Il-Festival tal-Ktieb ilaqqa’ lill-qarrejja ma’ Lillian Sciberras

L-attività se ssir nhar l-10 ta’ Novembru fil-5.15pm fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019 se jlaqqa’ lill-qarrejja Maltin ma’ Dr. Lillian Sciberras waqt attività speċjali maħsuba apposta biex tfakkar il-ħidma wiesgħa tagħha fl-oqsma tal-bibljotekonomija u tal-letteratura. 

L-attività se tikkommemora wkoll il-premju prestiġjuż li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb aġġudika lilha – bħala parti mill-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 – għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, b’mod partikulari fil-qasam tal-libreriji f’Malta. 

L-attività se ssir nhar l-10 ta’ Novembru fil-5.15pm fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.

Bħala waħda mill-ewwel prattikanti tal-mestier tal-librara f’Malta, Dr. Sciberras tat kontribut liema bħalu biex jitwaqqfu s-sisien moderni tal-libreriji u tat-tagħlim tax-xogħol tal-librara. 

Il-lettur tal-Istudji tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta ġabar fil-qosor il-ħamsin sena ħidma akkademika u letterarja ta’ Dr. Lillian Sciberras b’dan il-kliem xieraq: “Bħala librara u mbagħad iżjed tard bħala akkademika fil-qasam tal-bibljotekonomija, Lillian kienet tgħix u tieħu n-nifs b’riħet il-ktieb... u mhux biss bil-manifestazzjoni fiżika tagħhom tal-karta u l-kartun, iżda wkoll bis-sinifikat inkredibbli tagħhom bħala vejjikli tal-għarfien, bħala muturi ewlenin tal-bidla u fl-istess waqt bħala reġistri tal-istorja.”

Dr. Sciberras hija lettriċi anzjana fl-Istudji tal-Bibljotekonomija kif ukoll Kap tat-Taqsima tal-Libreriji u l-Istudji tal-Informazzjoni fiċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta. Fl-imgħoddi okkupat bosta karigi oħra fil-librerija tal-Università, fosthom Deputat Librara bejn l-1984 u l-1992. 

Kienet ukoll membru ta’ diversi bordijiet u kumitati u Ċerpersin tal-Kumitat Konsultattiv tal-Libreriji Pubbliċi. 

Minkejja li f’żgħożitha ma kellhiex il-vokazzjoni ta’ għalliema, wara madwar 25 sena servizz fil-librerija tal-Università Dr. Sciberras laqgħet l-isfida li tgħaddi l-għarfien li kisbet tul is-snin lill-istudenti li għażlu li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam. Għaldaqstant nediet kurrikulu li maż-żmien żviluppa fi programm mgħallem minn persunal akkademiku full-time. 

Kmieni fis-snin disgħin Dr. Sciberras tat ukoll kontribut sod fit-twaqqif ta’ unità speċjalizzata fil-bibljotekonomija li toffri kwalifiki akkademiċi rilevanti fil-livelli kollha. Uħud mill-istudenti tagħha llum jokkupaw karigi importanti ħafna f’diversi entitajiet ewlenin tal-pajjiż, fosthom il-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, l-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Bank Ċentrali.

Bħala akkademika professjonali li tassew tirrispetta l-mestier tagħha, Dr. Sciberras ma toqgħodx lura milli tiddefendi, qabelxejn, l-immaġni tal-librara – b’mod partikulari billi xxejjen il-perċezzjoni popolari li dan ix-xogħol jirrikjedi biss sempliċement is-self u l-istivar tal-kotba. 

Fost il-kapaċitajiet indispensabbli li tisħaq fuqhom insibu s-sengħa tal-katalgar kif ukoll l-għarfien u l-klassifikar tas-sorsi tal-informazzjoni. 

Temmen bis-sħiħ li fi żmienna dawn il-kapaċitajiet issa saru ferm iżjed kruċjali minn qatt qabel, l-iżjed minħabba l-isplużjoni tas-sorsi tat-tagħrif li ġab miegħu l-internet u l-fenemonu dejjem jikber tal-aħbarijiet foloz. 

Twissi wkoll li l-faċilitajiet moderni li llum toffri l-informatika m’għandhomx inaqqsu l-interess u l-investimenti fil-qasam tal-arkivjar.

Fil-biċċa l-kbira r-riċerki akkademiċi ta’ Dr. Sciberras iffokaw fuq l-iżvilupp bibljografiku nazzjonali, il-memorja nazzjonali u l-Melitensja bħala ħażna ġenerali ta’ informazzjoni nazzjonali u memorja kollettiva ta’ poplu sħiħ. Dr. Sciberras kisbet il-kwalifika ta’ librara mill-Ealing College for Higher Education ta’ Londra. 

Ukoll f’Londra, iżjed tard kisbet Maġisteru f’dan il-qasam mill-University College. Bħala akkademika barranija fl-2001 kisbet Dottorat mill-Università ta’ Londra bit-teżi Melitensia: Information Resource and National Memory. 

Hija wkoll awtriċi ta’ għadd ġmielu ta’ kitbiet akkademiċi, fosthom kontributi f’Some problems facing the current national bibliography in Mediterranean countries (1987), Retrospective record conversion and shared national library functions in Malta: reflections from the edge of Europe (1990) u National Memory in Malta: the extended role of libraries (2004).

Fil-livell internazzjonali Dr. Sciberras hija membru taċ-Chartered Institute of Library and Information Professionals (UK) u tal-American Library Association, mentri f’dak lokali kienet waħda mill-ewwel membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Libreriji u l-Informazzjoni (MaLIA).

Minbarra l-ħidma sfiqa tagħha fil-bibljotekonomija, Dr. Lillian Sciberras tat ukoll kontribut siewi lil-letteratura lokali b’bosta poeżiji, novelli u rumanzi miktuba kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. Bħala poeta, Dr. Sciberras titqies bħala waħda mill-ewwel ilħna feminili tal-Moviment Qawmien Letterarju tas-snin sittin. Il-poeżiji tagħha dehru l-ewwel darba fl-1971 f’Malta: The New Poetry, u mbagħad fl-1979 f’Wara r-Repubblika: Versi ma’ Dr. Mario Vella. Ġabriet poetiċi oħra jinkludu Crosswinds: An Anthology of Post-war Maltese Poetry (1980) u Klessidra: Versi taż-Żmien Maħrub (2014). 

Il-poeżija bikrija tagħha kellha xeħta pjuttost politika – imnebbħa mill-ideoloġiji tax-xellug radikali – li tesprimi diżappunt bl-istituzzjonijiet politiċi u sogħba u kundanna kontra l-inġustizzji li naraw kuljum madwarna. 

Għaldaqstant dik il-ħabta Dr. Sciberras kienet tal-fehma li l-letteratura qabelxejn għandha tkun għodda politika favur il-bidla u l-ġustizzja soċjali. Il-quċċata ta’ din il-fażi laħqitha matul il-kollaborazzjoni letterarja tagħha ma’ Dr. Mario Vella.

Madankollu maż-żmien Dr. Sciberras saret temmen li l-arti m’għandhiex tisfa’ f’monopolju ta’ xi kawża politika jew ideoloġija partikulari. 

Fil-fatt tistqarr li llum tħossha iżjed komda fiċ-ċentru tal-ispettru politiku filwaqt li x-xogħol letterarju tagħha bil-mod il-mod qabad xejriet eżistenzjali u saħansitra spiritwali. 

Dan kien jeħtieġ bidla skjetta fl-attenzjoni tagħha: mill-esterjuri għall-interjuri. Fi kliemha stess, “hemm xi ħaġa li ġġagħlek taħseb u tħares lil hinn mid-dinja materjali. Jidhirli li tinkiseb ċerta maturità meta tibda tistaqsi lilek innifsek għalfejn qegħdin hawn, mnejn ġejna u fejn sejrin.” F’dar-rigward, għaldaqstant, il-poeżija iżjed reċenti tagħha għandha mill-ħsus ta’ diversi poeti veterani oħrajn bħala Marlene Saliba, Doreen Micallef u Mario Azzopardi. 

Iżjed tard fil-karriera tagħha Dr. Sciberras iddistingwiet lilha nfisha wkoll fis-sengħa tal-proża. Fl-2012 ippubblikat il-ġabra ta’ stejjer Happenstance: Tales of Circumstance (2012) filwaqt li fl-2016 deher l-ewwel rumanz tagħha Shadows in Penumbra. Fin-novelli tagħha hija tirrifletti b’mod partikulari fuq ir-rapporti umani u tistħarreġ ukoll il-fenomeni paranormali li minn xi daqqiet jikkumplikaw bla mistenni l-ħajja tal-bniedem. Ir-rakkonti tagħha spiss joqogħdu lura milli jikkonkludu n-narrattiva b’mod feliċi għax jagħżlu, minflok, li jistħarrġu l-impulsi li jikkundizzjonaw l-imġiba tan-nies u s-sens ta’ immedjatezza li lkoll naffaċċjaw f’ħajjitna. Għaldaqstant bosta min-novelli tagħha jistgħu jitqiesu bħala riflessjoni fuq il-kundizzjoni umana f’sens wiesa’, sikwit imnebbħa mill-mogħdrija.

Minkejja li Dr. Sciberras ma tgħoddx lilha nfisha b’kittieba prolifika, xorta waħda tisħaq li l-kittieba li tgħammar ġo fiha se tibqa’ magħha sal-mewt. Fi kliema stess, “hi u jien se nibqgħu neżistu sal-aħħar”’

More in Arti