148 Wegħdiet ‘riċiklati’ għall-Għawdxin li fi 30 sena ma twettqu qatt

Waslet l-elezzjoni u Għawdex jibdew iwegħduh kollox..bil-wegħdiet jsir vera djamant....imma tgħaddi l-elezzjoni u nerġgħu nġebbduhom għall-elezzjoni li jmiss

Fil-kamra kwieta fl-appartament tiegħi fi Brussell għażilt li noqgħod indur il-148 proposta li qed jwegħdu ż-żewġ partiti għal Għawdex (100 in-Nazzjonalisti u 48 il-Laburisti). M’inhix Għawdxi iżda issa diġa għext madwar 7 snin Għawdex u barra li ngħix ma’ Għawdxija inqatta l-ħin kollu tiegħi mal-Għawdxin u nħoss li dħalt sew fis-sistema Għawdxija. Għalkemm xorta ma rridx inkun prużuntuż u nipprova biss ngħid li Jien Għawdxi għax trid tkun twelidt, u trabbejt minn ġenituri Għawdxin bil-mentalita Għawdxija biex verament tista tgħid li int Għawdxi.

Li ma jistgħux jifhmu l-amministraturi politiċi Maltin hu li inutli tipprova tbella r-ross bil-labra lill-Għawdxin. Inutli twiegħed ħmerijiet li imbagħad ma twettaqhomx, jew għax ma jistgħux isiru, inkella għax baġit għall-Għawdex dejjem jittiekel u jonqos, jew għax ma jreġux.

Iż-żewġ partiti qed iwegħdu l-fast ferry...ma nafx fejn kienu dawn l-istess partiti f’dawn l-aħħar 30 sena. Mela dawk li n-nazzjonalisti m’għamlux f’25 sena, issa qed iwegħduha f’sena. Il-laburisti sabuha diffiċli jlestuha f’erba snin u issa qalulna li ħarġu l-offerti. Kemm hi diffiċli biex tibda titħaddem il-fast ferry? Aħseb u ara biex tinbena l-mina taħt il-baħar fejn erġajna t-tnejn li huma qed isemmuha. Taf x’ma ssemietx minn 150 proposta... l-airfield....Din kienet prijorita fil-manifest elettorali tal-labour u bdiet tisparixxi b’xi skuża jew oħra ftit wara li tela fil-gvern....Il-Pn permezz ta Chris Said baqa jfaqqa fuqha b’mistoqsijiet parlamentari ma jieqfu qatt dwar l-airfiled...F’daqqa waħda Chris Said waqaf jitkellem fuqha u minn 100 proposta din sparixxiet.

Il-fibre optic cable, ideja tajba u jkun sew li ssir u hemm bżonnha. Il-PN issa qed jgħdi li se jlestiha f’sena. Nistaqsi biss għaliex ma saritx f’25 sena? Forsi għax ma kienx hemm Simon Busuttil Kap? Forsi għax kien hemm Giovanna Debono l-Ministru ta Għawdex u ma kienx prijorita għaliha? Ma nafx imma żgur li hi proposta tajba iżda wieħed irid jgħid li anke l-Gvern Laburista qalilna li qed jaħdem fuqha u bħal ħafna proġetti oħra jew għadu qed isir studju fuqhom inkella qegħdin fil-fażi li jingħataw l-offerti.

Il-PN qed jipproponi li jerġa jagħmel il-vjaġġ tal-merkanzija lejn l-inħawi tal-port il-Kbir. Prosit ideja sublimi, iżda naħseb irid jispjega iżjed fejn se jitrakka l-vapur fin-naħat tal-port il-Kbir. Għax il-gvern Laburista ħaseb f’dan iżda nduna li dan mhux possibbli minħabba t-traġitti fil-port. Għax forsi li wieħed irid ikun jaf hu li ħafna mit-trakkijiet fuq il-vapur irid joħroġhom xufier wieħed ġej u sejjer joħroġ truck wara l-ieħor u dan jieħu ħafna ħin li ma jistax ikun li l-vapur  jibqa trakkat fil-post għal ħin daqshekk twil. Nispera li l-membri Għawdxin nazzjonalisti qalulu b’dan lil Kap tagħhom, speċjalment ix-shadow minister għal Għawdex Chris Said, li jaf sew fuq dan il-kunċett ta’ xufier wieħed għal ħafna. Għalhekk il-partiti meta jwegħdu għandhom ikunu jafu sew l-affarijiet kif isiru u mhux biex nidhru li qed nagħtu każ l-Għawdxin inkunu qed nitmellħu bihom.

Dwar it-trasport Pubbliku fuq iż-żewġ gżejjer li jkun jaqbel mal-ħinijiet tal-vapur it-tnejn jaqblu. Allura tistgħu tgħiduli għaliex it-tnejn li intkom qgħadtu tistennew l-elezzjoni jew biex tniżżluha bħala numru fil-proposti? U għaliex meta l-kaptan jara l-karrozza tal-linja 3 minuti bogħod mill-vapur jagħlaq u jitlaq u ma jistennihiex speċjalment li fuqha jkun hemm diversi ħaddiema Għawdxin li jridu jirritornaw f’darhom? U din l-ebda partit ma semmiha għax kultant tal-linja teħel fil-ftit traffiku li ssib f’Malta kumbinazzjoni.

Iż-żewġ naħat jidhru wkoll li jaqblu fejn tidħol xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex. Pero anke hawn trid tkun ħafna aktar minn slogan, miż-żewġ naħat. Naf biċ-ċert li hu minnu li ż-żewġ partiti se jagħmlu minn kollox biex dan isir. Iżda kemm hu fattibbli ma nafx. Għax kif tista lill-LSA’s, għalliema, pustiera, pulizija, nurses, tobba, nies li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji u tal-Igaming, inġiniera u avukati tagħtihom xogħol f’Għawdex. Meta m’hemmx xogħol għalihom, meta t-tfal dejjem qed jonqsu u hemm klassijiet bi tliet itfal fihom, meta għadna ma ġbidniex lejn Għawdex kumpaniji kbar fis-servizzi finanzjarji u tal-Igaming. Ix-xogħol allura qed jaqa għal dawk jew li jaħdmu mal-gvern u spiċċaw bit-teleworking, inkella jaħdmu f’Għawdex fejn se jsibu ma’ wiċċhom nuqqas ta’ opportunitajiet li jieħdu promozzjonijiet, jew għal dawk li nħolqulhom l-iskema billi jaqilgħu ftit ewro u jaħdmu ftit ħin ukoll. Mhux tort tal-ebda gvern għal kollox għax żgur li ż-żewġ partiti jagħmlu minn kollox biex jressqu kumpanniji kbar jaħdmu minn Għawdex. Għalhekk nemmen li l-inċentivi li qed joffru ż-żewġ partiti għall kumpaniji li jaħdmu f’Għawdex u jħaddmu l-Għawdxin f’diversi setturi huma ferm pożittivi u nemmen li jistgħu jsiru realta miż-żewġ naħat.

Dwar is-saħħa naħseb li l-PN qed jiżbaljaw meta jgħidu li l-isptar t’Għawdex jista’ jsir bi ħlas jekk jibqa tal-privat u żgur li l-ebda Għawdxi mhu qed jemminhom. Bla dubju li s-saħħa f’Għawdex u l-isptar Ġenerali ħa r-ruħ taħt din l-amministrazzjoni. U jkun żball jekk l-isptar jerġa jittieħed mill-proprjetari barranin li ħaduh għax dan jidher li miexi fit-triq it-tajba. Il-PN ħarġu b’inizjattiva tajba li jkun hemm kirurġi tal-qalb stazzjonati Għawdex u anke li jkun hemm dipartiment tal-enkoloġija. Hi ideja tajba basta l-PN iwettqu dak li qed iwegħdu meta taħt l-amministrazzjoni tagħhom l-isptar t’Għawdex ġie mhux biss abbandunat imma kien diżastru mill-A saz-Z barra l-proġett tad-dipartiment tar-radjoloġija u xi teatri tal-operazzjonijiet (anke jekk damu ma bdew).

Il-PL qed iwegħdu li se jsaħħu x-xogħol tal-attache għal Għawdex fi Brussell biex Għawdex jieħu aktar mill-ġid tal-Unjoni ewropea. Nistaqsi allura dan l-attache x’kien xogħlu f’dawn l-aħħar erba snin? Għaliex meta nħoloqlu l-post u ma ngħatax is-saħħa mistħoqqa? Għaliex Għawdex fil-presidenza Maltija fil-Kunsill Ewropew kien ineżistenti? Tant li l-uniku ministru li ma ttellax Brussell jitkellem dwar il-prijoritajiet tal-presidenza Maltija kien Anton Refalo għax Għawdex ma kienx parti mill-Presidenza, ħlief għal konferenza li ħadem għaliha l-istess ministeru Għawdxi li saret Għawdex tas-CPMR? Għaliex il-PL kellu jistenna elezzjoni biex iwiegħed li Għawdex ikun parti mill-Unjoni ewropea? About Time!

Naqbel mal-proposta Nazzjonalista tal-Kunsill Reġjonali t’Għawdex imtella mill-pubbliku Għawdxi li għalkemm jaqa taħt il-ministeru t’Għawdex ikun awtonomu u jkollu ‘say’ f’dak kollu li jiġi deċiż għal Għawdex. Naqbel ukoll mal-wegħdha Nazzjonalista li tingħata aktar saħħa lil Minsiteru għal Għawdex għax wieħed irid jammetti li taħt dan il-gvern il-ministeru għal Għawdex spiċċa bla saħħa. Basta dejjem ma jingħatax l-istess saħħa li kellha Giovanna Debono li spiċċat li biex tieħu xi ħaġa, impjieg jew pjaċir trid bil-fors tirrikorri għand il-parrinu. Li wieħed irid jammetti li wara 25 sena din daħlet fil-mentalita Għawdxija li bla dubju trid tinbidel darba għal dejjem jekk wieħed irid jara xi tip ta’ progress f’din il-gżira.

Naraha gimmick li ġabet tbissima fuq kull Għawdxi li l-Pn qed joffri skema li jagħti 10,000 ewro lil kull familja li tagħżel li tgħix Għawdex, għax jekk dawn ikunu qed jaħdmu Malta u jkollhom familja Malta se jiġu Għawdex għal 10,000 ewro u wara li jispiċċawlhom x’jagħmlu jduru għad-dwiefer tagħhom. Bħalma hi gimmick tar-roti, jidher li l-kap tal-oppożizzjoni qas jaf fejnu Għawdex għax m’hemmx kultura ta’ roti. Infakkru li Għawdex mhux Brussell, hu mimli tlajja u l-kultura ta-Għawdxi hi tal-mutur jew kif nafuha aħna l-lambretta. Anke li jgħid li jrid iġib Għawdex bil-karrozzi tal-elettriku meta min imur Għawdex jaf li karrozza li għandha ‘l fuq minn 50 sena għadha tiġri fit-toroq.

Dwar it-turiżmu l-PN żgur li ma jistax jiżboq dak li għamel il-gvern preżenti li laħaq kull tip ta’ rekord. Il-PN irid ukoll li l-ITS Għawdxija taħdem u mhux kif inhi bħalissa kemm teżisti. Iżda jidher li l-Għawdxin ftit jinteressahom jaħdmu fil-catering fejn kull stabbiliment hu mimli barranin li bħalma kulħadd jaf mħallsin biċ-ċiċri, sistema li bir-raġun tnaffar lill-Għawdxin!

Dwar infrastruttura ħafna wegħdi iżda imbagħad ma jkunx hemm biżżejjed flus mill-baġit biex isiru toroq ulterjuri. L-amministrazzjoni ta’ qabel f’25 sena għamlet it-triq mill-Imġarr sad-Dwejra li saret mill-fondi Ewropej. Din l-amministrazzjoni ħadmet fuq toroq mill-Qala sa ta’ Sannat u qed isiru xi oħrajn. Jiġifieri t-tnejn jaħdmu fuq dan il-lat għax il-Ministri huma Għawdxin u jisimgħu l-ilmenti. Iżda hu l-gvern ċentrali li jrid jitfa l-miljuni fuq Għawdex u mhux issa kif drajna nsemmuhom qabel l-elezzjoni u l-Għawdxin jibqgħu bir-riħa.

Dwar l-anzjani naħseb li l-PN m’għandhomx proposti aktar milli qed jagħmel il-gvern preżenti fejn bla dubju sew il-ministru Anton Refalo kif ukoll l-Għawdxija Justyne Caruana qed jaħdmu qatigħ u mxew passi ta’ ġgant. Jiskantani l-fatt kif il-PN joħorġu bil-proposta fuq is-settur tad-dimensja f’Għawdex meta Justyne Caruana hawnhekk laħqet il-quċċata anke bl-expertise tagħha fis-suġġett li kien imfaħħar mal-ewropa kollu.

Fejn jidħol ambjent donnhom iż-żewġ naħat qagħdu ftit lura u wisq nibża li hawnhekk fejn Għawdex u l-Għawdxin iridu joqogħdu attenti. Ma ssema xejn dwar l-iżviluppaturi fejn kollha huma mlebilbin biex jieklu kull biċċa art għera li baqa f’Għawdex.

Fejn jidħlu ż-żgħażagħ ħassejt li l-proposti tat-tnejn huma vagi, ħafna kliem fuq MCAST u Universita u dwar appartamenti sussidjati għal min jistudja Malta li fl-aħħar mill-aħħar ftit jew xejn se tagħmel differenza għal futur taż-żgħażagħ Għawdxin. Il-ġenituri Għawdxin ma jinteressahomx biss li jingħataw sussidju għall-uliedhom iżda li wliedhom jaħdmu u jrabbu l-familji tagħhom Għawdex fejn jkunu jistgħu jgawduhom.

Bħal dejjem il-proposti huma bil-bosta dwar din il-gżira Għawdxija. Il-wegħdiet huma kbar u jekk vera jitwettqu din il-gżira vera ssir djamant. Iżda ħafna drabi dawn il-wegħdiet ‘riċiklati’ li minn elezzjoni għall-oħra,  jixbhu wisq il-miskina tieqa tad-Dwejra li maż-żmien taqa u tibqa biss memorja.

 

More in G?awdex