Opinjoni | Ilkoll ulied l-Istess Art

Jekk inħallu l-virus tal-intolleranza jinfirex u jgħolli rasu, ser nitilfu l-qaleb u l-ġbejna - Joe Ellis

Ħafna minnha ma jifhmhux illi d-demokrazija hija pjanta fraġli u sensittiva illi trid tiġi ndukrata ‘l ħin kollha.  Ħafna snin ilu ħabib tiegħi kien għalliemni illi negozju hu bħal siġra : jekk ma tkompliex tikber, tmut. L-istess nistgħu ngħidu għad-demokrazija : jekk l-istituzzjonijiet demokratiċi ma jibqgħux jissaħħu, id-demokrazija tmur lura, tinxef u titbiel.

Kif kien qal Winston Churchill, id-demokrazija hija l-agħar sistema ta’ gvernar possibli ħlief is-sistemi l-oħra kollha. Ħadd ma jilludi ruħu illi d-demokrazija hija sistema perfetta, illi ma tippermettiex korruzzjoni, illi kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Madankollu, il-bniedem għadu ma ħareġ bl-ebda sistema ta’ ggvernar aħjar u aktar ġusta minnha. M’hux ta’ b’xejn illi l-pajjiżi l-aktar sinjuri huma dawk illi jħaddnu sistema demokratika.  U fejn pajjiż jagħmel qabża ekonomika ‘l quddiem, invarjabilment u inevitabilment tali żvilupp ekonomiku f’xi ħin jew ieħor ser jagħti spinta lill-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu.

Tassew illi jeżistu bosta forom u kwalitajiet ta’ sistemi demokratiċi. Ċertament illi d-demokrazija kif ipprattikata fl-istati skandinavi hija differenti minn kif insibuha fil-Polonja jew fl-Ungerija. Hemm ukoll bosta pajjiżi fejn is-sistema demokratika għadha ma kkonsolidatx ruħha sew u għalkemm, il-pajjiż igawdi bosta mill-aspetti ta’ pajjiż demokratiċi, ma jkunx totalment demokratiku. 

Ikun hemm min jibqa’ lura milli jeżerċita tali drittijiet, milli ma jitkellimx meta jħoss li għandu jitkellem, ma jipprotestax meta suppost jipprotesta, ma jistrajkjax meta għandu jistrajkja għaliex jibża illi l-komportament tiegħu jkollu reperkussjonijiet. Dan hu żvilupp ferm insidjuż Joe Ellis

X’inhuma l-karatteristiċi ta’ sistema demokratika ?  Fl-ewwel lok, il-gvern irid ikun elett bis-suffraġju populari u trid teżisti l-possibilità ta’ bdil tal-amministrazzjoni kull meta ssir elezzjoni.  Jekk l-elezzjonijiet li jsiru jkunu ħielsa nominalment biss u ma jkunx hemm possibilità reali illi l-gvern jinbidel, allura ma nistgħux nitkellmu dwar elezzjoni ħielsa u demokratika.  Fit-tieni lok, il-poter ma jridx ikun ikkonċentrat f’idejn il-gvern imma jrid ikun mifrux bejn diversi organi tal-istat, prinċipalment, il-leġislatura u l-ġudikatura. Is-separazzjoni netta tal-poteri bejn l-organi differenti tal-istat hija essenzjali fi stat verament demokratiku.  Huwa ukoll essenzjali r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, inħasset il-ħtieġa illi l-ħruxijiet u l-ikkalpestar tad-drittijiet tal-bniedem li għaddiet minnhom id-dinja ma jirrepetux ruħhom.  Għaldaqstant, ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948 u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1950 illi għal ewwel darba ipprovdiet għall-mekkaniżmu biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti.

Dawn id-drittijiet tal-bniedem jassiguraw drittijiet illi lkoll kemm aħna familjari magħhom u ngawduhom regolarment :  id-dritt tal-libertà minn arrest arbitrarju, illi l-qrati illi jiġġudikawna jkunu ndependenti u mparzjali, il-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni ħielsa u li ngawdu l-ġid tagħna mingħajr ma l-Istat ma jċaħħadna minnu jekk m’hux għal raġunijiet preċiżi u kontra kumpens.  Tassew dawn huma drittijiet illi ngawduhom kuljum mingħajr ma nagħtu wisq każhom.  Imma dan ma jfissierx illi għandna nassumu illi dawn id-drittijiet dejjem nistgħu ngawduhom, illi dawn id-drittijiet ma jistgħux jitnaqqru.

U hawnhekk wieħed jidħol fiż-żona nebuluża fejn għalkemm id-drittijiet fundamentali jkunu jeżistu fuq il-karta, fir-realtà, mhux kulħadd igawdihom. Ikun hemm min jibqa’ lura milli jeżerċita tali drittijiet, milli ma jitkellimx meta jħoss li għandu jitkellem, ma jipprotestax meta suppost jipprotesta, ma jistrajkjax meta għandu jistrajkja għaliex jibża illi l-komportament tiegħu jkollu reperkussjonijiet.  Dan hu żvilupp ferm insidjuż illi jimmina l-istess ħajja demokratika tal-pajjiż.

għal bosta li qed jgħumu fil-ġid : għal dawn it-talin li jgħodd hu l-but, li jkompli jeħxien, li jakkumulaw il-ġid mingħajr ħadd ma jindaħlilhom, illi jkunu jistgħu jimmanipulaw is-sistema b’mod u manjiera illi dejjem ikunu minn fuq Joe Ellis

Meta wieħed jaħseb ftit, wieħed għandu jinduna illi s-sinsla ta’ soċjetà demokratika hija t-tolleranza, illi taċċetta min jaħseb differenti minnek, min għandu kulur tal-ġilda differenti minn tiegħek, min iħaddan reliġjon differenti minn tiegħek jew forsi l-anqas iħaddan l-ebda reliġjon, min għandu orjentament sesswali differenti minn tiegħek, min hu differenti minnek.  Il-ħajja hija mużajk ta’ esperjenzi ta’ kull tip u s-soċjetà demokratika hija kaljedoskopju ta’ lwien u terramaxka ta’ ilħna differenti.

Jekk ma nagħrfux dan, inkunu tassew qed nitilfu ħafna minn dak illi jirrendi soċjetà demokratika tassew vibranti u ħajja.  Għal ħafna nies dan id-diskors ftit jappella. Dan nammettieh. Għal ħafna min-nies li jimpurtahom hu li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.  Qajla jimpurtahom mil-libertajiet u d-drittijiet fundamentali sakemm ma jinqarsux.  L-istess jista’ jingħad għal bosta li qed jgħumu fil-ġid : għal dawn it-talin li jgħodd hu l-but, li jkompli jeħxien, li jakkumulaw il-ġid mingħajr ħadd ma jindaħlilhom, illi jkunu jistgħu jimmanipulaw is-sistema b’mod u manjiera illi dejjem ikunu minn fuq. Imma dawn in-nies ukoll igawdu mill-elementi posittivi ta’ soċjetà demokratika anke jekk ma jurux apertament jew ma tarahomx jipprotestaw jew jiftħu ħalqhom x’imkien.

Xejn ma jkattar il-ġid daqs l-istabilità u s-serenità ta’ soċjetà demokratika. M’hux ta’ b’xejn illi d-demokrazija u l-ġid ekonomiku spiss jimxu id f’id.  U għaldaqstant hu kruċjali illi d-demokrazija ma tkunx imminata fl-ebda ħin u bl-ebda mod. U xejn ma jimmina d-demokrazija aktar minn nuqqas ta’ tolleranza.

Sfortunatament, qegħdin nassistu għall-episodji ta’ nuqqas ċar ta’ tolleranza illi ma jagħmlu ġieħ lil ħadd.  Kellna pensjonant illi pubblikament ħeġġeġ illi l-ewroparlamentari Roberta Metsola għandha tinħaraq ħajja mentri ieħor qal illi jixraqilha l-forka.  Kien hemm min ikkummenta illi m’hux sew illi l-pensjonant illi tressaq il-qorti ma ngħatax il-libertà proviżorja.  Jidher illi ma fehemx il-gravità tat-theddida li wettaq.

Illi takkuża min ma taqbielx miegħu bħala traditur jew kollaboratur mal-għadu hija totalment inaċċettabli. Joe Ellis

Kull meta ssir diskussjoni dwar Malta fil-Parlament Ewropew nassistu għall-istess kantaliena ta’ insulti kontra l-ewroparlamentari illi ma jkantawx għanja ta’ tifħir lejn din l-art ħelwa. Il-ġimgħa l-oħra kellna ukoll artiklu xejn aċċettabli  ta’ Lino Debono li għal ġieħna hu ex-deputat laburista illi r-rekord tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem m’hux ta’ min tiftaħar bih.  Illum hu president tal-assoċjazzjoni ta’ ex deputati tal-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa u l-U.E. illi għandha bħala għan il-promozzjoni tal-idejali ewropej.  F’dan l-artiklu, is-sur Debono qabbel dawn l-ewroparlamentari bħala quislings illi jadottaw tattiċi nażisti. 

Jidher illi s-sur Debono ma jafx eżatt xi tfisser il-kelma quisling imma jekk verament jaf xi tfisser, allura verament qed jesaġera. Vidkun Quisling kien mexxa reġim pro-Nażista fin-Norveġja bħalma kien ir-reġim ta’ Vichy fi Franza, tal-Ustasha fil-Kroazja u ta’ Salò fl-Italja ta’ Fuq. Spiċċa ffuċilat dritt wara tmiem il-gwerra.  Illum bil-kelma “quisling” wieħed jifhem “traditur” jew “kollaboratur mal-għadu.”

Illi takkuża min ma taqbielx miegħu bħala traditur jew kollaboratur mal-għadu hija totalment inaċċettabli.  U iżjed u iżjed meta qed nitkellmu dwar ewroparlamentari illi għandhom l-immunità parlamentari appuntu ħalli jkunu jistgħu jgħidu x’għandhom jgħidu mingħajr biża ta xejn.  U dan il-kliem hu aktar u aktar inaċċettabli meta jingħad minn min kien deputat u llum qed imexxi l-għaqda ta’ ex deputati ewropej illi suppost qiegħda minn ta’ quddiem biex tassigura l-libertà tal-espressjoni ta’ kulħadd, m’hux tal-ewroparlamentari biss, imma fuq kollox ta’ dawn l-ewroparlamentari.

Meta qrajt dan l-artiklu vera ġieni sens qawwi ta’ dwejjaq.  Pajjiżna għadda minn ħafna trawmi illi ħsiebna illi qatt m’hu ser ngħaddu aktar minnhom imma llum jidher illi possibli nerġgħu ngħaddu minnhom.  Irrid ngħid illi l-intolleranza m’hix xi fenomenu esklussivament Malti.  Dan l-aħħar kellna bosta eżempji oħra minn madwar id-dinja.  Din il-ġimgħa Trump irritwitja tweets islamofobiċi ta’ grupp estremista brittaniku. Il-ġurnal ingliż “Daily Telegraph” dan l-aħħar poġġa fuq l-ewwel paġna tagħha ritratt ta’ dawk il-parlamentari konservattivi illi qed jopponu l-Brexit bit-titlu “Brexit Mutineers”.  Is-sena l-oħra d-”Daily Mail” ukoll kellha ritratt fuq l-ewwel paġna tagħha tat-tlett imħallfin illi ddeċidew illi l-Parlament irid japprova illi r-Renju Unit joħroġ mill-U.E. taħt it-titlu “Għedewwa tal-Poplu.” U wara illi l-Parlament Ewropew ukoll iddibatta l-istat tad-dritt fil-Polonja u sitt ewroparlamentari Pollakki vvotaw favur ir-risoluzzjoni ta’ kundanna, grupp ta’ lemin estrew espona ritratt tagħhom fuq il-forka.

Iva, anke fl-Ewropa li rat l-agħar atroċitajiet fl-aħħar gwerra l-intolleranza qiegħda tgħolli rasha. Kull min għandu għal qalbu d-demokrazija ma jistax jaċċetta dawn l-iżviluppi.  U jrid jiġġielidhom. Għaldaqstant min hu f’posizzjoni ta’ responsabilità bħal Lino Debono jkun tassew irresponsabbli meta m’hux talli ma jiġġiliedx l-intolleranza, talli jitfa’ l-ħatab fuq in-nar b’diskors infjammatorju illi jkexkek. 

Jekk inħallu l-virus tal-intolleranza jinfirex u jgħolli rasu, ser nitilfu l-qaleb u l-ġbejna. U pajjiżna jerġa jgħaddi minn trawmi illi m’għandhux għalfejn jgħaddi minnhom u ma jagħmlu ġid lil ħadd.  Nittama verament illi ma niġux f’dan il-punt u nibqgħu nirrispettaw lil xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, aħna lkoll ulied l-istess art.

 

 

More in Il-punt