Pavarotti fiċ-ċinema u aktar films fis-swali

Is-swali taċ-ċinema se joffru għażla vasta ta' films għall-gosti ta' kulħadd

Pavarotti

Atturi Ewlenin: Luciano Pavarotti.

Direttur: Ron Howard.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 114 min. Ċert. 12A

B'filmati li qatt ma ntwerew qabel, kunċerti, intervisti mingħajr kantunieri, Ron Howard din id-darba ffoka u eżamina l-ħajja tat-tenur ċelebri Taljan, Luciano Pavarotti. Imlaqqam t-Tenur tal-Poplu, Pavarotti kellu personalità vivaċi, dejjem bi tbissima fuq fommu. Dan il-ġenju ċelebri għamel użu mit-talenti speċjali li kellu biex ixerred il-lirika operistika bħala divertiment, ukoll xi ħaġa biex kull min iħobb il-mużika għandu jgawdi. Bil-forza melodjuża ta' leħnu, Pavarotti rifes fuq l-aqwa teatri tad-dinja u kull fejn ta wirjiet affaxxina bil-kbir lill-udjenzi. Dan it-tenur ta' dispożizzjoni ottimista twieled fit-12 ta' Ottubru 1935 f'Modena, kellu tfulija normali u interess tipiku fl-isports. Skont il-parir t'ommu daħal għalliem fi skola primarja fejn dam biss sentejn. L-interess tiegħu fil-mużika ddomina ħajtu u fl-aħħar, bil-kunsens ta' missieru, beda jistudja l-mużika bis-serjetà fl-1954, meta kellu 19-il sena. L-idolu tiegħu kien Giuseppe Di Stefano u kien meta ħa post dan it-tenur għax kien indispost, fil-rwol prinċipali ta' Rodolfo f'La Boheme fl-1963, li l-karriera tiegħu bdiet tiffjorixxi. Id-dokumentarju Pavarotti jibni quddiemna stampa sempliċi ta' bniedem pjuttost ikkumplikat. Dan it-tenur li wara qaleb għall-kanzunetti popolari, kellu mħabba kbira għall-familja, għall-ikel u għan-nisa sbieħ inġenerali. Hu miet fis-6 ta' Settembru 2007 fil-għomor ta' 71 sena. Id-direttur Ron Howard, permezz ta' intervisti ma' persuni konnessi mal-mużika u anki qrib ta' dan it-tenur, mal-membri tal-familja tiegħu stess u anki ma' xi nies oħra prominenti, fosthom Lady Diana, sawwar dokumentarju inċisiv, eleganti u anki emozzjonanti li jissupera oħrajn simili tiegħu bħal Frost/Nixon , Rush u The Beatles: Eight Days A Week .

Stuber

Atturi Ewlenin: Dave Bautista' Kumail Nanjiani; Iko Uwais; Natalie Morales; Mira Sorvino.

Direttur: Michael Dowse.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 105 min. Ċert.15

It-tqabbil ta' bejn tnejn ta' dispożizzjoni tassew diversa, ta' kultura differenti u ta' reazzjoni verament opposta rajnieha f'diversi films ta' ġeneri diversi tal-passat, forsi l-aktar waħda realistika fl-eċċellenti The Odd Couple (1968), aktarx il-pijunier ta' dan l-istil ta' film. Stuber hija kummiedja sfrenata, mimlija azzjoni vjolenti li timxi ma' din il-premessa. Il-protagonisti huma Stu (Nanjiani), bniedem baħbuħ, paċpaċi, pjuttost xipli li jaħdem f'ħanut ta' affarijiet differenti u bil-lejl isuq taxi jiġbor il-passiġġieri mill-post fejn iċemplulu (xufier tal-Uber). F'dan ix-xogħol tant irnexxa li hu tassew stmat mill-kumpanija li tħaddmu. Vic Manning (Bautista), pulizija mhux daqshekk stuż sikwit juża l-vjolenza f'xogħlu. Vic jinsab iddivorzjat minn martu, ma jiħux ħsieb tajjeb ta' bintu (Morales), li tħobb tpinġi, waqt li hu ffukat bil-kbir f'xogħlu u juża mezzi brutali kontra l-kriminali li jfittex. Il-vjolenza wkoll għamlet tagħha fuqu billi għamlitu mhux kapaċi jżomm djalogu u lanqas hu attrezzat għat-teknoloġija meħtieġa tal-lum. F'ħakka t'għajn ir-rabja tagħmel bih u dlonk jagħfas il-grillu. Ġurnata waħda, meta joħroġ minn operazzjoni tal-laser f'għajnejh, b'vista mċajpra u sfukata, isuq karozza u jiknes dak kollu li jsib mal-ġenb tat-triq. Meta jirċievi informazzjoni fejn jinsab wieħed li jinnegozja fid-drogi, iwaqqaf l-ewwel karozza li jsib biex iħuf wara l-kriminal. Din tinzerta t-taxi ta' Stu li dalwaqt jgħaddi mill-akbar qatgħa ta' ħajtu ordnat idur mat-toroq ta' Los Angeles ifittex il-marmalja. Stuber, għalkemm imwerwer, ikun determinat li ma jitlifx il-grad għoli ta' ħames stilel fis-sewqan. Stu hu taħlita gwappa ta' konfużjoni qawwija kollha azzjoni u ċajt goff li ma tantx imorru tajjeb flimkien. Għalkemm fl-aħħar iż-żewġ protagonisti jibdew jammiraw lil xulxin għall-modi kif joperaw, naħseb li l-udjenzi aktar se jinħakmu wara Kumail Nanjiani, speċjalment kull meta jsib ruħu f'periklu imminenti!

Midsommar

Atturi Ewlenin: Florence Pugh; James Reynor; William Jackson Harper; Vilhelm Blomgran; Will Poulter; Ellora Torchia.

Direttur: Ari Aster.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 140 min. Ċert.18

Id-direttur u kittieb American, Ari Aster, wara tliet snin ta' relazzjoni feliċi li fl-aħħar spiċċat ħesrem, sab ruħu wara jirrifletti fuq din it-trawma. Sab ukoll l-opportunità biex jesplora din il-ħaġa li nikktitu u beda jimmaġinaha bħala ħrafa oskura li bil-mod il-mod tkexkxek. Dan kien il-ġenesi ta' Midsommar, film b'ambjent folkloristiku fejn il-maġġoranza tal-istorja sseħħ fl-Iżvezja. Meta d-dekoratur Zvediz Henrik Svensson irkupra minn marda li laqtitu, beda riċerka fuq il-folklor ta' pajjiżu u dwar tradizzjonijiet pagani u bagħat dak kollu li sab lil dan id-direttur ħabib tiegħu. Dani (Pugh) u Christian (Reynor), koppja żagħżugħa Amerikana kienu waslu biex jinfirdu, iżda wara traġedja fil-familja rranġaw kollox. Dani tmur ma' Christian u sħabu f'villaġġ maqtugħ għalih waħdu fl-Iżvezja fejn, kull sena, fl-eqqel tas-sajf jorganizzaw festival. Għall-ewwel, din l-avventura, f'kampanja li tħaddar u fejn kważi qatt ma jidlam, tassew tagħtihom pjaċir. Iżda meta dawn in-nies tal-villaġġ jistiednu lill-mistednin f'ċerimonja tal-waħx, din il-ġenna pastorali ssir għalihom post ta' stmerrija u ta' biża' palpabbli. Tgħid se jkunu jistgħu jiskappaw minn hemm? Midsommar mhuwiex film li tħossok komdu tarah. Barra li hu twil ħafna, dak li għall-ewwel jidher li jpaxxi lill-għajnejn, lejn l-aħħar nofs wieħed jibda jħoss sens ta' stmerrija u orrur ġej lejh, meta s-sitwazzjoni tibda tiggrava ruħha. Dan hu xogħol ta' natura malinna, b'assalt psikoloġiku fuq is-sensi. Midsommar jagħmel referenzi għal films oħrajn ta' xi setta kulta bħal The Wicker Man (1974), Guyana: Crime Of The Century (1976), The Clan (2015) u anki jinvadi t-territorju aħħari ta' Suspiria (2018). M'hemmx triq tan-nofs għal dan il-film - min se jogħġbu u jqisu xi kapulavur ta' dan il-ġeneru u min se jiddardar jarah!

More in Arti