Vjoletta - l-istorja ta' ċkejkna li kull lejl tipprova ma xxarrabx is-sodda

Ktieb għat-tfal mimli b'illustrazzjonijiet uniċi, dinamiċi u tal-ħolm
 

Il-kotba bl-istampi huma diġà fihom infushom sors ta’ divertiment għat-tfal, iżda meta jkunu intiżi wkoll biex jgħinu lit-tfal jiżviluppaw xi ħila jew jitgħallmu xi ħaġa ġdida, allura dal-kotba jsiru imprezzabbli.

U liema ġenitur ta’ tfal żgħar qatt ma tħabat biex iħeġġeġ lit-tfal jitgħallmu ma jxarrbux is-sodda bil-lejl?!

Huwa proprju dan li jittratta Vjoletta, il-ktieb bl-istampi ġdid ippubblikat minn Merlin Publishers. Vjoletta ġie addattat għall-Malti minn Loranne Vella. Oriġinarjament storja minn Spanja, kitba ta’ Abril Calero, niltaqgħu ma’ tifla li jaħasra kull lejl tipprova ma tagħmilx taħtha waqt li tkun rieqda, imma kull filgħodu tqum u ssib is-sodda mxarrba.

Vjoletta issa bdiet tikber ftit, allura tħossha tistħi meta ta’ kull filgħodu l-mamà tonxor il-lożor fil-ġnien biex jinxfu wara l-ħasla, għax tħoss li kulħadd qed ikun jaf x’għamlet Vjoletta. Tipprova minn kollox, iżda billejl tant tkun rieqda fil-fond u tant tkun qed toħlom ħolm sabiħ, illi ma jirnexxilhiex tqum! Sakemm, jum wieħed, tasal in-nanna b’rigal speċjali li forsi jaf isolvi s-sitwazzjoni.

Vjoletta huwa illustrat f’kull paġna b’illustrazzjonijiet uniċi – dinamiċi u tal-ħolm – tal-artista Katalana Monsurós. Kull paġna hi magħġuna b’taħlita ta’ kliem u illustrazzjonijiet, u jekk huwa veru li l-għajn l-ewwel ma tiekol, allura dal-ktieb verament se jisraq il-qlub ta’ ħafna u ħafna tfal.

It-traduzzjoni għall-Malti ta’ Loranne Vella jirnexxilha tittrasmetti l-ġmiel u l-poeżija kollha tal-istorja oriġinali, u twassal din l-istorja lil udjenza Maltija bil-lingwa nazzjonali tagħna.

Dan il-ktieb huwa ideali għal tfal bejn 7 u 9 snin, għalkemm jista’ wkoll faċilment jinqara mill-ġenituri jew qraba lil tfal iżgħar minn hekk fl-età. Huwa ktieb ideali għal kull ġenitur li jixtieq juża l-qari tal-istejjer biex it-tfal jitħajru jagħmlu dak l-aħħar sforz biex ma jibqgħux ixarrbu s-sodda billejl.

Vjoletta jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, u online direttament minn www.merlinpublishers.com

More in Arti