Bloom isostni li mhux joħroġ ma’ Gomez

Intlemħu fl-istess post li kienu fih flimkien f’Marzu li għadda

Selena Gomez u Orlando Bloom
Selena Gomez u Orlando Bloom

L-atturi Orlando Bloom u Selena Gomez intlemħu jumejn ilu fl-ajruport internazzjonali ta’ Los Angeles qabel ma qabdu titjira flimkien lejn il-Kanada. Dan wassal għal bosta xnigħat li qegħdin joħorġu flimkien. Xi ħadd li rahom qal lil E! News li kienu fuq l-istess titjira lejn Vancouver. Qabel kienu flimkien fil-lounge u mxew flimkien lejn l-ajruplan imma x’ħin raw il-fotografi nfirdu.

Iżda din l-istorja t’imħabba ma nibtitx. Fil-fatt Bloom, imwaqqaf minn cameraman li staqsih dwar din ir-‘relazzjoni’, qallu: “Le sieheb, morna għal We Day flimkien,” waqt li ħeġġu jgħarraf lilu nnifsu dwar l-avveniment.

L-atturi kienu flimkien minħabba li għandhom l-istess aġent u kienu fi triqithom lejn il-konferenza ta’ We Day f’Vancouver, l-istess avveniment fejn intlemħu għall-ewwel darba fil-kumpanija ta’ xulxin, f’Marzu li għadda.

Il-konferenza ssir biex tħeġġeġ u tispira liż-żgħażagħ biex jieħdu azzjoni u jġibu bidla.

More in Zekzik