Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Il-Belt Valletta u l-palazzi u l-ġonna li jżejnuha

'Il bogħod mill-istorbju ta' Triq ir-Repubblika u l-ġenn għall-parkeġġ, l-ILLUM tagħti ħarsa lejn iż-żoni l-aktar rilassanti tal-Belt Kapitali

Clifford Galea / 20 t'Awwissu 2018 10:39
Il-ġnien ta’ Hastings
Il-Belt innifisha hija kapulavur arkitettoniku. Imdawra bis-swar maestużi mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann, hija teżor ta’ ġmiel arkitettoniku b’binjiet sbieħ Barokki, palazzi spettakolari, knejjes impressjonanti, teatri tal-għaġeb u ġonna pittoreski.

Il-Kavallieri, magħrufa għad-devozzjoni tagħhom lejn il-fidi Kattolika u l-imħabba għall-palazzi, raw li jkun hemm mit-tnejn f’kull belt li bnew. Fil-fatt, waħda mill-ewwel binjiet li nbnew fil-Belt Valletta kienet il-Knisja tal-Vitorja, xhieda tal-fidi tagħhom u r-rebħa kontra t-Torok fl-Assedju l-Kbir. Illum insibu aktar minn ħamsa u għoxrin knisja fil-Belt Valletta. Żgur li waħda mill-aktar binjiet impressjonanti tal-Kavallieri, mhux f’pajjiżna biss imma anke bħala patrimonju dinji, huwa l-Konkatidral ta’ San Ġwann, katidral maestuż u Barokk li fih hemm miżmuma l-aqwa għotjiet tal-Kavallieri.

Il-Kavallieri bnew ukoll numru ta’ palazzi, jew bereġ, madwar il-Belt Valleta, waħda għal kull lingwa differenti tal-ordni tagħhom. Il-Palazz tal-Gran Mastru huwa ġojjell arkitettoniku, fost l-aktar strutturi tal-għaġeb fiċ-ċentru tal-Belt. Oriġinarjament il-Berġa tal-Italja, u ddisinjata minn Ġlormu Cassar, fiha diversi xogħlijiet artistiċi sbieħ bħal arazzi u affreski, kif ukoll armerija impressjonanti.

Ġewwa l-ħitan tal-Belt wieħed jista’ wkoll jirrilassa bilqiegħda f’xi wieħed mill-ġonna, filwaqt li jgawdi veduti tal-portijiet tal-Belt u ż-żoni tal-madwar. Mill-ġonna ta’ Hastings fuq in-naħa tal-Punent tal-għolja Sciberras wieħed jista’ jara l-port ta’ Marsamxett u l-istrutturi spettakolari li hemm fix-xatt. Fuq in-naħa tal-Lvant wieħed jista’ jara l-fortifikazzjonijiet sbieħ tat-tlett ibliet tal-Kottonera, kif ukoll il-Port il-Kbir.

Fl-aħħar għoxrin sena l-Belt Valletta għaddiet minn proċess ta’ riġenerazzjoni u qawmien, fejn żoni qodma li qabel kienu mitluqa reġgħu ngħataw il-ħajja. Strada Stretta hija eżempju ċar ta’ dan il-proċess ta’ tiġdid fil-Belt. Mitluqa sa ftit snin ilu, illum saret waħda mill-iktar toroq mimlija attività, bil-bars, ristoranti u wine bars miftuħa sa tard billejl. Il-biċċerija l-antika wkoll qed tiġi rranġata b’proġett tal-Valletta 2018, sabiex b’hekk issir ċentru għall-kultura u l-arti.

Madankollu, il-Belt Valletta żviluppat ukoll maż-żminijiet, u llum tiftaħar ukoll b’arkitettura moderna bħal-lift tal-Barrakka, li għandu wkoll stil kontemporanju u esperimentali, kif ukoll il-bini tal-parlament il-ġdid, iddisinjat mill-perit ta’ fama mondjali Renzo Piano. Piano ħadem ukoll fuq it-teatru l-antik, li kien iġġarraf mill-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija, billi niseġ dak li kien fadal mill-istruttura oriġinali mal-viżjoni moderna tiegħu. Il-Belt Valletta hija verament belt ħajja li kapaċi tħaddan il-bidla, iżżomm il-wirt storiku tagħha, filwaqt li timxi ’l quddiem, u ssir nisġa waħda ta’ binjiet, kemm qodma kif ukoll ġodda.

Il-Belt Valletta hija belt glorjuża u impressjonanti, partikolarment ukoll minħabba l-arkitettura rikka tagħha. F'kull rokna, dawk kollha li jżuruha jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma' kapolavuri u ġojjelli tal-arkitettura, speċjalment permezz tal-palazzi li jgawdu pożizzjoni prominenti f'din il-belt maestuża.

Il-Barrakka ta’ Fuq
L-aktar magħruf fost dawn huwa l-Palazz tal-Gran Mastru, li ġie ddisinjat mill-arkitett rinomat Malti Ġlormu Cassar. Dan il-palazz lussuż kien jintuża bħala r-residenza uffiċjali tal-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Illum il-ġurnata huwa l-palazz uffiċjali u l-uffiċċju tal-President ta' Malta. Fih ukoll l-Armerija tal-Palazz, li tikkonsisti f’kollezzjoni unika ta' armi Medjevali u lbies ornamentali tal-gwerra.

Il-Berġa ta' Kastilja, li tinsab fuq l-ogħla ponta tal-Belt Valletta qrib id-daħla tagħha, hija binja  impressjonanti tal-era Barokka. Dan il-bini, li oriġinarjament kien il-berġa għal-Lingwi ta' Kastilja, León u l-Portugall, issa jservi bħala l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Kuntrarju għal palazzi oħrajn li nsibu fil-Belt, il-Berġa ta' Kastilja għandha turġien kbar u wesgħin fid-daħla tagħha, li jkomplu jagħtuha dehra imponenti. Il-faċċata sabiħa ta' dan il-bini, li ġiet irrestawrata fl-aħħar snin, tikkumplimenta d-dekor Barokk, daqstant ieħor impressjonanti, li għandha fuq ġewwa.

Il-Berġa ta' Provenza, li tinsab fi Triq ir-Repubblika u li llum tospita l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, ukoll ġiet iddisinjata minn Ġlormu Cassar, għandha struttura mill-isbaħ u  tinkludi sala kbira u lussuża magħrufa bħala il-“Grand Salon”.

Il-Berġa tal-Italja hija eżempju eċċellenti ieħor ta' berġa li ġiet iddisinjata minn Ġlormu Cassar. Sa ftit ilu kienet tospita l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu iżda bħalissa fiha għaddejjin  xogħlijiet avvanzati ta’ ristrutturar biex minn hawn u ftit xhur oħra tiftaħ il-bibien tagħha bħala l-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-ġdid f’Malta bl-isem ta’ MUŻA. Dan il-bini għandu stemma araldika tal-ġebel impressjonanti fuq il-faċċata tiegħu fi Triq il-Merkanti.

Casa Rocca Piccola hija binja unika u li toffri mudell tajjeb tat-tqassim u d-dekor tal-palazzi Beltin. Il-post huwa proprjetà privata, u għalkemm miftuħ għaż-żjajjar mill-pubbliku f'ħinijiet speċifiċi matul il-ġurnata, fih għadhom jgħixu n-nies. Iż-żjara mad-dar tinkludi aktar minn tnax-il kamra mżejna b'mod lussuż, ġonna mdawrin bil-ħitan, u nisġa ta' passaġġi u xelters taħt l-art li kienu jintużaw fi żmien il-gwerra.

Palazzi oħrajn li huma ġawhar fil-kuruna tal-Belt Valletta huma l-Berġa ta' Aragona, il-Berġa tal-Baviera, Palazzo Ferreria u Palazzo Castellania.

Kull belt grandjuża għandu jkollha ġonna grandjużi. Il-Belt Valletta mhijiex eċċezzjoni. Dak li jiddistingwi dawn il-ġonna minn ġonna oħrajn huwa l-fatt li kull wieħed mill-ġonna prinċipali għandu veduti spettakolari.

Il-Barrakka ta’ Isfel
Kemm jekk il-veduti spettakolari tal-Port il-Kbir mill-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq, u kemm jekk il-veduti tal-baħar miftuħ mill-Ġonna tal-Barrakka ta' Isfel, dawn il-postijiet trankwilli jagħtu ċ-ċans kemm lill-Beltin, lill-Maltin u lill-barranin li jżuruna,  sabiex jaħarbu mill-istorbju u l-ħajja mgħaġġla fil-qalba tal-Belt.

Il-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq huma l-aktar ġonna famużi tal-Belt Valletta, u bir-raġun. Il-ġonna għandhom fost l-aktar veduti panoramiċi tal-Port il-Kbir. Dawk li jżuru dan il-ġnien sabiħ, li jinsab fuq il-quċċata tas-sur ta' San Pietru u San Pawl, jistgħu jirrilassaw fuq il-bankijiet għad-dell tas-siġar twal jew fil-partijiet aktar esposti għaż-żiffa tal-baħar bejn il-loġoġ u l-ħnejjiet. Dawn tal-aħħar joffru l-aqwa veduti tal-Port u t-tlett ibliet tal-Kottonera. Il-ġonna jilqgħu fihom ukoll xogħlijiet artistiċi notevoli, inkluża skultura partikolarment magħrufa bl-isem ta’  Les Gavroches, li nħadmet mill-iskultur Malti ta' fama dinjija Antonio Sciortino.

Il-Ġonna tal-Barrakka ta' Isfel huma kemxejn inqas popolari minn dawk tal-Barrakka ta' Fuq, għalkemm dawn  joffru mistrieħ aktar trankwill lil min iżurhom. Dawn il-ġonna, li jinsabu fuq in-naħa tal-Lvant tal-Belt, għandhom fihom monument partikolari neoklassiku ddedikat lil Sir Alexander Ball, l-ewwel u l-aktar maħbub minn fost il-Gvernaturi Ingliżi ta’ Malta.

Il-Ġnien ta' Hastings huwa ġnien trankwill li nbena ad unur Lord Hastings, li kien it-tieni Gvernatur Ingliż ta' Malta. Huwa ddisinjat fuq stil Neoklassiku u jinkludi monument imponenti ddedikat lil Lord Hastings innifsu. Il-ġonna huma magħrufa għall-veduti mill-isbaħ tal-port ta' Marsamxett. Minn dan il-ġnien jidhru wkoll il-marina tal-jottijiet fl-Imsida u l-Gżira tal-Isqof (magħrufa iktar bħala Manoel Island).

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook