Gamiem u summien għall-brodu

Kaċċa għall-ħlejjaq dgħajfin
Kaċċa għall-ħlejjaq dgħajfin

X’inhuma l-valuri ekoloġiċi ta’ gżira miżgħuda bis-slaleb, il-koppli, il-vari tal-qaddisin (inkluż San Franġisk bil-ħamiem) u l-kampnari?  Għaliex din il-gżira, bi qtajjiet ta’ kaċċaturi ossessivi, trid teqred kwota ta’ 16,000 għasfur fir-rebbiegħa?

Il-kaċċaturi jargumentaw li dawk l-għasafar jagħmlu borma brodu tajba.  Jgħidu li m’hemmx brodu itjeb minn dak tas-summien.

Il-lobby kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ġabru 40,000 firma għal referendum, bit-tama li l-maġġoranza tal-poplu Malti twaqqaf il-prattika tal-qtil ta’ ħlejjaq fraġli li jpassu mill-Afrika għall-Ewropa eluf ta’ kilometri biex ibejtu.  Il-lobby targumenta wkoll li fir-Rebbiegħa mhux l-għasafar biss jisfgħu vittmi, imma anki dawk iċ-ċittadini li jibżgħu joħorġu fil-kampanja għax jistgħu jintlaqtu miċ-ċomb.  Hu ttamat li wara r-referendum fil-jiem li ġejjin, il-Maltin kollha, b’uliedhom u l-familji tagħhom jkunu jistgħu joħorġu fil-kampanja b’moħħhom trankwill.  Il-gvernijiet dejjem beżgħu mill-kaċċaturi, imma issa jidher li l-massa tal-poplu stenbħet u qed tirrealizza mhux biss x’ifisser il-barbariżmu tal-kaċċa, imma xi tfisser id-deċimazzjoni ta’ eluf ta’ għasafar għall-ġejjieni.

Tant il-gvernijiet ħassewhom intimidati mill-vot tal-kaċċaturi li fl-1986 kienu ngħataw il-Miżieb bħala art “tagħhom”.  Il-kaċċaturi ddikkjaraw dik iż-ż¬ona bħala “arja tal-kaċċa”, ftit metri biss bogħod mnejn hemm spazju ieħor għall-picnics.

Issa għall-inqas il-lobby tal-Le qed tħabbar li trid tittrasforma l-Miżieb minn ċimiterju tal-ġħasafar għall-foresta żgħira ħajja.  Il-konfront bejn l-Iva u l-Le sab ruħu, kif mistenni, fil-programm Xarabank.  Għall-Iva għall-kaċċa fir-Rebbiegħa tkellem Joe Perici Calascione u ghal-Le deher Saviour Balzan.  Wasal iż-żmien li nbiddlu l-affarijiet, saħaq Balzan u rridu niżnu sewwasew liema huma dawk it-tradizzjonijiet li baqgħu jordmuna taħthom u dawk li għad jista’ jkollhom xi valur.  Il-kaċċa fir-Rebbiegħa żgur mhix tradizzjoni li tirrendina aktar umani u aktar ċivilizzati.

“Jien ħa naħtaf l-opportunità tal-għażla u se ngħid Le. Għasfur vulnerabbli m’għandux jispiċċa mtertaq biċċiet biċ-ċomb biex jispiċċa brodu”

Balzan insista li, biex tagħqad, il-kaċċaturi mhux minnu li qed jisparaw sal-kwota: “Hemm maġġoranza kbira li qed jisparaw fuq għasafar protetti.  Jekk il-partiti politiċi huma mbeżżgħin mill-kaċċaturi, il-moviment kontra l-kaċċa ma jibżax,” iddikkjara Saviour Balzan.  Il-pulizija fid-djar qed isibu anki ajkli ibbalzmati u dan ma jistax jibqa’ ittollerat.

B’atteġġjament emottiv, Moira Delia, magħrufa għall-qrubija tagħha u l-imħabba għall-annimali, fissret kemm hi ħaġa selvaġġa li l-kaċċaturi jisparaw fuq tajr li jkunu qed itiru mill-Afrika għall-Ewropa u jaslu biex jistrieħu f’Malta f’mument kritiku.

Delia ma naqsitx tirrakkonta kemm–il darba ġiet mhedda għax taqbeż għad-drittijiet tal-annimali.

Personalment, jien se nivvota Le għall-kaċċa fir-Rebbiegħa.  Il-mexxejja tal-PL u l-PN (wara li qalu kif se jivvutaw) qagħdu gallarija (u forsi għamlu sew li ħallew għall-kuxjenza taċ-ċittadini).  Jien se naħtaf l-opportunità tal-għażla u se ngħid Le.  Għasfur vulnerabbli m’għandux jispiċċa mtertaq biċċiet biċ-ċomb biex jispiċċa brodu.

Kavallieri u Konkubini Maltin

Lilna dejjem għallmuna kemm għandna nkunu kburin bil-kavallieri, bl-Ordni tal-Ospitallieri u l-Gwerriera li ddefendew lil Malta mill-attakki misħutin tal-Mislem.

Għallmuna kemm bnew swar u bateriji ta’ difiża.  Għallmuna kemm kienu qalbiena.  Tant dejjem kienet kbira l-qima tal-Maltin lejn il-Kavallieri, li sewwasew diversi bliet issemmew għalihom: Senglea Paola, De Rohan, il-belt Pinto u l-aktar, il-Belt Valletta.

Dak li qatt m’għallmuna kien kemm il-Kavallieri dejjem żammew ruħhom maqtugħin mill-kotra Maltija ħlief fejn jidħlu n-nobbli u n-nisa, li ħafna minnhom kienu jisfgħu korrotti u sedotti mill-Kavallieri, minkejja l-voti ta’ kastità li kienu ħadu.

Il-karnival u l-ballijiet bil-maskra kienu fost il-festi opportunistiċi biex il-kavallieri jindiegħsu bl-awdaċja kollha man-nisa Maltin, xebbiet u miżżewġin u “jirranġaw” magħhom.  Imma kien hemm skandli oħra, aktar fil-magħluq.  Wieħed mill-programmi fis-sensiela Valletta -  Storja ta’ Belt (TVM) żvela xi ftit minn dawk l-intriċċi ta’ natura sesswali.

L-iprem wieħed, De Valette, kellu tliet itfal illeġittimi.  De Rohan, ta’ 93 sena, miet fis-sodda waqt sessjoni ta’ delizzji sesswali.  Pinto ħataf mara Musulmana u minnha kellu tarbija.  Il-kavallieri u l-Gran Mastri kellhom konkubini Maltin kemm trid. Kienu jżommu mara magħhom u jgħidu li hi “kuġina”. Wieħed minnhom dam jgħix ma’ “kuġina” erbgħin sena iżgħar minnu, u ordna li tindifen miegħu.

Kien hemm kavallier li ħataf mara Maltija dakinhar li żżewġet u ħeles minn żewġha billi tturufnah fl-eżilju.  L-istorja tal-Kavallieri ta’ Malta hi miżgħuda b’dawn l-istejjer, imma bħas-soltu, dan il-pajjiż, imgħaddas fil-bigottiżmu u l-falzità storika, jirrakkonta biss id-dettalji li jaqbillu.  

L-iskandlu jgħattih.  Per eżempju kienet tkun idea eċċellenti kieku l-istatwa l-ġdida ta’ De Vallette minflok turih bħala pastur (bħal monumenti oħra fl-akkwati), turih bi tliet tifal illeġittimi mqabbdin ma’ djulu. Imma mhux se turi lill-Gran Mastru ewlieni b’dak il-mod, hux?  Inkella t-turisti jistgħu jistaqsu domandi imbarazzanti.

More in Blogs