Santwarju Nazzjonali fil-Belt Kapitali

Clifford Galea jagħti ħarsa lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta u l-festi speċjali ċċelebraw il-Karmelitani Beltin

Fl-okkażjoni tal-ġrajja storika li seħħet ftit jiem ilu, nhar l-Erbgħa 4 ta’ April, meta ġie kkonsagrat b’mod l-iktar solenni s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, xtaqt niddedika dan l-artiklu lill-istorja ta’ dan wieħed mill-imqades ewlenija ta’ pajjiżna.

Wara ftit iktar minn meta sena mill-wasla tagħhom f’Malta propju 600 sena ilu, fl-1418, il-Karmelitani raw li n-nies kienet inġibdet ħafna lejhom, u li permezz tagħhom id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet tferrxet ġmielha fost il-Maltin. Għalhekk xtaqu li jibnu kunvent ieħor fil-qalba tan-nies biex ikomplu jferrxu d-devozzjoni lejn il-labtu mqaddes.

Għalhekk, appena bdiet tinbena il-Belt il-ġdida wara r-rebħa tal-Assedju l-Kbir, il-Karmelitan Patri Ġwann Vella, għamel talba lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jagħtuh biċċa art u fuqha jkun jista’ jibni kunvent u knisja ddedikati lill-Madonna tal-Karmnu. Il-Granmastru Pietro del Monte laqa’ din it-talba u fis-27 ta’ Lulju 1570 sar il-kuntratt tal-għoti tal-art.

F’dik l-istess sena, il-Patrijiet Karmelitani bdew ix-xogħol tal-bini tal-knisja taħt it-tmexxija tal-inġinier tal-Ordni, Ġilormu Cassar. Iżda huma ma qagħdux jistennew li jitlestew ix-xogħlijiet tal-bini biex jibdew jaqdu lin-nies tal-Belt u sakemm inbniet il-knisja, in-nies kienet moqdija b’kappella żgħira proviżorja. Il-knisja damet tinbena 38 sena u tlestiet fl-1608. L-ordni tal-Kavallieri għen ħafna fl-ispejjeż tal-bini billi diversi kavallieri ħallsu għax-xogħol biex inbnew il-kappelli laterjali.

Fil-Vista Pastorali ta’ Monsinjur Dusina li saret fi Frar tal-1575 insibu deskrizzjoni dettaljata tal-knisja proviżorja li kienet tintuża sakemm tlestiet il-knisja tal-arkitett Cassar. Din il-knisja kienet iddedikata lil Marija Annunzjata u kienet isservi tal-ewwel parroċċa fil-Belt. Bil-permess tal-pirjol tal-Karmelitani, il-Kappillan ta’ Ħal Qormi kien jamministra s-sagramenti mqaddsa f’din il-knisja.

Din hija lista ta’ kappillani li servew f’dan is-Santwarju meta serviet ta’ parroċċa għall-Belt Valletta bejn Diċembru 1570 u Diċembru 1582; Dun Marjanu Briffa, Dun Teramo Balzan, Dun Gaspare Prat, Dun Nikol Burlò, Dun Xmun Blanco, Dun Anton Inguanez, Dun Nikol Bonnici u Dun Sebastjan Cuscusu.

F’Diċembru 1582 meta tlestiet il-knisja ta’ San Pawl Nawfragu saret purċissjoni speċjali li fiha ż-żjut imqaddsa u s-Santissimu Sagrament ġew meħuda uffiċjalment mill-Knisja tal-Karmnu sa dik ta’ San Pawl f’purċissjoni solenni li fiha ħa sehem il-kleru l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Il-knisja mibnija minn Ġilormu Cassar kienet ta’ għamla sempliċi: b’nava waħda mdaqqsa u bil-kappelli laterali u għaxar artali. Kienet twila 150 pied u 50 pied wiesa’, u fuqha kellha koppla għamla baxxa u kampnar. Din il-knisja kienet ikkonsagrata fis-6 ta’ April 1886 mill-Amministratur Appostoliku, Monsinjur Antonio Buhagiar. Is-saqaf tal-knisja, flimkien mal-koppla, il-koppletti u l-kappelli kienu tpittru bejn l-1703-1705 minn Raimondo de Domenicis u Filippo del Palazzo, iżda fl-1743 is-saqaf kien ħass sewwa minħabba terrimot li kien sar, u l-pittura ġarrbet ħafna ħsarat. Fis-seklu għoxrin kienet reġgħet tpittret mill-ġdid minn Ramiro Calì.

Malli kienet lesta l-knisja fit-8 ta’ Ġunju 1608 ġie mqiegħed l-altar maġġur u l-Patrijiet Karmelitani mill-ewwel ħasbu biex iqiegħdu fuq l-altar maġġur kwadru, li jirrappreżenta lil Madonna qiegħda toffri l-labtu mqaddes lil San Xmun Stock. Skont dokumenti antiki, mal-bidu tal-bini tal-knisja fl-1570, il-Majjistru P. Ġwann Vella kien akkwista dan il-kwadru antik minn Sqallija.

L-awtur tal-kwadru mhux magħruf imma probabbilment huwa xogħol pittur Taljan.

Meta fl-1924 il-kwadru nqala’ minn postu biex ikun restawrat propju warajh eżatt fl-istess post, instab ieħor kważi eżattament bħalu, bid-differenza li l-Bambin fil-kawdru li jinsabu espost għall-qima llum qiegħed fuq id-driegħ xellugi tal-Madonna, filwaqt li f’dak li nstab taħtu, qiegħed fuq id-driegħ tal-lemin. Hemm ukoll ftit differenza fil-fond li huwa iktar skur minn dak fil-kwadru eżistenti.

Għalkemm il-kwadru forsi ma jitqjiesx ta’ preġju artistiku kbir, xorta jqanqal devozzjoni u mħabba kbira f’min iżuru u jivvenerah. Fin-nofs bilqiegħda b’mod majestuż fuq sħaba tidher il-Madonna, liebsa ta’ nazzarena bil-libsa ħamra u l-mant vjola li minn fuq spallejha jibqa’ nieżel s’isfel u jgħattiha kollha b’riġejha b’kollox. Rasha hija mgħottija bi drapp abjad, fin u trasparenti mżejna b’kuruna tad-deheb bil-ġawhar. Fuq driegħha x-xellugija narawha terfa’ ’l-Bambin bla ħwejjeġ li filwaqt li jserraħ idu x-xellugija fuq dik tal-Madonna, b’idu l-leminija qiegħed imissilha sidirha li minnu ħiereġ il-ħalib. Dan huwa sinjal tal-ħniena materna tagħha lejn l-erwieħ tal-Purgatorju li huma mpittra taħt il-Verġni Mqaddsa f’qagħda li qed jitolbu l-ħniena.

F’dan il-kwadru titulari espressiv,  il-Bambin qiegħed iħares lejn dawn l-istess erwieħ  b’imħabba u ħniena speċjali. Fuq ras il-Bambin hemm ukoll kuruna tad-deheb bil-ġawhar. Il-Verġni Mqaddsa f’idha l-leminija qed iżżomm u tnewwel il-labtu Imqaddes tal-Karmnu. Taħt riġlejha hemm qamar kbir ħafna, simbolu tad-dinjità tagħha bħala Omm Alla.

In-naħa t’isfel tal-Madonna nsibu hemm żewġ qaddisin San Xmun Stock fuq il-lemin, b’idejh magħqudin ma’ sidru u f’qagħda ta’ qima u kbira u b’għajnejh fissi lejn il-Madonna li qiegħda tnewwillu l-labtu. Fuq in-naħa tax-xellug hemm il-verġni u martri Sant’Agata b’dixx tal-fidda f’idha x-xellugija u li fih hemm sidirha.  F’għajnejha naraw  ħarsa speċjali lejn Ġesù u Marija. In-naħa ta’ fuq nett hemm ukoll żewġ serafini jittajru u filwaqt li neżlin mis-sema b’idejhom qed iżommu kuruna tad-deheb.

Fl-4 ta’ Marzu 1942, fit-Tieni Gwerra Dinjija, waqt wieħed mill-attakki li saru fuq il-Belt Valletta, il-knisja tal-Karmnu ntlaqtet mill-bombi tal-għadu u ġarrbet ħsara kbar b’mod speċjali fil-kor.

Il-proġett tal-bini tal-knisja l-ġdida beda fit-30 ta’ April 1958, meta l-Ġeneral tal-Patrjiet Karmelitani poġġa l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida li kellha tinbena fuq pjanta ta’ Ġużè Damato. Ix-xogħol fuq il-bini ntemm fil-15 ta’ Ġunju 1981, meta l-provinċjal Patri Manwel Gatt bierek din il-knisja wara tlieta u għoxrin sena ta’ ħidma kontinwa.

Fis-Santwarju tal-Karmnu tal-Belt Valletta, kien hemm tliet vari tal-Madonna tal-Karmnu. Tnejn minnhom kienu kkumissjonati mill-Konfraternità tal-Karmnu tal-Belt u oħra mill-Patrijiet stess. L-ewwel waħda saret fis-sena 1657 u kienet diġà toħroġ regolarment fil-purċissjonijiet tas-16 ta’ Lulju u dik li kienet issir ġimgħa wara nhar l-Ottava.

L-ewwel vara saret mill-fratelli tal-Karmnu u ġabuha minn barra, x’aktarx minn Ruma. Din il-vara għadha teżisti u tinsab fl-Oratorju tal-Konfraternità tal-Karmnu (tan-Nazzarenu) ġo niċċa.

Fl-1780 il-fratelli tal-Karmnu ġabu vara oħra, din id-darba minn Napli. Din il-vara tinsab fil-Knisja tal-Karmnu ta’ Balluta għaliex fl-1859 il-Konfraterità tal-Karmnu tal-Belt bniet il-knisja f’din il-parti ta’ San Ġiljan. Fl-1 ta’ Frar 1890 il-Fratellanza tal-Karmnu irregalat din l-istatwa lill-Patrijiet Karmelitani u ttrasferew din il-vara għal din il-knisja.

It-tielet u l-aħħar statwa, hija dik li nsibu bħalissa. Din saret fl-1781 u ħafna huma tal-fehma li hija opra ta’ skultur Taljan x’aktarx ġejja minn Napli għalkemm fl-ebda dokument ma nstab min kien l-awtur tagħha. L-istatwa ħallas għaliha minn flusu r-Revdu. P. Majjistru Michel’Angelo Chircop, li ħallas ukoll għan-niċċa tagħha. L-istatwa l-ġdida saret biex il-Patrijiet Karmelitani jsolvu kwistjoni li nqalgħet bejn il-fratelli tal-Karmnu u l-komunità tal-Patrijiet.

L-ewwel pedestall li kellha l-istatwa x’aktarx li kien magħmul mill-istess awtur tal-istatwa. Fl-1898, il-Pirjol P. Albert Grech għamel proposta lill-komunità Karmelitana biex isir pedestall ieħor ġdid, isbaħ u iktar xieraq għall-Verġni Omm u ġmiel tal-Karmelu, Il-pedestall li kien hemm ġie adattat għall-istatwa ta’ Sant’Elija. Il-pedestall il-ġdid kien sabiħ ħafna u kellu skultura l-ġmiel tagħha b’erba’ anġli żgħar li jingħad li huma tal-istatwarju magħruf Karlu Darmanin. Illum dan il-pedestall jinsab Santa Venera.

Fis-27 ta’ Diċembru 1930, il-Pirjol P. Albert Zammit wera x-xewqa tal-Konfraternità tal-Verġni SSma. tal-Karmnu lill-komunità Karmelitana Beltija li f’għeluq il-ħamsin sena tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Karmnu, fis-sena 1931, jingħata bħala rigal lill-Madonna pedestall tal-fidda għall-istatwa tagħha li tintuża tal-purċissjonijiet. Il-komunità aċċettat b’ferħ kbir din il-proposta u sar disinn minn Abram Gatt. Il-mudell għamlu  Vinċenz Apap u ġie esegwit fil-fabbrika Ġermaniża “Galvoplastih Geislingen Steige”. Il-pedestall tal-lum huwa fost wieħed mill-isbaħ opri rikki u prezzjużi li nsibu f’pajjizna.

Il-brillanti, id-djamanti u d-deheb li għandha l-istatwa ġew lilha mogħtija jew b’devozzjoni kbira lejha jew inkella b’wegħdi.

Din is-sena, wara għexieren ta’ snin ta’ ħidma, dan is-Santwarju Belti, minn fejn xterdet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’pajjiżna, ġie mżejjen b’paviment tal-irħam. Dan il-proġett ġab fi tmiemu l-bini tal-Bażilka l-ġdida li nfetħet 37 sena ilu.

Ritratt: Carl Farrugia - Mument mir-Rit tal-Konsagrazzjoni
Ritratt: Carl Farrugia - Mument mir-Rit tal-Konsagrazzjoni

Għaxar snin ilu, il-Komunità Karmelitana mmexxija mill-Pirjol Patri Martin Schembri, wettqet l-ewwel fażi tal-proġett. Dan kien jikkonsisti f’paviment tal-irħam għall-presbiterju, mad-dawra tat-tribuna. Id-disinn kien jinkludi diversi simboli, fosthom tal-erba’ evanġelisti u oħrajn  Marjani.

Malli għaddiet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, nhar is-16 ta’ Lulju ta’ din is-sena, beda x-xogħol fuq il-pavimentar tal-kumplament tal-knisja. Dan il-proġett daħlet għalih il-Komunità Karmelitana attwali fil-Belt Valletta, immexxija mill-Pirjol u Rettur tas-Santwarju Patri Alex Scerri u taħt id-direzzjoni tal-maniġer tal-proġett Lino Bartolo.

Id-disinn sar mill-Kavallier Joe D’Amato, l-istess artist li ħadem l-iskultura li żżejjen dan is-Santwarju Bażilika. Fost affarijiet oħra, fid-disinn tiddomina l-arma tal-Bażilika f’nofs is-Santwarju.

L-għan kien li permezz ta’ dan il-proġett ikun lest għaċ-ċelebrazzjoni tal-Konsagrazzjoni Solenni tas-Santwarju li saret mill-Arċisqof Charles Scicluna mgħejjun minn erba’ isqfijiet oħra u biex f’Lulju li ġej jiġu ċċelebrati festi speċjali f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu fl-okkażżjoni tas-sitt ċentinarju minn meta l-ewwel patrijiet Karmelitani waslu Malta.

Ritratt: Carl Farrugia - L-inawgurazzjoni tal-paviment tal-Bażilika
Ritratt: Carl Farrugia - L-inawgurazzjoni tal-paviment tal-Bażilika

More in Arti