Il-ħolma tal-Ewropa Federalista fi żmien il-Faxxiżmu

Illum l-Unjoni Ewropea hi mgħarrqa fid-diżillużjoni ta’ miljuni ta’ żgħażagħ madwar il-kontinent

L-attur Vinicio Marchioni irtukkat għall-parti ta’ Altiero Spinelli matur
L-attur Vinicio Marchioni irtukkat għall-parti ta’ Altiero Spinelli matur

Illum l-Unjoni Ewropea hi mgħarrqa fid-diżillużjoni ta’ miljuni ta’ żgħażagħ madwar il-kontinent. Bla xogħol u emarġinati dejjem aktar, qed iħossuhom ittraduti mill-proċessi u mill-interessi rispettivi u personali tal-klassi politika.

Iżda mhux dejjem kien hekk. Anzi, il-kunċett innifsu tal-Unjoni Ewropea nħoloq minn grupp żgħir ta’ żgħażagħ, immexxijin minn Altiero Spinelli, Ernesto Rossi, martu Ada Rossi, Eugenio Colorni u Ursula Hirshmann, ekonomista minn Berlin.  Il-ħames żgħażagħ kienu attivi kontra l-faxxiżmu. Ir-reġim ta’ Mussolini kien l-ewwel tefagħhom il-ħabs u mbagħad eżiljahom għal fuq il-gżira Mediterranja remota ta’ Ventotene.

Filwaqt li l-Ewropa kienet devastata mill-gwerra provokata mill-assi Nazi-faxxista, dawn iż-żgħazagħ kienu qegħdin joħolmu b’Ewropa differenti, demokratika, ħielsa u federali.

Spinelli u Ernesto Rossi, effettivament, kitbu Il Manifest ta’ Ventotene, li xxandar għall-ewwel darba fl-1941 u tqassam klandestinament fl-Italja u mbagħad fl-ibliet Ewropej ta’ ideoloġija xellugija. Fl-Italja nħolqot koalizzjoni ta’ dawk il-forzi kollha li opponew il-faxxiżmu: il-kattoliċi, il-komunisti, is-soċjalisti, il-liberali u l-partiġġjani.

F’intervista ma’ George Urban, Spinelli kien qal li fil-bidu kien ħaseb li jmexxi l-idea tal-unifikazzjoni Ewropea minn kanali xellugin. Iżda mbagħad ħaseb li dan kien se jqiegħdu wisq f’dawl partiġġjan. Kien intebaħ li d-Demokristjani kienu aktar lesti jaċċettaw il-kunċett Ewropew. F’dan is-sens il-kollaborazzjoni ma’  Konrad Adenauer, Robert Schumann u Alcide de Gasperi waslet bħala alleanza naturali, filwaqt li hu u sħabu ħallew impatt fuq dawn il-mexxejja. Ironika kif illum jissemmew Adenauer, de Gasperi u Schumann bħala t-tripied tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li Spinelli, Rossi u sħabhom intesew.

Il-Manifest ta’ Ventotene, sadanittant, sar il-ġebla ewlenija għall-kostruzzjoni tal-Ewropa Magħquda. F’Novembru li għadda, l-istorja ta’ Spinelli u sħabu bdiet tixxandar fil-film-TV Un Mondo Nuovo ta’ RAI 1. Fil-parti ta’ Spinelli hemm l-attur magħruf Vinicio Marchioni, li diġà hu mmarkat għal parti kbira oħra, San Francesco.

Il-film tar-RAI isegwi l-ħajja u l-oriġini tal-Manifest sal-1984, meta Spinelli, l-uniku wieħed li kien għadu ħaj, ippropona lill-Parlament Ewropew l-approvazzjoni tal-proġett unitarju tiegħu u sħabu, li baqa’ magħruf bħala t-Trattat Spinelli.

Fis-siġġu tar-reġista hemm Alberto Negrin, direttur ta’ fiction intriganti oħra, inkluż dak dwar Paolo Borsellino. Fil-film-TV dwar Spinelli u sħabu, fil-qafas tal-epoka faxxista m’hemm xejn li mhux minnu.

Dan hu xogħol emozzjonanti u spettakolari għal dawk it-telespettaturi esiġenti li jridu jafu tassew kif tnissel il-proġett Unjoni Ewropea. Meta tapplika l-ideat tiegħu għal-lum, Spinelli jixhed perċezzjoni qawwija, ngħidu aħna, dwar li l-Ingliterra hi l-aktar pajjiż magħluq għall-federaliżmu kontinentali.

Żgur li Spinelli għandu jkun rikonoxxut u studjat.

Album Antoloġiku ta' De Gregori

F’Malta l-kantant Taljan għandu ħafna ammiraturi l-aktar fost dawk li jemmnu f’mużika impenjata, mhux f’dik “miktuba biex tinqafel fil-mużew.”

Fl-album ġdid tiegħu, Vivavoce, de Gregori jieħu 28 titlu meħudin minn karriera ta’ 40 sena. Fost il-bċejjeċ hemm l-omaġġi għall-ħabib kantant tiegħu, Lucio Dalla, kif ukoll siltiet oħra b’ġieħ lill-poeti u kantawturi Leonard Cohen u Bob Dylan.  Din l-offerta waslet minn fuq Radio Italia matul Novembru-Diċembru, b’de Gregori jkanta fid-19 ta’ Diċembru wara Gigi D’Alessio u s-Subsonica. Is-sensiela ntemmet ġimgħa qabel il-Milied, bis-suċċess mistenni minn kantant-awtur li qatt ma waqaf jissorprendi.

More in Blogs