Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Il-Vitorja .... L-ewwel knisja tal-Belt Valletta

Clifford Galea jagħti ħarsa lejn l-istorja wara l-ewwel binja tal-Belt Valletta

Clifford Galea / 8 ta' Settembru 2018 12:19
Il-Knisja tal-Vitorja fejn tinsab l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta
1565

Lejlet it-8 ta' Settembru: Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-Maltin, immexxija mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette, joħorġu rebbieħa fuq l-invażuri Ottomani. B’telfiet kbar fil-qawwiet tiegħu u mingħajr provvisti biżżejjed biex jiffaċċja x-xitwa li kienet ġejja,  l-armata numeruża ta’ Suleiman il-Kbir salpet ’il barra mill-port u b’hekk ġabet fit-tmiem l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Jingħad li dehra tal-Verġni Marija flimkien ma’ suldat armat beżżgħet lill-għadu matul il-lejl ta’ qabel it-tluq tagħhom.

1566

Fit-28 ta’ Marzu: il-Gran Mastru Jean Parisot de Valette, id-49 Gran Mastru tal-Ordni Sovran u Militari ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm, ta' Rodi u ta' Malta, jqiegħed l-ewwel ġebla tal-belt fortizza l-ġdida, li kellha tissemma għalih .... il-Belt Valletta.

B’ringrazzjament għar-rebħa tagħhom, il-Gran Mastru de Valette u l-Ordni ta’ San Ġwann ippubblikaw editt li jgħid li l-ewwel bini tal-Belt għandu jkun dak ta’ knisja. Huma ddeċidew li jiddedikawha lin-Natività tal-Verġni Marija, il-festa ċċelebrata kull sena mill-Knisja Kattolika Rumana fit-8 ta' Settembru. De Valette ħallas personalment għall-bini ta’ din il-knisja. Il-kwadru titulari fuq l-altar maġġur tal-knisja juri t-twelid tal-Verġni Marija u jingħad li dak li hemm illum huwa l-oriġinali li kien hemm sa mill-ewwel knisja.

Insibu wkoll ikona Biżantina mill-isbaħ ta’ oriġini mhux magħrufa. Il-Madonna tal-Vittorja hija mpittra fuq ir-ramm u hija miksija b’riżla tal-fidda mnaqqxa. Jingħad li ġiet irregalata lill-knisja mill-Gran Mastru Adolf de Wignacourt li kien il-Gran Mastru tal-Ordni bejn l-1601 u l-1622

1568

21 ta’ Awwissu: Imut il-Gran Mastru Jean de Valette wara li feġġlu d-deni waqt li kien għall-kaċċa fil-bajja ta’ San Pawl. Skont ix-xewqa tiegħu huwa ġie midfun fil-kripta tal-knisja tal-Madonna tal-Vittorji sakemm il-fdalijiet tiegħu tneħħew mis-suċċessuri tiegħu u ġew trasportati għall-kripta tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann.

L-iskrizzjoni ta’ dedikazzjoni bil-Latin fuq il-qabar tal-Gran Mastru nkitbet mis-segretarju ta’ De Valette, Sir Oliver Starkey li kien l-aħħar kavallier tal-lingwa Ingliża fiż-żmien tal-Assedju l-Kbir. Il-kliem tal-iskrizzjoni jgħid hekk:

Hawnhekk jinsab De Valette,

dehen ta’ unur dejjiem.

Hu li darba kien il-pjaga tal-Afrika u tal-Asja,

u t-tarka tal-Ewropa,

minn fejn keċċa l-barbari bid-driegħ qaddisa tiegħu.

L-ewwel li ser jindifen f'din il-belt għażiża,

li tagħha kien il-fundatur.

1617

Il-knisja ssir parroċċa tal-Ordni ta' San Ġwann u tkun iddedikata lil San Anton Abbati. L-Ordni tkompli ssebbaħha b’bosta xogħlijiet tal-arti fosthom ix-xbieha ta’ Mater Boni Consilii (Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb), pittura rari u vvenerata mogħtija lill-knisja mill-Gran Mastru Emanuel Pinto de Fonseca.

L-affreski fis-saqaf tal-knisja
1699

Sal-1699, il-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful kien kabbar l-abside tal-knisja. Żied ukoll il-pitturi fuq kull ġenb tal-altar maġġur li juru lil San Anton Abbati u lil Sant’Antnin ta' Padova. Dawn kienu nġiebu Malta minn Rodi fl-1530 mill-Kavallieri ta’ San Ġwann wara li l-Imperatur Karlu V offra lill-gżiritna lill-Ordni bħala l-bażi militari u reliġjuża tagħhom.

1716

Il-Gran Mastru Perellos ikkummissjona lill-artist Malti, Alessio Erardi, biex ipitter is-saqaf tal-knisja b'xeni monumentali mill-ħajja tal-Verġni Marija. Erardi temm din l-opra tiegħu li għadu kif tlesta r-restawr intensiv fuqha, fi żmien sentejn.

1752

Il-Baliff ta' Majorca, Fra Ribas de Montelieu, fuq ordnijiet tal-Gran Mastru Pinto de Fonseca, kabbar il-faċċata ta' quddiem tal-knisja min-naħa ta’ barra b’tiżjin ta’ skultura barokka mill-isbaħ. Bust tal-bronż tal-Papa Innoċenż XII, Antonio Pignatelli, li kien intbagħat qabel bħala rigal tal-Papa lill-Gran Mastru tqiegħed fuq id-daħla tal-bieb prinċipali tal-knisja.

1802

Ġie inawgurat f’din il-knisja l-monument funerarju tal-aħħar Ammiral tal-Gran Dukat Venezjan, Angelo Emo. Emo miet f'Malta fl-1792 waqt missjoni navali u xtaq li l-qalb tiegħu tibqa’ midfuna hawn. Il-bqija tal-fdalijiet tiegħu huma midfuna f'Venezja. Is-sarkofagu tiegħu huwa xogħol l-iskultur rinomat Malti, Vincenzo Dimech.

1837

Il-knisja ssir il-post uffiċjali tal-qima għas-suldati tar-Royal Fencibles of Malta (1815-1861) iktar tard magħrufa bħala l-Artillerija Irjali ta’ Malta.

1942

23 ta' April: Wara lejl ta’ attakki qawwija mill-ajru, splużjoni ta’ bomba mitfugħa minn ajruplan tal-għadu qerdet kważi għalkollox lir-Royal Opera House magħrufa aħjar fost il-Maltin bħala t-Teatru Rjal. Is-saqaf tal-Knisja tal-Vitorja li tinsab biss ftit metri ’l bogħod ġarrab xi ħsarat ukoll iżda b’miraklu u xorti kbira ma waqax jew ikkrolla.

1943

8 ta’ Settembru: Il-flotta Taljana ċċedi lill-qawwiet alleati ’l barra minn Malta. Din id-data issa kisbet sinifikat doppju għall-Maltin. Għalhekk minn dakinhar ’il quddiem il-Knisja tan-Natività tal-Madonna fil-Belt Valletta bdiet tissejjaħ tal-Madonna tal-Vittorji.

1965

9 ta’ Lulju: Titwaqqaf Din l-Art Ħelwa (trust nazzjonali Maltija) bħala organizzazzjoni volontarja bla skop ta’ profitt. Il-missjoni tagħha huwa li tħares il-wirt storiku u naturali tal-Gżejjer Maltin.

L-artal maġġur u l-ikona tal-Madonna
2000

Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta flimkien ma’ Din L-Art Ħelwa jniedu kampanja biex tiġi rrestawrata u msebbħa mill-ġdid il-knisja tal-Vitorja, wara snin ta’ traskuraġni u telqa. Huma saħqu li din il-knisja partikolari fil-Belt Valletta għandha sinjifikat spiritwali, storiku u artistiku kbir għal gżiritna.

2002

Il-ġebel estern u s-saqaf tal-knisja ġew irrestawrati mill-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta bl-appoġġ finanzjarju tal-kumpanija PwC Malta u l-koordinazzjoni u l-isforzi ta' Din l-Art Ħelwa.

2004

Jinbeda x-xogħol biex tiġi salvata l-pittura tas-saqaf tal-knisja, xogħol mill-isbaħ ta’ Alessio Erardi li tpitter bejn l-1716 u l-1718. Wara snin twal ta’ telqa, l-infiltrazzjoni tal-ilma, l-umdità u l-effett tal-blast tal-bomba kienu ħallew sew il-marki tagħhom.

2008

Sal-2008, permezz tal-isforzi tal-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, il-konservazzjonisti mill-Istitut tal-Arti Courtauld f’Londra, irnexxielom isalvaw tliet partijiet importanti mis-saqaf tal-knisja.

2011

8 ta’ Settembru: Il-Gvern ta' Malta fada l-ħarsien tal-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta f’idejn Din l-Art Ħelwa. Dan kien jum storiku ieħor għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali tal-gżejjer Maltin

Il-knisja tinfetaħ kuljum bejn id-9am u l-4pm għaż-żjajjar mill-għad kbir ta’ turisti li jżuru lill-Belt Kapitali tagħna, filwaqt li fiha jiġu ċċelebrati wkoll funzjonijiet pastorali b’mod regolari. Ir-Reverendu Monsinjur Victor Zammit McKeon huwa ir-Rettur attwali tal-Knisja f'isem il-Kapitlu tal-Katidral.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook