Il-Bormliżi se jbiddlu l-Baċir Numru 1 f’teatru

Spettaklu li mhux ta' min jitilfu f'Bormla

Din is-sena hija waħda speċjali għall-Bormiliżi hekk kif qed ifakkru l-75 anniversarju mill-Pellegrinaġġ Nazzjonali li kien sar minn Birkirkara għal Bormla fl-1944 bl-istatwa u kwadru inkurunat tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta, għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-Bormliżi ħadu l-istatwa titulari u x-Xbieha Inkurunata għall-kenn f’Birkirkara u għamlu wegħda solenni illi jekk il-knisja ma tiġġarrafx bil-qilla tal-bombi, dawn jinġiebu lura f’Bormla permezz ta’ pellegrinaġġ.

Minkejja l-ħerba li l-Gwerra ħalliet f’Bormla u l-Kottonera, il-knisja rreżistiet u għalhekk il-Bormliżi żammu  l-wegħda li għamlu u ġabu lura l-istatwa u l-kwadru titulari f’Bormla nhar il-Ħadd 19 ta’ Novembru 1944.

Iċ-ċelebrazzjonijiet biex jitfakkru dan l-anniversarju bdew f’Diċembru li għadda u se jilħqu l-qofol tagħhom f’Novembru li ġej meta l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se terġa’ tittieħed Birkirkara, kif kien sar 25 sena ilu wkoll.

Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, fil-ġimgħat li ġejjin, Bormla ser tkun qed tippreżenta spettaklu awdjo viżiv bl-isem ta’ ‘Taħt Ħarstek Niskennu,’ kitba tal-kittieb magħruf, Ġorġ Peresso.

Dan l-ispettaklu se juri l-istorja u l-oriġini ta’  Bormla, l-istorja tal-poplu Bormliż u kif l-Immakulata Kunċizzjoni baqgħet iżżomm ħarsitha fuq dan il-poplu.

Dan l-ispettaklu se jinkludi forom differenti ta’ arti fosthom żfin, mużika, nar sinkronizzat u anke spettakklu ta’ Projection Mapping.

L-ispettaklu se jsir fil-qalba ta’ Bormla f’Baċir Numru 1 nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju fid-9:15pm.

Dan l-avveniment huwa b’xejn biex ikun jista’ jgawdi minnu kulħadd

Għal iktar informazzjoni, wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook  ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’ fejn wieħed jista’ jsib l-aħħar aġġornamenti fuq il-preparazzjoni għal dan l-ispettaklu.

More in Arti