Il-laqgħa bejn Adrian u ċ-Ċaqnu tmur tajba għajr għall-pastizz tal-piżelli

Kitba satirika tal-Poodle

Ritratt meħud qabel l-inċident bil-pastizz tal-piżelli
Ritratt meħud qabel l-inċident bil-pastizz tal-piżelli

Mela kont f’Tal-Ħandaq. Iva hija, ġol-uffiċċju taċ-Ċaqnu l-ħabib tagħna u tal-partit. U jekk qed taħseb liema partit, tajjeb ngħid li ma tagħmilx differenza kbira imma Ċaqnu dejjem ħabb il-PINNE FTIT FTIT iktar mill-ħabb il-PL. Insomma kif qed taraw bħala nemusa assistejt għal-laqgħa sabiħa bejn il-kap tal-PINNE Dottor Adrian Delia u s-segretarju ġenerali Clyde Puli. Ċaqnu ta’ qalbu tajba ħareġ daqxejn whisky, Johnny walker Black label u ordna xi ikel.

Tajjeb ngħidu li Caqnu qiegħed fuq dieta stretta u għalhekk qal il-Clyde “kulu, kulu għax ma nistax niekol.”

Il-laqgħa fl-uffiċċju sabiħ u ferm organizzat taċ-Ċaqnu kienet waħda kordjali u f’ebda mument ma ntużat il-kelma Alla, Madonna jew inkella xi riferenza għall-pudenda tal-mara jew tar-raġel.

Bħalma jaf kulħadd Ċ-Ċaqnu huwa l-oppost ta’ bniedem midgħi, anzi huwa kalm u kajman, ġentili u edukat, gentlemen u raġel fuq l-irġiel u ħelu u ġustuż.

Imma ejja nduru għal Delia u Puli. Min qed jaħseb li Delia żar liċ-Ċaqnu biex jitlob xi għajnuna fiskali qed ikun iblah u malafamanti.

Delia żgur ma ħasibx f’danakollu u ċ-Ċaqnu żgur ma ħasibx li jinflwenza lil xi ħadd b’xi flus.  Anzi jkollna ngħidu fil-laqgħa tkellmu fuq affarijiet mhux marbuta mal-politika. Anzi ċ-Ċaqnu fid-diskors tiegħu ferraħ lil Delia u qallu li kien innota bil-qalb li l-predeċessur tiegħu kien għosfor.  “Togħġobni kif titkellem, għax f’nifs wieħed isemmi l-ambjent u f’nifs ieħor turina li int lilna trid, għax taf li fl-aħħar mill-aħħar aħna xogħol inġibu u Malta ġibnieha nies. Jien il-Malta nħobbha, u nixtieq li kieku nara kullimkien mibni u msaqqaf.”

Delia li 146 ġurnata wara għadu ma ħallasx it-taxxa dovuta qabad it-tazza tal-whisky u niżlu qisu qed jixrob l-ilma. B’vuċi qisu għandu xafra tal-Gilette f’griżmejh qal: “L-ewwel nett, Nicky sends her luv.  It-tieni jien mhux bħal Simon. Jien mhux ser nirċievi xi riklam jew rigal u n***ik billi nikxfek fuq xi programm.”

Clyde infaqa’  jidħaq, bħalu ċ-Ċaqnu u wisq aktar xi żewġ bidilli li kienu fil-kamra.

Iċ-Ċaqnu sar aħmar nar: “Jien kieku għamilli hekk kont naqbdu minn għonqu, inniżżlu kokka ….”

“Ieqaf Ċal,” qallu Delia. “Għax jien ma nistax nitkellem kif nixtieq. Issa aħna ġibna l-partit lura kif xtaqnieh. Nitkellmu mod u nagħmlu mod ieħor.”

Clyde infaqa’ jidħak, id-daħka tiegħu falza qisha starter ta’ karozza, tibda u tieqaf.

Iċ-Ċaqnu dar fuqhom: “Ara dott, jiena taf kemm inħobb il-partit, jistgħu jgħidulek Beppe u Claudio.  Jien lil dawn dejjem ħsibt fihom. Imma jien bħalma tafu ma nistax ntikom flus, għax jiena dawn l-affarijiet niddejjaq nagħilhom u f’ħajti dejjem stinkajt biex ikolli subgħajja dritt.”

Delia fil-pront irrisponda. “Jien ukoll!!!”

U f’daqqa waħda kulħadd infexx jidħaq u jgħoxa u ċ-Ċaqnu tgerbeb mal-art iżomm żaqqu bl-uġigħ li qabdu minħabba l-ferħ ta’ ġenn u d-daħk. Bid-daħk Dela beda jifga deher li kien xeraq fuq pastizz tal-piżelli u pront pront Clyde beda jtih fuq dahru.  “Kap, kap... qum minn hemm kap. Ħu nifs kap, ixrob xi ħaġa kap.  Kap, Kap, Kap…”

More in Poodle