‘Fejn jidħol Għawdex, il-PN għadu l-baħar’

Chris Said jaqla’ daqqa ’l isfel fl-elezzjoni għall-Kumitat Reġjonali tal-PN

“Fejn jirrigwarda Għawdex, il-Partit Nazzjonalista għadu l-baħar. Hawn il-garr, Simon Busuttil mhux li wisq popolari u l-partit mhux qed isib biżżejjed nies biex joħorġu bħala kandidati. U biex tkompli tgħaxxaq, il-partit huwa prattikament mifrud hawnhekk.”

Hekk sostniet ma’ din il-gazzetta, persuna qrib ħafna tat-tmexxija u l-operat tal-PN f’Għawdex hekk kif wara li nhar il-Ġimgħa li għadda saret elezzjoni għall-Kumitat Reġjonali t’Għawdex. Dan is-sors qalilna li fost bosta attivisti tal-Partit fit-tlettax-il distrett, hemm apatija kbira, “u biex tgħaxxaq il-Labour qiegħed jaħdem sew. Jekk se nibqgħu sejrin hekk, jaf nerġgħu nitilfu t-tielet siġġu fl-elezzjoni li ġejja.”

Il-persuna li kellmitna kkonfermat li l-pjan tal-PN li Simon Busuttil joħroġ fuq it-13-il distrett, żvelat minn l-ILLUM nhar it-13 ta’ Marzu li għadda, mhux talli ntesa, talli kompla jissaħħaħ wara l-elezzjoni għall-Kumitat Reġjonali għal Għawdex li saret nhar il-Ġimgħa li għadda. Dan il-kumitat huwa l-ogħla organu tal-PN f’Għawdex u sentejn ilu kien mibdul l-istatut tal-Partit biex seta’ jinħoloq. 

Idejn Busuttil issaħħet permezz ta’ Euchar Mizzi. Ben Mizzi huwa l-assistent ta’ Busuttil
Idejn Busuttil issaħħet permezz ta’ Euchar Mizzi. Ben Mizzi huwa l-assistent ta’ Busuttil
Mintoff l-unika spalla ta’ Said?
Mintoff l-unika spalla ta’ Said?

Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li din l-elezzjoni serviet ta’ daqqa ’l isfel għal Chris Said li kellu sitt kandidati f’din l-elezzjoni li jappoġġjaw lilu u li minnhom kien elett wieħed biss. L-unika kandidat li huwa magħruf li jagħti appoġġ lil Said u li kien elett huwa Jonathan Mintoff, membru tal-Front Favur il-Mina. Il-kandidati l-oħrajn li huma magħrufin li jappoġġjaw lil Said u li ma kinux eletti huma Daniel Cordina, George Cremona, Paul Mercieca, Elvin Tabone u Patrick Vassallo. 

Is-sorsi tagħna spjegaw kif dan ir-riżultat, “kompla jiżola lil Said, hekk kif nies bħal Euchar Mizzi li huma qrib ħafna ta’ Simon Busuttil saħħew idejhom.” Fil-fatt, Mizzi għandu lil ibnu stess, Kevin Mizzi, jaħdem bħala assistent ma’ Simon Busuttil. “Dan ifisser li Busuttil issa rebaħ iktar saħħa f’Għawdex filwaqt li Said ħa għaddsa ’l isfel.”

F’ittra li nbagħtet lit-tesserati kollha tal-PN f’Għawdex, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake saħqet dwar l-importanza li kulħadd imur jivvota, “biex inkomplu nsaħħu u nġeddu lill-PN b’risq Għawdex u l-Għawdxin.”

Minkejja kollox iżda, kompla jgħidilna s-sors Għawdxi, il-partit għadu qed ibati ħafna. “Dawk l-eluf li dejjem ivvutaw lil Giovanna Debono mhux se jivvutaw lil Chris Said u apparti minn Said, s’issa ħafna mill-kandidati l-oħrajn għad għandhom ftit esperjenza. Dawn qed iħabbtuha ma’ politiċi min-naħa l-oħra bħal Anton Refalo, li għandu għeruqu sodi ħafna f’Għawdex.” 

More in G?awdex