Iċċelebra l-Vitorja u segwi r-Regatta mill-Forti Sant'Anġlu

Heritage Malta se tkun qed tiftaħ il-Forti Sant’Anġlu għall-prezz imraħħas ta’ €2

Nhar il-Ħadd li ġej, f’Jum il-Vitorja, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ il-Forti Sant’Anġlu għall-prezz imraħħas ta’ €2.

Għall-avveniment ta’ din is-sena tħejja programm ta’ attivitajiet matul il-ġurnata kollha, mid-09.00am sas-06.00pm, filwaqt li l-Forti Sant’Anġlu huwa wkoll fost fortifikazzjonijiet oħrajn li ntgħażlu għal Jum tal-Fortizzi Ewropej ta’ din is-sena.

Matul il-ġurnata se jiġu organizzati diversi attivitajiet, fosthom żewġ quddisiet.

Waħda se tibda fl-10.00am fil-Kappella tan-Nativita u wara ssir il-kommemmorazzjoni tar-rebħa tal-Assedju l-Kbir ħdejn il-monument tal-Assedju l-Kbir bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Iscouts ta’ Bormla.

Il-quddiesa l-oħra tibda f’nofsinhar u ssir fil-Kappella ta’ Sant’Anna fil-parti ta’ fuq tal-forti mmexxija mill-Ordni Militari u Sovran ta’ Malta. Il-parti ta’ fuq se tkun miftuħa għall-pubbliku matul il-ġurnata kollha. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jammiraw ukoll l-arblu navali li għadu kemm tpoġġa f’postu wara li ġie restawrat.

Il-forti se jkun animat ukoll permezz ta’ rappreżentazzjonijiet minn gruppi ta’ re-enactment: Show of Arms, il-Historical Re-enactment Group of Malta, il-Malta Historical Fencing Association, Battlefront Living History Group u l-Malta Command. Se jkun hemm ukoll wirja ta’ falkunerija minn Fridericus Rex Malta Falconers.

Il-viżitatur se jkollu l-aħħar ċans biex iżur il-wirja, ‘Behind Closed Doors Fort St Angelo & the Royal Navy 1906-1979’ hekk kif se tintemm dakinhar.

F’nofsinhar il-kuratur se jkun qed jagħmel żjara bi gwida ta’ din il-wirja bl-Ingliż filwaqt li fit-03.00pm ikun hemm żjara oħra bil-Malti.

Membri tar-Royal Naval Association (Malta) se jkunu preżenti u l-viżitaturi se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ wħud minn dawn il-veterani li magħhom se jkun hemm ukoll il-Malta Sea Cadets. Il-katalgu tal-wirja se jkun għall-bejgħ bi prezz imraħħas ta’ €10 biss.

Grazzi għall-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-ponta tal-Birgu, il-Forti Sant’Anġlu hu l-post ideali għad-dilettanti tar-Regatta sabiex isegwu dawn it-tiġrijiet tradizzjonali li jsiru kull sena fil-Port il-Kbir.

Id-dħul se jkun imraħħas għal €2, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikun bejn id-09.00am u s-06.00pm, bl-aħħar dħul isir fil-05.30pm. Tfal taħt it-12-il sena u membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn.

Iktar tagħrif jinkiseb mill-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org, jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook.

More in Arti