L-akbar pjazza ta’ Għawdex se ssir l-isbaħ

L-akbar pjazza ta’ Għawdex se ssir l-isbaħ

Il-pjanta tal-pjazza ta’ Għajnsielem
Il-pjanta tal-pjazza ta’ Għajnsielem
L-Arċipriet Frankie Bajada u l-Ministru Anton Refalo laħqu ftehim
L-Arċipriet Frankie Bajada u l-Ministru Anton Refalo laħqu ftehim

Kif ħabbar esklussivament dan il-ġurnal fl-20 ta’ Lulju li għadda, l-akbar pjazza fil-gżira Għawdxija, dik ta’ Għajnsielem se ssir l-isbaħ pjazza ta’ Għawdex.

Dan wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Kurja biex jibda t-tisbiħ ta’ din il-pjazza li parti kbira minnha hi magħmulha mill-istess zuntier tal-Knisja tal-Madonna ta’ Loreto.

L-aħbar u l-ftehim iffirmat mill-Ministru għal Għawdex, l-Avukat Anton Refalo u mill-Arċipriet tar-raħal Dun Frankie Bajada sar f’perjodu partikolari meta l-Parroċċa Madonna ta’ Loretu qiegħda tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Arċipretali u l-aħbar ġiet milqugħa b’ferħ mill-poplu Għajnselmiż.

B’hekk kwistjoni li ilha għaddejja għal seba’ snin sħaħ bejn il-Kunsill Lokali u l-Arċipriet tar-raħal intemmet billi l-flus se jinħarġu mill-Gvern li ħareġ €106,000 u l-kumplament se jinħarġu mill-Kurja. Is-somma maħruġa mill-Kurja hi mistennija li tkun madwar €200,000.

Is-sindku tar-raħal, Francis Cauchi kien ittimbra l-pjazza bħala mandra u kien fil-fatt żvela li l-Kunsill Lokali kien lest joħroġ il-parti li fil-fatt se toħroġ il-Knisja. Iżda skont is-sindku ta’ Għajnsielem l-kurja ma kkoperatx mal-kunsill u l-flus li kienu se jintefqu fil-pjazza issa se jintefqu fil-belveder li qed isir f’Għajnsielem li wasal biex jitlesta.

Fattur mhux tas-soltu hu li grazzi għal din il-kontroversja li ilha għaddejja snin sħaħ, bejn il-Kunsill Lokali u l-Knisja, Għajnsielem hu l-aktar li gawda għax issa mhux biss se jkollu pjazza msebbħa u ta’ lussu, iżda wkoll belveder li min imur iqatta’ ftit ħin hemm se jkun jista’ jitpaxxa b’waħda mill-isbaħ xeni panoramiċi tal-gżira tat-tliet għoljiet.

Għal dawn l-aħħar snin saru tentattivi biex jintlaħaq ftehim kif se tkun restawrata waħda mill-isbaħ pjazez li hawn fil-gżejjer Maltin. F’din il-kwistjoni daħal il-Ministru għal Għawdex li flimkien mal-Isqof t’Għawdex, Mario Grech waslu biex sar dan il-ftehim. 

Tkellimna mal-Ministru għal Għawdex li qalilna li hu fittex dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred. 

Il-proġett se jinkludi t-tibdil tal-pavimentar tal-asfalt, titjib fl-aċċessibbiltà u installazzjoni ta’ dwal li jaħdmu bl-LEDs fost l-oħrajn. Se titjieb l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. 

Dan il-proġett se jikkontribwixxi biex tissebbaħ il-pjazza tar-raħal li hi l-akbar waħda f’Għawdex u tneħħi l-fosos ta’ Floriana, forsi anke l-akbar waħda f’Malta u Għawdex. 

F’nofs il-pjazza hemm il-Knisja Arċipretali ta’ Għajnsielem u meta wieħed iqis li madwarha hemm żewġ każini l-ġmiel tagħhom, dak tal-banda u l-ieħor tal-futbol li t-tnejn li huma jilqgħu diversi turisti għall-ikel u anke divertiment matul tmiem il-ġimgħa, din il-pjazza tagħmilha waħda mill-aktar ħajjin fejn hi l-uniku pjazza li minnha wieħed jista’ jgawdi l-veduti tal-kampanja Għawdxija u tal-baħar.

Fl-istess waqt f’din il-pjazza wasal biex jitlesta l-post fejn se tinfetaħ l-MCAST, il-grawnd tal-futbol dalwaqt se jkun lest bit-turf artifiċjali u fil-pjazza ż-żgħira ta’ ħdejn l-istess pjazza prinċipali, dik hekk imsejħa Tad-Dehra qed isir restawr fuq l-Għajn tal-Ħasselin. 

L-għajn minn fejn Għajnsielem ħa ismu

Din il-binja storika waslet biex titlesta u nbniet f’replika eżatta ta’ kif kienet grazzi wkoll għal arkeologu li ħadem fuqha.

Kienet f’din il-pjazza li ‘Għajn Salem’, l-għajn li tat l-isem lill-istess raħal kienet tnixxi l-ilma. Kien għalhekk li l-Granmastru Ramon Perellos fl-1710 kien bena l-Għajn tal-Ħasselin, li kienet tikkonsisti f’sitt banjijiet għal ħasil tal-ħwejjeġ biex jgħin lill-popolazzjoni li kienet qed tikber mhux ħażin f’dan ir-raħal.

Għal madwar 200 sena minn kmieni filgħodu din l-għajn kienet miżgħuda b’nisa Għajnselmiżi jitkellmu fuq kollox u fuq kulħadd waqt li jagħmlu l-ħasla tagħhom. Iżda aktar ma d-dinja bdiet timmodernizza ruħha n-nisa ma baqgħux jużaw dan il-mezz ta’ ħasil u fl-1953 ġiet imneħħija għax kienet ġiet abbandunata u flokha nbniet il-pjazza Tad-Dehra.

More in G?awdex