Mill-Kapitali | Ikona tat-12-il seklu f’Beltna

Ħarsa lejn ix-xbieha sempliċi imma suġġestiva fil-Knisja tal-Madonna tad-Damaxxena fi Triq l-Arċisqof

F’dawn il-jiem li fihom qed niċċelebraw in-novena ta’ tħejjija għall-festa għażiża tal-Milied, ħsibt li ndur dawra mal-Belt kapitali tagħna u nfittex xbieha li tfakkar din il-ġrajja unika.

Għalkemm f’diversi knejjes u palazzi Beltin, insibu diversi kwadri li jirrappreżentaw it-twelid tal-Mulej, fosthom fl-arazzi ta’ Peter Paul Rubens u fil-kwadru tal-Adorazzjoni tal-Maġi ta’ Stefano Erardi fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann u l-Adorazzjoni tar-Rgħajja ta’ Giuseppe d’Arena fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, ħarsti waqgħet fuq xbieha sempliċi imma suġġestiva fil-Knisja tal-Madonna tad-Damaxxena fi Triq l-Arċisqof. 

L-istorja ta’ din l-ikona antika tal-Madonna ta’ Damasku (għalhekk magħrufa bħala d-Dammaxena) hija marbuta b’mod intimu mal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann magħrufa wkoll bħala l-Kavallieri ta’ Malta u Rodi. Inġiebet Malta mill-istess kavallieri, fuq ix-xewqa ta’ numru ta’ Griegi minn Rodi li akkumpanjawhom fi triqthom lejn Malta meta dawn kellhom jitilqu minn din il-gżira wara li ntrebħet mill-Ottomani Torok fl-1523.

L-ikona hija magħrufa bħala tal-Madonna ta’ Damasku, għaliex kienu ħafna l-kavallieri ta’ dak iż-żmien li kienu jsostnu li qabel ma’ rawha f’Rodi kienu diġà ltaqgħu magħha fil-belt ta’ Damasku, u dan jispjega minn fejn ħadet isimha.

Bejn l-1523, is-sena tat-tluq minn Rodi u l-1530, din l-ikona vvjaġġat magħhom lejn Candia, Messina, Civitavecchia, Ruma u Viterbo. Waslet Malta fl-1530 flimkien mat-teżori l-oħra tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-Gran Mastru Villiers de l’Isle Adam poġġiha fil-Knisja ta’ Santa Katerina fil-Borgo del Castello, fejn illum insibu l-belt tal-Birgu.

Baqgħet f’din il-knisja sal-1587, meta f’transulazzjoni l-iktar solenni, qasmet il-Port il-Kbir fuq wieħed mill-isbaħ xwieni tal-Ordni, lejn il-Belt il-ġdida – Valletta, fejn tqIegħdet għall-qima tal-poplu fil-knisja tar-rit Grieg li kienet għadha kif inbniet u li ġiet iddedikata lilha.

Il-Gran Mastru Jean de la Valette kien devot kbir u ferventi tal-Madonna taħt dan it-titlu.

Meta fis-7 ta’ Settembru 1565, il-qawwiet telliefa Torok ħarbu lejn l-iġfna tagħhom biex jitilqu minn Malta, il-Gran Mastru eroj segwit mill-kavallieri u l-Maltin rebbieħa, imxew f’purċissjoni spontanja lejn il-knisja fejn kien hemm din l-ikona fil-Birgu biex quddiemha kantaw innu ta’ radd il-ħajr lil Alla. 

Dakinhar il-Gran Mastru La Valette ħalla l-kappell u x-xabla tiegħu quddiemha fuq it-taraġ tal-artal b’sinjal ta’ gratitudni u ringrazzjament. Din il-ġrajja tnaqqxet fi plakka tal-irħam mill-Gran Mastru Emanuel de Rohan, wara li l-knisja ġiet irrestawrata fi żmien it-tmexxija tiegħu fl-1779.
Numru ta’ Gran Mastri oħra wkoll urew pubblikament id-devozzjoni tagħhom lejn il-Madonna taħt dan it-titlu.

Dawn jinkludu lill-Gran Mastru Pietro del Monte li offra l-art biex fuqha nbniet il-knisja l-ġdida lill-Madonna ta’ Damasku; il-Gran Mastru Nicholas Cottoner, li kabbar l-istess knisja biex tkun waħda iktar rikka u xierqa għad-devozzjoni dejjem tikber lejn din l-ikona u l-Gran Mastru Gregorio Caraffa, li forna lill-knisja b’dak kollu li kien neċessarju għaċ-ċelebrazzjonijiet u r-ritwali liturġiċi.

Bejn l-1963 u l-1966 l-ikona reġgħet ivvjaġġat lejn Ruma, din id-darba biex isirilha restawr professjonali u metikoluż mill-Istituto Centrale del Restauro Artistico f’din l-istess belt. Ir-restawr u l-ispejjeż kollha involuti tħallas mill-Gvern Taljan. Ix-xogħol delikat imwettaq mir-restawraturi kien jinvolvi t-tneħħija ta’ saffi ta’ nugrufun u oħrajn ta’ żebgħa żejda li żdiedet fuq dik oriġinali u li akkumulat f’sekli sħaħ. Meta tneħħew, instabet l-isbuħija tal-ikona oriġinali li kellha dehra differenti ħafna minn dik li kienu jafu biha sa’ dakinhar.

Ftit snin wara li ġiet lura, l-ikona ngħatat post prominenti ħafna f’wirja prestiġġjuża organizzata f’Malta mill-Kunsill tal-Ewropa bejn April u Lulju 1970.

L-ikona hija ta’ għamla partikolari magħrufa bħala  Eleousa, ‘mimlija ħniena’, u tixbaħ ħafna minn diversi aspetti l-ikona magħrufa bħala l-Madonna ta’  Vladimir (XII seklu – mpittra mill-Iskola ta’ Kostantinopli), u li llum hija esebita b’mod permanenti fil-Gallerija tal-Arti Tretyakov f’Moska. Ikona tingħata t-titlu ta’ Eleousa  minħabba l-intimità li jkun hemm fix-xbieha bejn Omma Alla - Theotokos u l-Bambin binha.

L-ikona tal-Madonna tad-Damaxxena għandha daqs ta’ 147.5cm x 102.5cm. filwaqt li dik tal-Madonna ta’ Vladimir f’Moska hija biss ta’ 78cm  x 54.5 cm.

Fl-1968, il-Papas tal-Knisja Griega tal-Belt, Vito Borgia bagħat xbieha tal-ikona tal-Madonna ta’ Damasku lill-Prof David Talbot Rice, studjuż famuż Ingliz tal-istorja tal-arti partikolarment dik Biżantina, mill-Università ta’ Edinburgh fl-Iskozja. Il-Papas Borgia xtaq il-parir espert u riċerkat tal-Prof. Talbot Rice dwar din l-ikona antika. F’Mejju 1968, il-Prof. Talbot Rice bagħat din ir-risposta lill-Papas:

Għażiż Fr Borgia,

Grazzi ħafna tal-ittra tiegħek u tar-ritratt tax-xbieha tal-ikona tal-Madonna ta’ Damasku. Kuntent ħafna li bgħatthieli għax minkejja r-riċerki estensivi tiegħi kien għadni ma kontx naf b’din l-ikona. Kien żgur pass għaqli li ddeċidejtu li tnaddfu u tirrestawrawha, għaliex issa mhux biss hija ikona ta’ sbuħija kbira imma wkoll ta’ importanza storika, minbarra l-aspett spiritwali tagħha wkoll. Anke mir-ritratt innifsu (mingħajr m’għadni rajt l-ikona oriġinali) jidher li din l-ikona tpittret qabel dik tal-Madonna ta’ Vladimir, għalkemm l-għamla ikonografika tagħha, jiġifieri dik tal-Verġni mimlija Ħniena, hija l-istess.

Dejjem tiegħek
David Talbot Rice

Il-Madonna f’din l-ikona liebsa l-mantell ta’ Imperatriċi Biżantina. It-tliet stilel, waħda fuq kull spalla u l-oħra fuq ras il-Madonna jfissru l-verġinità ta’ Marija qabel, waqt u wara t-twelid ta’ binha Ġesù, kif ukoll il-konsagrazzjoni tagħha bħala l-koperatura waħdanija fil-misteru tal-inkarnazzjoni. Il-libsa tal-Bambin hija marbuta b’faxxa ħamra, kulur li fl-ikoni jintuża biex jissimbolizza d-divinità.

Il-wiċċ jiddomina lill-ikona kollha. L-għajnejn, kbar fl-għamla tagħhom għandhom ħarsa fissa, qishom qed iħarsu lil hinn, lejn il-persuna li tmur titlob quddiemha. 

L-imnieħer irqiq u kemmxejn ittundjat u nasha għoli, fl-ikonografija juru l-importanza tal-ħajja kontemplattiva tat-talb. Id-dinamiżmu tal-ħarsa tal-Madonna hija emfasizzata wkoll mill-għamla riġida tal-bqija tal-ġisem. L-ansjetà kollha li jkolu l-bniedem ġo fih tiċċajpar u tidgħajjef quddiem il-paċi interjuri li jesprimi dan il-kwadru. 

L-ikona magħrufa bħala Panaghia Damaskiní  turi t-tendenza tal-arti Biżantina fi żmien tal-Comnenes, fejn l-emfasi tal-pittura kienet fuq l-aspett personali u intimu tar-relazzjoni bejn il-Madonna u binha Ġesù.

L-ikona b’mod ġenerali hija xhieda tal-glorja smewwija, irrapreżentata mill-figuri qaddisa fuq sfond dehebieni. Dawn l-ikoni huma għal min jitlob quddiemhom, mezz ta’ sostenn u ta’ kif iħossuhom eqreb tal-kobor divin. L-ikona mhijiex biss pittura ta’ sbuħija estetika, imma wkoll mixja lejn il-ħniena u l-grazzja divina.

Wieħed jista’ jara l-ikona tal-Madonna ta’ Damasku fil-Knisja Griega Kattolika f’132A Triq l-Arċisqof fil-Belt Valletta.

Nieħu din l-okkazzjoni biex nawguralkom Milied hieni u Sena Ġdida mimlija paċi tal-qalb.

More in Arti