkollna Robot? Le grazzi!, Lisa u l-Kejkovoru, Kosmos Express: Il-Pjaneta Pprojbita, L-Istilistini: L-Ewwel Sfilata ta’ Kate, It-Tifel Dragun: Il-Ktieb il-Kbir tal-Lejl, Sara Ballerina, L-Investigazzjonijiet ta’ Arkimeda Lapsi: Misteru fil-Kamp tal-Indjani, Monumenti Misterjużi: L-Enigma tal-Kavallier u It-Tfal tal-Labirint. Uħud minn dawn it-traduzzjonijiet rebħu l-Premju Terramaxka.

Fl-2017 Vella waqqfet Barumbara Collective fi Brussell – proġett interdixxiplinari tal-arti tal-ispetttaklu li jlaqqa’ flimkien bosta artisti fi Brussell u anke f’Malta. Vella għadha tmexxi dan il-proġett kemm bħala kittieba u kemm bħala direttur/produttur u attriċi. S’issa dan il-kollettiv tella’ tliet proġetti. Il-kalendarju artistiku ta’ dan il-kollettiv fetaħ f’Settembru 2017 bl-attività Brocante Performative tul jumejn sħaħ waqt l-avveniment annwali Brocante Rue de Flandres fi Brussell. Kompla fl-2018 bl-attività Verbi: mill-bieb ’il ġewwa – prestazzjoni msejsa fuq il-ġabra ta’ stejjer qosra mill-bieb ’il ġewwa (take a look inside (me)) li ser tiġi ppubblikata f’Novembru ta’ din is-sena mill-pubblikatur Ede Books. Dan il-proġett ittella’ b’kollaborazzjoni mad-Dipartimenti tal-Arti Diġitali u tal-Istudji Teatrali tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Malta Arts Fund – Project Support Grant tal-Kunsill Malti għall-Arti. Vella tqis li dan kien l-iżjed proġett ambizzjuż li qatt daħlet għalih. L-aħħar attività tal-kollettiv ittellgħet f’April 2019 bil-proġett barumbarainyourlivingroom – attivitajiet personalizzati tal-arti tal-ispettaklu għal postijiet żgħar u intimi fid-djar tan-nies.

 

Intant, fl-2017 Vella rritornat fix-xena letterarja lokali bl-ewwel rumanz tagħha għall-qarrejja adulti Rokit. Ir-rumanz rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Loranne Vella kompliet tikseb iżjed u iżjed suċċessi fis-sena 2018, qabelxejn billi ddebutat bħala kittieba tal-lirika fil-musical Il-Ħanina Maddalena. B’narrattiva qawwija li ħadet lill-ispettaturi lura fis-seklu 18, Vella ħarġet fid-dieher it-trattament ostili li kienu jġarrbu n-nisa – b’mod partikulari l-prostituti – taħt il-madmad tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-awtoritajiet klerikali. Ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u mtella’ bħala parti mill-Malta International Arts Festival, dan l-ispettaklu kien mogħni b’persunal artistiku

mill-aqwa, fosthom Josette Ciappara (direttriċi), Domnic Galea (mużika), Simon Bartolo (narrattiva), Dorian Mallia (koreografu), Diane Portelli (koreografa) kif ukoll il-kantanti Chiara, Amber, Leontine u Dorothy Bezzina. Il-musical gawda l-appoġġ tal-Public Broadcasting Services, tal-Malta Film Commission u tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Bl-għajnuna tal-inizjattiva Cultural Export Fund tal-Kunsill Malti għall-Arti, fl-istess sena Vella organizzat ukoll sensiela ta’ lejliet letterarji f’diversi bliet fl-Awstralja bit-titlu Maltese Literature in Australia. Ukoll fl-2018, ħadet sehem fil-festival prestiġjuż ta’ Vilenica fis-Slovenja b’kontribut letterarju maqlub għas-Sloven (Bewl u Ostji/Scanje in hostije) fil-pubblikazzjoni Wara Settembru.

 

F’Mejju ta’ din is-sena n-novella tagħha Moxt (Comb) intgħażlet biex tinqara fil-pubbliku waqt il-Words on the Street Festival f’Dublin. Ftit xhur wara rritornat f’pajjiżna biex tieħu sehem fl-14-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.

 

Bħala mistiedna speċjali għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, nhar l-Erbgħa 6 ta’ Novembru bejn is-19.00 u d-21.00 Loranne Vella ser tingħaqad mal-awturi barranin Dave Rudden (l-Irlanda), Kali Wallace (l-Istati Uniti) u Jon Courtenay Grimwood (ir-Renju Unit) fil-konferenza Strange New Worlds, fejn ser tiddiskuti l-ġeneru tal-fantaxjenza f’Malta u lil hinn minnha. L-għada ser tniedi l-istorja għat-tfal Smajna Isimna Taħt l-Art waqt attività privata fl-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa. Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-19.00, ser issirilha intervista dwar il-karriera tagħha fit-Theatre Hall mill-awtur Walid Nabhan. Fid-21.00, imbagħad, ser tniedi l-ġabra tagħha mill-bieb ’il ġewwa fl-art cafè KIXOTT il-Mosta. Is-Sibt ser terġa’ żżur Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, sewwasew l-Authors Hub, sabiex tiltaqa’ mal-pubbliku ġenerali.

Loranne Vella taqra l-iżjed bl-Ingliż u fil-biċċa l-kbira tittraduċi mill-Franċiż, iżda mill-bqija tagħmel mezz biex tikteb kollox bil-Malti. Il-parir siewi tagħha għal dawk li jixtiequ jsegwu l-passi tagħha billi jaħkmu diversi dixxiplini artistiċi huwa dan: “Segwu l-korsijiet tagħkom b’passjoni. Esperimentaw, esploraw, kunu kurjużi. Staqsu ħafna u fittxu t-tweġibiet. Toqogħdux tistudjaw biss, iżda skporu minn jeddkom. U għamlu tagħkom kulma tiskopru.”

Fuq kollox, lil dawk li jridu jsiru kittieba f’pajjiżna Vella tagħtihom dan il-parir: “iktbu bil-Malti.

More in Arti