“Irrid nġib l-isport taż-żwiemel fil-quċċata”

Il-mara li tmexxi l-isport taż-żwiemel f’Għawdex

L-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta u Għawdex hu tradizzjonalment meqjus bħala sport tal-irġiel. 

F’Għawdex għat-tieni darba fl-istorja tat-tiġrijiet taż-żwiemel ġiet maħtura mara bħala president tal-Gozo Horse Racing Association (GHRA). Mary Mifsud Micallef, omm Mikhail-Sam ta’ 19-il sena u miżżewġa lil Raymond. Dan wara li xi snin ilu din il-pożizzjoni kienet fiha Dr Justyne Caruana llum segretarju parlamentari u deputat Parlamentari mal-Partit Laburista.

Iltqajt ma’ Mary fl-uffiċċju tagħha tal-Housing fejn taħdem bħala skrivana, mgħottija b’valanga files u bdejna nitkellmu fuq din l-avventura tagħha. Bdiet tgħidli li kienet taf li l-ħajja hi iebsa f’dak l-ambjent, “Iżda mhux daqshekk ta!”

Staqsejtha kif bdiet din l-imħabba tagħha lejn iż-żwiemel, “Kien ibni. Ta’ età żgħira ġie qal lili u lil missieru biex nixtrulu Shetland Pony u qtajnielu xewqtu u semmieh Rover Star. Minn hemm beda d-delizzju lejn iż-żwiemel fejn ibni baqa’ jkabbar u spiċċa b’wieħed mill-aqwa żwiemel tat-trott li hawn f’Malta u Għawdex, żiemel Żvediż jismu Playboy CH.

“Kultant kont immur nara liż-żiemel tat-tifel f’xi tiġrija u kont ninduna kemm hemm diżorganizzazzjoni organizzata, dejjem mil-lenti tiegħi. Kien hemm membri tal-kumitat li bdew jitolbuni biex nidħol magħhom. Ir-raġuni ma nafx forsi raw xi ħaġa speċjali fija? Ma nafx. Naf li fis-sajf il-kumitat innominani b’mod unanimu għal President u aċċettajt.”

“Kultant kont immur nara liż-żiemel tat-tifel f’xi tiġrija u kont ninduna kemm hemm diżorganizzazzjoni organizzata, dejjem mil-lenti tiegħi. Kien hemm membri tal-kumitat li bdew jitolbuni biex nidħol magħhom”

Mistoqsija x’għamlet meta ħadet ir-riedni f’idejha, Mary b’dik it-tbissima dejjiema tagħha qaltli, “Ara l-ambjent ma kienx jilqgħek xejn. Diżappuntata bl-ambjent meta hemmhekk tant hemm arja sabiħa u trankwilla u bdejt bil-ħidma tiegħi biex innaddfu l-ambjent. Tant hu hekk li l-bar qed jiftaħ aktar ħinijiet twal u qed ikollu aktar xogħol għax in-nies żdiedu.”

Sadattant bdejna nitkellmu dwar iż-żwiemel innfishom fejn qaltli li f’Għawdex żwiemel tat-trott hawn madwar 70 wieħed għalkemm mhux kollha jtellqu għax ikun hemm minnhom mhux imħarrġa u oħrajn jkunu mweġġgħin. Meta tlabtha tgħidli hemmx differenza bejn Malta u Għawdex, hi qaltli li hemm ħafna differenza għax f’Malta hemm 800 żiemel tat-tiġrija.

Mary kompliet tgħidli li x-xewqa kbira tagħha hi li tara aktar ġerrejja u żwiemel Maltin jieħdu sehem fil-korsa ta’ Għawdex, jew hekk kif inhi magħrufa l-korsa ta’ Xħajma. “Iżda l-Maltin jibżgħu wisq mill-elementi tat-temp u ma jiġux. Aktar imorru Għawdxin lejn Malta milli jiġu huma ’l hawn.”

Sadattant Mary tgħid li qed taħdem biex il-Gozo Channel jgħin biex aktar Maltin jitħajru jitilgħu Għawdex “għax il-Gozo Channel iridu jifhmu li t-tiġrijiet taż-żwiemel żgur li jgħinu biex iżidu t-turiżmu intern f’Għawdex.” Tlabtha tgħidli x’jistgħu jagħmlu l-Gozo Channel f’dan ir-rigward u qaltli li hemm bżonn li l-Maltin li jitilgħu biż-żwiemel Għawdex jingħataw priority boarding għax speċjalment fis-sħana ż-żwiemel jinnervjaw fil-kaxxi tagħhom meta jitħallew għal ħafna ħin jistennew biex jitilgħu l-vapur. “Barra hekk nemmen li jagħmel sens ukoll jekk il-kaxxi taż-żwiemel jiġu ċċarġjati daqslikieku kienu Għawdxin, jiġifieri xi €7 inqas. Għax dan hu turiżmu għal Għawdex li jġibu n-nies magħhom u jonfqu l-flus għall-ikel u xorb f’Għawdex. Tkellimt mal-Gozo Channel iżda għadna bla risposta.”

Tkellimna wkoll dwar il-korsa nnifisha fejn qaltli li qed tistenna xi permessi biex tkun aktar kennija u jsir xi ħġieġ u aktar post fejn jilqa’ l-familji. “L-attendenzi qed iżidu u dan jagħmilli kuraġġ iżda l-burokrazija żejda biex tieħu permess kultant tgħajjik wisq.”

Mary qaltli li issa x-xewqa tagħha hi li jkun hemm uffiċċju tal-betting għax dan ifisser aktar introjtu għall-assoċjazzjoni.

“Ikolli nammetti li għad hemm nies li ma jistgħux għaliha li mara tkun tmexxi assoċjazzjoni bħal din”

“Fil-fatt kemm ili president żidt mhux ftit il-premjijiet fi flus.” Meta staqsejtha minfejn irnexxielha ġġib il-fondi daħket u qaltli, “Nistinka ħafna għal flus u minn fejn jiġu nżommha għalija.”

Mary li għandha 47 sena qaltli li għandha ħafna ħolm għal din l-assoċjazzjoni fejn tixtieq li tagħmel ġemellaġġ ma’ koros barranin u li f’Għawdex ikun hemm tiġrijiet fuq id-dahar, “għax hawn la ġerrejja m’hawn tal-galopp u lanqas żwiemel.”

Mistoqsija kif tħossha bħala mara waħda fost dawk l-irġiel qaltli, “Trid tkun iebsa. Jien nemmen fil-preżenza tiegħi fil-korsa fejn kuljum immur il-korsa għax inkun irrid nisma’ l-ilmenti kollha, nemmen fi djalogu u fil-kompromess. Fortunata li għandi r-raġel jappoġġjani ħafna. 

“Dwar mara waħda fost l-irġiel ikolli nammetti li għad hemm nies li ma jistgħux għaliha li mara tkun tmexxi assoċjazzjoni bħal din. Dawn huma fil-minoranza u għandhom manija li meta ma jilagħbux iħassru.

“Iżda xorta nħossni sodisfatta għax għal-laqgħat qed ikolli konkorrenza tajba u anke meta norganizzaw xi ikla. Irrid niftaħ l-assoċjazzjoni għal kulħadd. Irrid il-gvern ikun parti minnha għax jekk jgħinha nibni stalel ġodda nkunu nistgħu nikruhom u l-assoċjazzjoni tkun awto suffiċjenti. Irrid li dan l-isport intellgħu fuq nett. Irrid li l-horse riding ikun parti minn Skola Sport u t-televiżjoni jagħtina spazju aktar u filmati tat-tiġrijiet tagħna.”

Fil-fatt minn din is-sena l-laqgħat tat-tiġrijiet taż-żwiemel huma ta’ 20, kważi waħda kull ħmistax. Mary qaltli wkoll li rranġaw stalla fejn minnha qed ibigħu karti mqattgħin, li fuqhom joqogħdu l-bhejjem li l-qliegħ tagħhom imur għal Puttinu Cares. 

More in G?awdex