Intervista | ‘Fil-Belt hemm bżonn teatru ieħor ... it-Teatru Rjal kellu jerġa’ jinbena’

Mario Micallef. Wieħed mill-aktar atturi maħbub mal-Maltin. Ħafna jiftakruh fil-parti ta’ Dun Grejbel, iżda jippreferi t-teatru milli t-televiżjoni

Mario Micallef. Attur veteran u maħbub. Ħafna jassoċjawh mas-serje televiżiva ‘It-Tfal Jiġu bil-Vapuri,’ meta qaxxar il-parti ta’ Dun Grejbel. Għal Mario, dan is-serje, ħareġ għal qalbu ħafna, iżda jibqa’ l-fatt li jippreferi l-palk tat-teatru milli l-iskrin tat-televiżjoni. L-ILLUM iltaqgħet ma’ dan l-attur, li llum għandu 71 sena, u tkellmet miegħu dwar karriera twila fit-teatru u d-drama.

Bdejna billi staqsejnieh meta kienet l-ewwel darba li tela’ fuq palk u minn fejn bdiet din in-namra u l-entużjażmu tiegħu għat-teatru. Ħadna lura diversi snin, meta kellu madwar 10 snin.

“L-ewwel darba li tlajt fuq il-palk kont aspirant fl-Azzjoni Kattolika tal-Belt. Dak iż-żmien konna niltaqgħu f’Palazzo Caraffa,” beda jirrakkontalna Micallef. “Kienu jagħmlu reċti kull nhar ta’ Ħadd, għall-familjari tal-aspiranti u tas-soċji. Kelli lil ħija George, li hu akbar minni, jieħu sehem. Kont narah jirreċta u tħajjart ukoll.”

Semma l-Lejl tal-Milied li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika kienu jistennew minn sena għall-oħra, għax kienu jqattgħu lejl sħiħ mal-familja tagħhom f’dan it-teatru, jieklu, jixorbu, jilagħbu u jtellgħu reċti qosra.

“Hemm kienet l-ewwel darba li tlajt fuq il-palk. Ħadt sehem f’kummiedja li kien jisimha ‘Marsalforn.’ Kienet kummiedja sempliċi, ta’ missier li jiġi mix-xogħol u jsaqsi lill-omm fejn hu t-tifel. L-omm twieġbu mar sal-forn, iżda l-missier jippanikja għax jifimha Marsalforn. Minn hemm ma ħaristx lura,” qalilna l-attur.

Mario Micallef fil-parti tal-Ispettur Bonnici
Mario Micallef fil-parti tal-Ispettur Bonnici

‘It-teatru jagħtini sodisfazzjon akbar mit-televiżjoni’

Kien hawn li staqsejna lil Mario x’jippreferi jagħżel bejn it-teatru jew inkella dramm fuq it-televiżjoni. Ħatafna fil-kelma: “bla dubju t-teatru. Jagħtini sodisfazzjon kbir. It-teatru huwa xi ħaġa ħajja. Ir-rispons tan-nies huwa sabiħ wisq.”

Imma bit-televiżjoni mhux qed tilħaq udjenza li hija ħafna akbar u mifruxa? Qabel magħna u saħaq li bit-televiżjoni, lill-attur isiru jafu bih aktar nies iżda baqa’ jinsisti li t-teatru lilu jagħtih aktar sodisfazzjon.

“Il-fatt li qed tara r-rispons tan-nies quddiemek jagħtik ċertu sodisfazzjon. Apparti minn hekk, joffrilek sfida akbar. Fit-teatru, jekk bdejt tirreċta, ġara x’ġara, anke jekk ħadt żball, trid tibqa’ għaddej. Fit-televiżjoni mhux hekk. Iffilmjajt xena xena, min jaf kemm-il darba. Quddiemek ma għandekx udjenza, ħlief xi żewġ persuni. Sinċerament mhux daqshekk eċitanti,” spjegalna Micallef.

Meta jonqos dan l-entużjażmu, irrid inkun raġel li nagħżel jiena li nieqaf. Għalissa ma nixtieqx nasal f’dan il-punt. It-teatru huwa t-tieni dar u t-tieni familja tiegħi

Fil-fatt, anke jekk għadu jieħu sehem fi drammi fuq it-televiżjoni, fosthom wieħed li se jibda f’Ottubru, Mario Micallef qed jidher jaħdem aktar fit-teatru, fejn dan l-aħħar ħadem ħafna fuq it-triloġija ta’ Mario Azzopardi, “L-Ispettur Bonnici.”

Fil-fatt, Micallef żvela magħna kif bħalissa għaddejjin taħdidiet bl-għan li din it-triloġija tinbidel ukoll f’sensiela ta’ 13-il episodju għat-televiżjoni.

Iżda fit-Teatru Manoel, Mario Micallef mhux jirreċta biss, iżda anke jidderieġi. F’Novembru li ġej se jidderieġi ‘La Mandragola’ ta’ Machiavelli, liema xogħol ċelebri kien tradott mill-attur mibki Zep Camilleri.

Imma n-nies għadhom ifittxuh it-teatru?

La konna qed nitkellmu fuq it-teatru, ma stajniex ma nitkellmux ma’ Mario Micallef dwar l-udjenzi. In-nies għadhom ifittxuh? Iż-żgħażagħ għadhom imorru t-teatru?

Ħsibnieh se jkun aktar negattiv, iżda l-attur saħaq li filwaqt li sa ftit tas-snin ilu, l-udjenzi fit-teatru niżlu drastikament, forsi anke minħabba t-televiżjoni, fl-aħħar snin, partikolarment fl-aħħar ħamsa, it-teatru reġa’ qiegħed iqum u hemm interess fost iż-żgħażagħ.

Fakkar li f’Malta hawn ħafna skejjel tad-drama u għalhekk, ħafna żgħażagħ li jattendu, qed ifittxu aktar li jsegwu dak li jkun għaddej fit-teatru.

“Bħalissa qed naraw b’għajnejna li fil-produzzjonijiet li tellajna, fosthom anke dik tal-Ispettur Bonnici, attendew ħafna żgħażagħ,” insista Micallef.

Minkejja dan, ma jfissirx li Micallef huwa kuntent bl-attendenza inġenerali, anke għax fi kliemu, dawk li jattendu t-teatru, x’aktarx se jkun l-istess nies sena wara l-oħra.

“Jiddependi wkoll x’tip ta’ produzzjoni ttella’. L-udjenza Maltija tħobb ħafna l-kummiedja. Meta jkollna kummiedja, in-nies tiġi bi ħġarha, aktar milli meta ntellgħu dramm,” qalilna Mario.

Tkellimna miegħu dwar ir-riżorsi tal-kumpaniji li jtellgħu l-produzzjonijiet fit-teatru. Ma tantx dar mal-lewża. Fi kliemu, ir-riżorsi, almenu tal-kumpanija tiegħu li ttella’ l-produzzjonijiet fit-Teatru Manoel, huma limitati.

“Mhux aħna biss. Kulma bqajna fit-Teatru Manoel xi erba’ kumpaniji,” kompla jgħidilna Mario Micallef waqt li spjega kif jiftakar żmien meta fl-istess teatru, ġieli kienu madwar għaxar kumpaniji.

Mario Micallef u x-xewqa tiegħu għat-Teatru Rjal

Hawnhekk qlibna ftit id-diskors hekk kif Micallef saħaq dwar il-bżonn li f’Malta, partikolarment il-Belt, ikun hawn teatru ieħor.

“Jien għalhekk naqbel ħafna li t-Teatru Rjal jerġa’ jinbena kif kien,” saħaq Micallef.

Iżda jekk qed jilmenta li sar diffiċli timla t-Teatru Manoel u li jattendu dejjem l-istess nies, kif issa qed jgħid li hemm bżonn teatru ieħor? Weġibna fil-pront:

“Hekk ikollok għażla li t-Teatru Manoel tħallih għall-mużika, kif fil-fatt kważi kważi qiegħed, u t-Teatru Rjal jintuża għad-drama u attivitajiet oħra. It-teatri l-oħra li fadal il-Belt huma esaġerati. Se tmur Dar il-Mediterran? Kbir wisq u mhux adegwat,” saħaq Micallef.

Fil-fatt, tenna li hija x-xewqa tiegħu li t-Teatru Rjal jerġa’ jarah mibni kif kien, almenu minn barra.

“Ħalli ġewwa mbagħad ikun hemm swali għal esibizzjonijiet tal-arti, jew għall-konferenzi u teatru żgħir, intimu, li jesa’ mat-300 jew 400 ruħ. Ma hemmx bżonn teatru akbar minn hekk. Wara kollox, kull produzzjonijiet se tirrepetiha,” qalilna l-attur.

Iż-żmien tal-pageant tal-Karmnu jibqa’ għal qalbi wisq

Erġajna qlibna d-diskors biex inkomplu nitkellmu dwar il-karriera ta’ Mario Micallef. L-attur, min jeddu, xtaq li jsemmi perjodu, li anke jekk ftit li xejn tah fama mal-pubbliku, jibqa’ wieħed mill-isbaħ żminijiet ta’ ħajtu.

Tkellem fit-tul dwar id-dramm famuż tal-passjoni li ta’ kull sena kien jittella’ fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, fejn Mario Micallef, apparti li kien jidderieġi u jikteb id-dramm flimkien ma’ awturi oħra, kien anke jirreċta l-parti ta’ Kristu.

“Dan il-perjodu ma ninsieh qatt. Kelli madwar 30 sena. Kelli entużjażmu u enerġija kbira. Kien żmien sabiħ ħafna. L-atturi kieku kollha żgħażagħ. Tant raw fija entużjażmu, li bla ma riedu kienu jaħdmu ħafna huma wkoll. Konna sirna qisna familja waħda. Kien żmien wisq sabiħ,” qalilna Micallef.

Ovvjament riżorsi ma kellhomx, il-kostumi kienu jħituhom nisa li joqogħdu fl-akkwati, kienu jittalbu biex jagħmlu xi ħaġa ġdida, xi avviż u aktar tard anke palk. Minkejja dan, il-pageant tant kienet kibret, li kienu jmorru jarawha anke nies minn barra l-Belt.

Mario Micallef fil-parti ta' Kristu waqt waħda mill-pageants
Mario Micallef fil-parti ta' Kristu waqt waħda mill-pageants

“Għall-bidu konna nirrekordjaw l-ilħna. Kont inġib atturi stabbiliti biex nirrekordjaw l-ilħna fis-sagristija. Meta rajt li ż-żgħażagħ bdew jidraw, bdejna nagħmluha live wkoll.

Irrakkontalna kif dak iż-żmien, il-pageant kienet issir fil-knisja l-qadima tal-Karmnu, bil-knisja l-ġdida qed tinbena mad-dawra tagħha.

“Qatt ma ninsa. Darba minnhom, fis-sebgħa se nibdew il-pegeant iżda sas-sitta u nofs, il-kuntrattur li kien qed jibni l-knisja l-ġdida ma jridx jieqaf jaħdem,” kompla jirrakkonta. “Salt nisa lesti biex ibaħbħu bl-ilma u jpoġġu l-kartun mal-art biex jidħlu n-nies.” 

Mario Micallef jitkellem dwar dan il-perjodu b’ċertu nostalġija u b’leħnu miksur, partikolarment meta semma l-mument li għażel li jieqaf jagħmel il-parti ta’ Kristu, parti li fi kliemu kienu jagħmilha b’passjoni kbira.

“Ħadd ma kien jaf. Fl-aħħar tad-dramm, ħadt il-mikrofonu f’idi u ħabbart li dakinhar kienet l-aħħar darba li għamilt din il-parti. Kienet emozzjoni sabiħa. In-nies qamu jċapċpu,” qalilna Mario. “Jiena hekk nemmen. Bniedem għandu jieqaf minn dak li jkun qed jagħmel fl-aħjar tiegħu u mhux meta jkun spiċċa. Trid tkun raġel biżżejjed biex tieħu dik id-deċiżjoni.”

In-namur vera qed jispiċċa... illum jirreċtaw biex jidhru

Kien hawn li Mario Micallef tkellem dwar l-importanza li min ikun irid jidħol fid-dinja tat-teatru, ikollu n-namur vera.

rrefera għal dawn iż-żgħażagħ tal-pageant, Micallef ilmenta dwar il-fatt li llum, ħafna żgħażagħ, jitolbu biex jieħdu sehem f’xi dramm fuq it-televiżjoni, mhux minħabba n-namur lejn ir-reċtar, iżda biex jidhru.

“Dak in-namur ta’ vera ftit għad fadal minnu,” insista Micallef waqt li tkellem fuq is-sagrifiċċji u anke l-impenn li jeħtieġ għat-teatru. “Jekk se ntella’ produzzjoni fit-Teatru Manoel u ngħidlek il-minimu huwa sitt ġimgħat ta’ provi, ma tistax tiġi u tgħidli nagħtik tliet ġimgħat. Ma tistax ma tiġix għax ibatu atturi oħra. Ma nistax nieħu sogru.”

Mario Micallef fil-parti ta' Dun Grejbel
Mario Micallef fil-parti ta' Dun Grejbel

F’jumejn qrajt ir-rumanz kollu ‘It-Tfal jiġu bil-Vapuri’ u rajt fih potenzjal

U jekk qed titkellem ma’ Mario Micallef. Kif tista’ ma titkellimx fuq is-serje tant popolari: “It-Tfal jiġu bil-Vapuri.” Anke jekk Mario jippreferi t-teatru, jisħaq li dan ix-xogħol jibqa’ għal qalbu ħafna. Bis-saħħa tal-parti ta’ Dun Grejbel, Micallef kien rebaħ il-premju tal-aqwa attur fuq it-televiżjoni.

Kollox beda meta l-Professur Oliver Friggieri kien ta kopja ta’ dan ir-rumanz lil Micallef.

“Niftakar qbadt naqra u ma xtaqx nieqaf. Fl-ewwel lejl qrajt nofsu. F’jumejn qrajtu. Rajt fih potenzjal kbir li jkun addattat għat-televiżjoni,” qalilna Micallef.

Kien hawn li talab lil Friggieri biex jaddattah bħala serje għat-televiżjoni, xi ħaġa li l-Professur ma riedx akkost ta’ kollox, sakemm għaddew ftit ġranet u reġa’ bdielu, bil-patt u l-kundizzjoni li jaddattah ħaddieħor, kif fil-fatt għamel l-attur mibki Lino Grech.

Minn hawn u minn hemm, dan is-serje nħadem u kien suċċess kbir.

“Dak iż-żmien, il-Kap Eżekuttiv tan-Net TV, Anton Attard, xtaq 13-il episodju ieħor. Jiena ma riedx, iżda baqa’ jinsisti u l-uniku soluzzjoni kienet li nikkonvinċi lil Friggieri jikteb Rumanz ieħor, għax l-ewwel Rumanz konnha eżawrajnih,” irrakkontalna Mario.

Fil-fatt, għall-bidu, Oliver Friggieri ma ried b’xejn, sakemm ikkonvinċa ruħu u kiteb it-tieni rumanz. Is-suċċess reġa’ kien kbir, l-istorja rrepetiet ruħha u Friggieri spiċċa kiteb it-tielet rumanz, biex hekk ingħaqdet it-triloġija: “Hekk tħabbat il-Qalb Maltija.”

‘Ikolli nammetti li l-livell ma tantx tjieb ... ħafna atturi mhumiex naturali’

Għaddew is-snin u tibqa’ sensiela ta’ kwalità. Staqsejna lil Mario jekk iħossx li llum ħafna serje televiżivi mhumiex qed jilħqu ċertu kwalità.

“Ikolli nammetti li l-livell ma naħsibx li tjieb. Meta ssemmi kitba ta’ Oliver Friggieri jew Lino Grech fejn tista’ tasal aktar. Illum saret wisq kummerċjali. Lanqas għadhom jinkitbu stejjer bħal ‘It-Tfal jiġu bil-Vapuri’. Illum aktar stejjer mimlija mħabba, sess u vjolenza,” qalilna Mario, “Anke ħafna kliem baxx. Jiena bniedem moħħi miftuħ. Ċertu lingwaġġ ma narahx tat-televiżjoni. Fit-teatru forsi jgħaddi, imma mhux għat-televiżjoni.”

Dan il-ħafna kliem baxx idejjaqni. Jiena bniedem moħħi miftuħ. Ċertu lingwaġġ ma narahx tat-televiżjoni. Fit-teatru forsi jgħaddi, imma mhux għat-televiżjoni

Tkellimna wkoll fuq l-atturi b’Micallef jilmenta li xi drabi hemm nuqqas ta’ naturalezza.

“Tissejjaħ attur skont kemm tkun naturali. Anke l-kitba. Jekk ma jkollokx kitba serja, x’livell se jkollok? Dawn imorru flimkien. Inutli jkollok skript tajjeb u atturi ma tantx u viċi-versa,” insista Micallef.

Għamilt sitt xhur nistudja d-Divina Commedia... imtlejt b’tensjoni’

Kif wieħed fehem sa issa, it-teatru jeħtieġ impenn u allura ħafna ħinijiet ’il bogħod mid-dar. Il-fatt li mart Mario hija attriċi stabbilità wkoll, dan jagħmel differenza?

“Ħafna. Għax tista’ tifhem. Iżda Nathalie waslet f’perjodu fejn kellha tissagrifika l-karriera tagħha. Meta t-tfal bdew jikbru ma stajniex nibqgħu għaddejjin kif konna. Ngħid dan b’għafsa ta’ qalb. Ikolli nammetti, li t-tfal ma rajthomx jitrabbew miegħi. Kienet qed trabbihom il-kunjata għax inkella ma stajniex inkomplu bit-teatru,” qalilna l-attur.

Kien hawn li reġa’ tenna magħna li minkejja dawn is-sagrifiċċji, l-entużjażmu fih għadu kbir. “Meta jonqos dan l-entużjażmu, irrid inkun raġel li nagħżel jiena li nieqaf. Għalissa ma nixtieqx nasal f’dan il-punt. It-teatru huwa t-tieni dar u t-tieni familja tiegħi,” qalilna Micallef.

Iżda mhux il-ħinijet biss huma diffiċli. It-teatru jirrikjedi żmien twil ta’ studju. Mario semmielna wkoll żewġ produzzjonijiet li tawh sodisfazzjon kbir, fosthom il-one man shows: ‘Divina Commedia’ u ‘Caravaggio.

Anke jekk dawn tawh sodisfazzjon, partikolarment id-Divina Commedia, Mario jisħaq li jekk ikollu jerġa’ jagħmilha, ma jagħmilhiex.

“Għamilt sitt xhur sħaħ nistudjaha. Imlietni b’tensjoni kbira. Għext il-karattru. Il-familja tiegħi għexitha miegħi u sfortunatament batiet miegħi,” saħaq Micallef. “Jiena nixtieq li t-teatru, kulħadd bħali, jieħdu b’serjetà kbira. Ma nkun irrid inħalli xejn barra. Jiena dan nixtieq li jkun il-legat tiegħi.”

‘L-akbar sodisfazzjon kien li l-Istat irrikonoxxa l-ħidma tiegħi’

Minkejja dawn is-sagrifiċċji, Mario Micallef jibqa’ jisħaq li t-teatru jagħtik sodisfazzjon kbir, aktar u aktar meta tara x-xogħol tiegħek jiġi apprezzat.

Fost oħrajn, bid-dmugħ f’għajnejh, semma’ dak il-mument meta fl-2010, fl-istess xahar li għamel id-Divina Commedia, Mario Micallef ħa l-midja tal-Għoti tal-Mertu għall-Qadi tar-Repubblika.

“L-akbar sodisfazzjon kien li l-Istat irrikonoxxa l-ħidma tiegħi. Meta kont naf li nnominani Oliver Friggieri u ssekondawni Fr Peter Serracino Inglott, Carmen Azzopardi u Fr Norbert Ellul Vincent, erba’ pilastri tal-kultura, kienet xi ħaġa ħafna akbar,” temm jisħaq Micallef. 

More in Arti