Ir-referendum dwar Brexit

minn Mario Azzopardi

Brexit: Vi jew va għall-Britannja
Brexit: Vi jew va għall-Britannja

Sa madwar ġimgħa ilu, is-sondaġġi dwar il-Brexit fir-Renju Unit kienu kważi ras imb ras imma f’dawn l-aħħar jiem dawk favur il-Brexit żdiedu b’vantaġġ ta’ madwar ħdax–il punt. Fit-23 tax-xahar, il-Britanniċi jmorru jivvutaw biex jagħżlu jinqatgħux mill-Unjoni Ewropea.

Il-media globali, kif mistenni, kemm dik tradizzjonali kif ukoll dik diġitali, tat ħafna importanza lil dan l-avveniment mimli kontroversja. Fin-nofs daħlu wkoll mexxejja differenti Ewropej, fosthom Angela Merkel, li trid li r-Renju Unit jibqa’ fl-Ewropa. Fuq l-istess naħa daħal Barack Obama, imma dak l-eċċentriku multibiljunarju Amerikan Donald Trump, irid jagħmel vjaġġ speċjali biex jikkonvinċi lill-Britanniċi biex joħorġu mill-UE.

Il-backbencher u eks-Sindku ta’ Londra Boris Johnson, li qed imexxi l-kampanja favur l-eżitu tar-Renju Unit mill-UE, jaħsibha hekk: “Dan hu l-mument biex il-Britannja turi kuraġġ, li toħroġ minnha nfisha ma tibqax imqabbda mad-dublett tan-ners fi Brussell u biex ma tibqax tgħaddi d-deċiżjonijiet tagħha f’idejn ħaddieħor.” L-eksPM Sir John Major ikkundanna din il-propaganda qarrieqa.

Id-dibattitu fil-media kien karatterizzat minn bosta elementi ta’ bias, distorzjoni u esaġerazzjoni. Minbarra telfiet oħra, ir-Renju Unit jitlef, jekk joħroġ mill-UE, il-benefiċċji tac-Charter tal-Jeddijiet Fundamentali tal-2000. Din il-lista ta’ 54 jedd tinkludi l-privazija, id-dritt għall-ħajja, il-protezzjoni tad-data privata, iż-żwieġ, il-ħsieb, ir-reliġjon u l-espressjoni ħielsa. 

Żgur li r-referendum (iva jew le) se jkollu effetti ekonomiċi. Hemm żewġ setturi partikolari mħassbin dwar Brexit: l-industrija awtomobilistika u s-servizzi finanzjarji. Bosta Ingliżi saru jobogħdu lill-UE minħabba l-arena tat-terroriżmu u l-migrazzjoni. Iżda din hi konsiderazzjoni ironika għax bosta terroristi “Ewropej” huma fil-fatt Britanniċi.

Sadanittant kemm ix-xjenzati Britannici kif ukoll grupp ta’ intellettwali u artisti Ewropej iffirmaw petizzjonijiet jħeġġu lill-poplu Brittaniku jibqa’ fl-UE. Ix-xjenzati Britanniċi qalu vot favur l-eżitu tar-Renju Unit iħalli effett diżastruż fuq progetti ta’ riċerka xjentifika kollaborattiva b’fondi Ewropej. 

U Malta?

Mistoqsi jekk Malta titlifx alleat strateġiku jekk il-Britannja toħroġ mill-UE, Dr Alfred Sant (kap tad-delegazzjoni Laburista fi Brussell) qal li iva, Malta titlef din it-tip ta’ alleanza. Malta ma tista’ tagħmel xejn ħlief tosserva u tistenna. Il-karti jinsabu f’idejn il-votanti fir-Renju Unit.

Sadanittant it-Times Literary Supplement xandret dik li sejħet “ittra ta’ mħabba” lejn il-poplu Britanniku minn personalitajiet ewlenin tal-kontinent bħal Pedro Almodóvar, Raymond Blanc, Alfred Brendel, Andrea Camilleri, Philippe Claudel, Julie Delpy, Costa Gavras, Elfriede Jelinek, Nana Mouskouri, Herta Müller, Renzo Piano, Isabella Rossellini, Arsène Wenger u bosta oħrajn.

Żvilupp u ambjent f’Reporter

F’Reporter (TVM) immexxi minn Saviour Balzan, ħareġ li hawn 72,000 dar vojta (għal raġuni jew oħra) u għalhekk ma jagħmilx sens li l-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupp f’Malta  qed tkompli tinsisti li l-ekonomija Maltija tiddependi daqstant fuq il-kostruzzjoni. Bil-Malti ċar, l-iżviluppaturi/ spekulaturi qed jiffangaw fil-“property boom”, dejjem bil-konsegwenzi kollha. Fi kliem Balzan, qed iseħħ overheating fil-bini anzi, dak li qed jiġri hu “inkredibbli” u “allarmanti”.

F’Reporter kienet diskussa wkoll il-problema ġdida tal-high rises, biex bosta residenti jindifnu fid-dell ta’ dawk il-binjiet li ttellgħu quddiemhom u tnaqqsilhom drastikament il-valur tal-propjetà tagħhom. Biex jinxtraw ċerti residenzi, is-self mill-banek qed jitħallas meta l-kompraturi jkunu xjaħu.

Bosta Ingliżi saru jobogħdu lill-UE minħabba l-arena tat-terroriżmu u l-migrazzjoni. Iżda din hi konsiderazzjoni ironika għax bosta terroristi ‘Ewropej’ huma fil-fatt Britanniċi

Importanti li ġurnalisti bħal Saviour Balzan jaffrontaw il-blaff u l-arroganza ta’ “żviluppaturi” li bil-gaffa, l-azzar u l-konkrit qed jistupraw dak li fadal minn Malta, bl-iskuża li huma s-sors providenzjali għall-ħolqien tax-xogħol. Xi jdaħħlu fil-but qatt ma jsemmu.

Gideb nisrani morali

Herman Grech, editur diġitali tat-Times, deher f’Newsfeed (NET TV) u rreaġixxa għal kif bosta Maltin tellgħu kummenti diżgustanti wara li t-Times uriet ritratt ta’ raġel b’tarbija mejta f’idejh. It-tarbija kienet imtalla’ mill-baħar minn fost is-700  ruħ li għerqu fil-Mediterran.

Il-biċċa l-kbira tal-messaġġi notorji, qalu li hu perikoluż li jittiekel ħut mill-baħar “kontaminat” mill-emigranti maħrubin u li jegħerqu fil-Baħar tan-Nofs.

F’din l-hekk imsejħa “Sena tal-Ħniena” hemm Maltin li ma jiskruplaw xejn jgħidu li huma insara Kattoliċi. Sakemm jinġabru flus għall-maratoni kollox sew, basta l-immigranti ma jiġux iħabbtu wara biebna. Gideb u aktar gideb morali.

Luteru 2017 tal-plastik

Dan l-ekspatri Agostinjan kien beda rivoluzzjoni reliġjuża 500 sena ilu. Wara ħames sekli dan il-patri ħoloq sensazzjoni fil-manifattura. Il-kumpanija Ġermaniża Playmobil ħolqot figura tal-plastik tiegħu li qed tinbiegħ għal €2.39. 

Kollox għandu l-ironija tiegħu. Luteru kien ikkundanna lill-Knisja Kattolika talli kienet tbigħ mhux ġugarelli tal-plastik, imma l-indulġenzi. Il-figurin tal-Playmobil juri lir-riformista liebes l-iswed, b’rixa tal-kitba f’id waħda u Bibbja Ġermaniża f’id l-oħra.

Kelliema għall-Playmobil għarrfet lill-media li l-figurini nbiegħu f’temp ta’ 72 siegħa fi kwantità ta’ 34,000.

F’Malta Luteru kien mgħoddi bħala xitan. Fil-Ħamrun kienet tintrama fil-pjazza ewlenija statwa tal-kartapesta turi lil San Gejtanu ta’ Tiene jgħaffeġ ras ir-riformsita, fix-xbieha tax-xitan.

Ta’ min jgħid ukoll li biografija bil-Malti ta’ Luteru kienet ħarġet bil-firma tar-rumanzier J.J. Camilleri fl-1998.

More in Blogs