Donald Trump: Traġedja

'Dan il-kandidat irid li l-Amerika tingħata ħlas għall-eġemonija (u l-protezzjoni) li tagħti lil pajjiżi oħra. Prinċipju li jieħu lill-Amerika lura lejn żmien l-Imperu Ruman' - Mario Azzopardi

Donald Trump: Traġedja għar-repubblikani u għall-Amerika
Donald Trump: Traġedja għar-repubblikani u għall-Amerika

Fil-fehma ta’ The Economist, l-axxendenza ta’ Donald Trump bħala kandidat għall-presidenza tal-Istati Uniti tfisser diżastru għar-Repubblikani u għall-Amerika. L-aġenda ta’ dan il-biljunarju, li flusu waslulu in parti mill-wirt li ħalla missieru, spekulatur kbir tal-kostruzzjoni fil-boom tas-snin sittin, tinkludi li jinqatlu l-familji tat-terroristi, ilqugħ ta’ ħajt bejn l-Amerika u l-Messiku, teoriji bizzarri dwar komplotti immaġinarji kontra dawk li jopponuh (eż. ivvinta kif Ted Cruz, li kien miegħu fit-tellieqa għan-nominazzjoni tar-Repubblikani, kien fil-viċinanzi tal-qattiel Lee Harvey Oswald meta dan spara fuq J. F. Kennedy.)

Trump jilgħabha li kien ħaddiem tal-kostruzzjoni, iġorr kanen twal, injam tqil u materjal ieħor meħtieġ għall-bini. Għalhekk, isostni Donald Trump, hu għandu esperjenza biżżejjed dwar il-ħaddiema tal-id, prospett li jiggarantixxi nazzjonaliżmu ekonomiku.

Trump tilef il-fiduċja tal-Afro-Amerikani u tan-nisa. Żewġ terzi tal-Amerikani jarawh b’lenti ta’ diżgust u mhux se jsibha faċli li jikkonvinċi 65 miljun Amerikan/a biex jivvutawlu. Dawk huma l-voti li Trump jeħtieġ biex ikun dikjarat president u jidħol fil-White House.

The Economist jeħodha wkoll kontra l-politika barranija ta’ Trump, egoċentriku u istrijoniku kemm trid, anki kif ipproġettat mill-media. Dan il-kandidat irid li l-Amerika tingħata ħlas għall-eġemonija (u l-protezzjoni) li tagħti lil pajjiżi oħra. Prinċipju li jieħu lill-Amerika lura lejn żmien l-Imperu Ruman. Fit-8 ta’ Novembru l-Amerikani jridu jagħżlu bejn dan il-kummidjant eċċentriku u Hillary Clinton (Trump jgħajjarha giddieba u ħalliela). Clinton mhix għaddejja lixxa. Ħafna għadhom jiftakru kemm ħawdet meta żewġha kien gvernatur, kemm għattietlu skandli sesswali u kemm fuq ir-rostrum toħroġ bħala persuna b’leħen werżieqi u vulgari.

L-aktar daqqa umiljanti li qala’ Trump kienet meta membri prominenti fil-partit tiegħu qalu li mhux kapaċi jmexxi bħala president tal-Amerika u li huma se jivvutaw lil Hillary Clinton.

Kollox ma’ kollox, probabbilment tirbaħ Clinton u Trump jiffonda bil-miljuni kollha tiegħu, għalkemm il-fenomenu magħruf bħala Trumpisim, jew l-era tal-istupidaġni perikoluża fil-politika, hu mistenni li jibqa’ jħalli l-effetti distabbilizzanti tiegħu.

Il-vjolenza polizjeska fl-Istati Uniti

Minn żmien għall-ieħor insegwi l-kanal Russia Today (RT) għad-dokumentarji alternattivi li jxandar, programmi li stazzjonijiet fil-Punent ma jridux (jew ma jaqblilhomx) ixandru.

Dan l-aħħar, RT wera d-dokumentarju Police Brutality in the US. L-istazzjon avża bil-quddiem li se jkun hemm viżwal grafiku vjolenti.

Uffiċjalment, il-pulizija joqtlu żewġ persuni kuljum. Sorsi oħra jippreċisaw li din iċ-ċifra għandha tirdoppja.

Fil-programm intweriet intervista ma’ avukat li fil-karriera tiegħu fi New York kellu f’idejh mijiet ta’ każi u dawk in-numri kulma jmorru qed jiżdiedu, minkejja l-protesti fit-triqat kontra l-pulizija. Il-protesti jinkludu l-preżenza ta’ personalitajiet bħal Quentin Tarantino. Skont ir-reġista, il-vjolenza tal-pulizija fit-triqat Amerikani saret tiżboq b’għaxar darbiet aktar il-possibbiltà li tinqatel f’attakk terroristiku.

L-imwiet misterjużi taħt idejn il-pulizija saru rutina, iċċertifikati bħala ‘suwiċidji’, ibbażati fuq rapporti forensiċi foloz.

Bħalissa, f’ħabsijiet Amerikani hemm 2.2 miljun persuna. Aktar minn 4% huma suwed. Kummentaturi Amerikani stess qed josservaw kif ir-retorika ta’ qabel l-elezzjoni presidenzjali saret dejjem aktar razzista. Fi bliet bħal Chicago, is-segregazzjoni tinħass ħafna u s-suwed saru jsibuha diffiċli biex jintegraw. F’Chicago, persuna ta’ razza sewda tinqatel kull tliet sigħat. Ħafna suwed jippruvaw isibu refuġju fil-knejjes.

Il-kriminalità fl-Istati Uniti tippreżenta falliment kollettiv. Xi ħadd bħal Donald Trump hu prototip perfett ta’ dik il-kultura perversa u manijaka

Fil-qiegħ tagħha l-Amerika hi mibnija fuq il-liġi tal-pistola u l-kultura tal-gangijiet. Il-kriminalità fl-Istati Uniti tippreżenta falliment kollettiv. Xi ħadd bħal Donald Trump hu prototip perfett ta’ dik il-kultura perversa u manijaka.

Il-film bħala attività soċjali

Il-produttur tal-films Tony Garnett kien intervistat fil-programm Hard Talk (Stephen Sackur għall-BBC) dwar ħajtu u l-oġġettivi tal-films tiegħu, li jistgħu jgħaddu wkoll bħala dokumentarji soċjali. (eż. Cathy Come Home, ibbażat fuq storja vera) dwar kif l-Awtoritajiet jaslu biex jaħtfu tarbija.

L-atturi li jagħżel Garnett jaslu mit-triq, mingħajr taħriġ formali (bħal dawk li kien jagħżel reġista bħal Pasolini). Illum Garnett jaħseb li Cathy Come Home, prodott fis-sittinijiet ma kienx radikali biżżejjed. U dwar it-TV jgħid li l-istess, m’għandux elementi radikali: “L-arti tista’ tippreżenta aktar bżonnijiet partikolari, bħall-bini tad-djar, it-titjib tas-saħħa għall-anzjani u ż-żieda fil-pensjonijiet, fost miżuri oħrajn.”

Tim tar-refuġjati f’Rio

Yiech Pur Biel ħarab bil-lejl fl-2005 maż-żewġ ħutu biex jistaħba mill-kunflitt qalil fis-Sudan t’Isfel, fejn kienet għaddejja l-Gwerra Ċivili.

Illum, għaxar snin wara, Yiech Pur wera li kien lest għal ġlieda determinanti oħra. Hu fforma parti minn skwadra ta’ refuġjati mħarrġin għall-Olimpjadi ta’ Rio: it-tim inkluda żewġ għawwiema Sirjani, żewġ judoki mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u atleta tal-maratona mill-Etjopja. Ir-refuġjati fittxew kenn f’pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Brażil. Nofs it-tim kien iffurmat minn atleti tal-ġiri mill-Kenja.

It-tim ta’ refuġjati kien magħżul u mħarreġ minn Tegla Loroupe, eks kampjonessa Kenjana mondjali tal-maratona. Fl-għaxar snin qabel twieled Yiech Pur Biel, eluf ta’ tfal inqabbdu biex jiġġieldu bil-forza bħala suldati. Raw l-irħula tagħhom jinħarqu, il-bhejjem jinsterqu u lil nieshom jinħatfu, ħafna drabi biex jgħibu għal dejjem.

U x’fissru l-Olimpjadi għal dawn ir-refuġjati? Il-kowċ tagħhom tispjega: “Donnu Alla qed jiftaħ bieb. Mhux għalina biss imma għar-refuġjati kollha.” Tkompli tgħid: “U rridu nagħmlu xi ħaġa għal refuġjati oħra. Aħna sibna ħafna għajnuna mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) u mill-UNHCR. Issa rridu nagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor u nuru lid-dinja li r-refuġjati huma bnedmin bħall-oħrajn.”

More in Blogs