Riedet tgħid l-aħħar kelma liż-żiemel qabel mietet

Inqatgħetilha l-aħħar xewqa tagħha li ssellem iż-żiemel qabel tmut u ħaduhulha l-isptar

L-aħħar tislima bejn Sheila u ż-żiemel tagħha ftit sigħat qabel mietet
L-aħħar tislima bejn Sheila u ż-żiemel tagħha ftit sigħat qabel mietet

Nanna, Sheila Marsh ta' 77 sena minn Wigan l-Ingilterra, talbet għall-aħħar xewqa tagħha li qabel tmut joħdulha liż-żiemel tagħha l-isptar ħalli ssellimlu. Fil-fatt ix-xewqa tagħha nqatgħet meta ħadulha liż-żiemel fil-parkeġġ tal-isptar u niżżluha bis-sodda b'kollox biex tagħtih bewsa tal-aħħar u ssellimlu.

Marsh li kienet qed issofri minn kanċer mietet ftit sigħat wara li sellmet lil Brownen, iż-żiemel tagħha li kienet ilha trabbih 25 sena. Din l-aħħar laqgħa ta' bejniethom inqabdet f'ritratt kommoventi li juri liż-żiemel imelles b'imnieħru lil min tant urih imħabba.

Sheila għajtet lil Bronwen u ż-żiemel tbaxxa u biesha fuq ħaddejha filwaqt li sellmu għall-aħħar darba lil xulxin.

Marsh kellha mħabba kbira lejn iż-żwiemel tant li għamlet żmien taħdem f'Haydock Park Racecourse. Hi kellha sitt iżwiemel, tliet iqtates u diversi annimali oħra.

 

More in Zekzik