Simon u l-metafiżika tal-ġisem

Busuttil qed jingħata “lezzjonijiet privati” minn espert barrani biex iħarrġu f’metodi dwar kif jimpressjona lill-pubbliku

Mela Simon Busuttil qed jingħata “lezzjonijiet privati” minn espert barrani (ismu ma nafuhx, għallinqas sakemm qed nitkeb) li wasal biex iħarrġu f’metodi dwar kif jimpressjona lill-pubbliku.

Meta qrajt l-ewwel darba li Simon Busuttil qed jitħarreġ b’dan il-mod, ħsibt li qed tikkowċjah Claudette Buttigieg, gradwata fit-teatru minn Bologna. Iżda l-PN ġab “espert” barrani, li jfisser li l-partit intrefa’ xi ftit mid-djun li kellu u ġab espert biex iħarreġ lill-kap Nazzjonalista fil-kodiċi espressiva, fl-oratorija tal-komunikazzjoni, fil-ġest u fis-sinjali semjotiċi. Aspetti li kollha għandhom x’jaqsmu mat-teatriċità u max-xjenza tal-effett fuq il-pubbliku. Anzi, fil-każ ta’ Simon Busuttil, il-bżonn li jikkomunika ma’ poplu sħiħ.

Ħalli nibdew mill-ewwel żball ta’ dan l-“espert” li ngaġġa l-PN. Simon Busuttil mhux lezzjonijiet privati għandu bżonn imma sessjonijiet kollettivi, fejn jieħu sehem f’workshops interattivi (x’imkien qrajt li l-PN aktarx se jħarreġ rappreżentanti politiċi oħra tiegħu.) Għandu bżonn li jikkomunika bil-ġest u bil-muskoli tal-wiċċ. Il-kap tal-PN irid jiżviluppa kodiċi li tinftiehem mill-ewwel, mingħajr eżitazzjoni u li wiċċu jkun jaf jaqleb psikoloġikament minn “maskra” għal oħra. Simon Busuttil għandu avversarju, f’Joseph Muscat, bil-wisq aktar makakk (u bla skrupli ) minnu. U l-agħar li jista’ jagħmel Simon Busuttil hu li jibqa’ jitkellem dwar l-“onestà”. Ma jistax jibqa’ marbut ma’ sistema li tenfasizza dak li hu psikomorali f’pajjiż fejn il-politika ma tafx morali.

Irid jaqra bi skruplu Il-Prinċep ta’ Macchiavelli u jistudja lil xi ħadd bħal Lecoq u Laban. Il-ġisem għandu kemm il-politiku kif ukoll il-metafiżika tiegħu. Suppost li Simon Busuttil, bħala avukat, studja l-arti tar-retorika: iżda altru r-retorika f’awla tal-Qorti u altru dik li hemm bżonn għal konferenza ġenerali ta’ partit politiku ħiereġ minn żewġ telfiet elettorali li ġiegħluh imiss il-qiegħ. Fil-Parlament Simon Busuttil jidher aktar f’sikktu u fiż-żona tal-konfort tiegħu, imma t-“taħriġ” li qed jingħata qed jirrendih superfiċjali.

Simon irid jitgħallem “it-trijonf” tal-ġisem, tal-ġest, tal-intriċċi lingwistiċi, tat-temp, tat-tqassim tal-frażijiet, it-tlugħ u l-inżul fl-istil, il-pawżi, il-kulur. Irid jitgħallem jesprimi b’mod effettiv ir-relazzjoni bejn il-fiżiku u l-mentali. U dan irid jittrasmettih mhux billi jxammar il-qmis sal-minkeb (dik jagħmilha anki negozjant li jidħol għal xi laqgħa fis-sajf) imma billi jistudja l-moviment spazjali kif għallmu wħud bħal Stanislavski, Vakhtangov u Decroux.

Il-kap tal-PN irid jistudja l-arti tad-diskors perswasiv u li jimpressjona. Jaqra sew it-trattati ta’ Kwintilljanu u Ċiċerun. Imbagħad hemm l-elementi semjotiċi bħala s-sinjali mill-aktar essenzjali: ir-ritmu, il-gestus trajettorju, il-modulazzjoni u l-alternanza tal-leħen, l-implikazzjonijiet foniċi (Bahktin u Tudorov), ir-regoli tar-ritwal, tal-leħen u l-ġest.

Imma mhux il-ġesti redikoli li għallmu “l-espert” barrani, li qallu biex jitkellem b’idejh fil-but (kif tista’ tesprimi passjoni b’idejk fil-but?) u jippassiġġa bla heda min-naħa għall-oħra tal-palk tawwali orizzontali, donnu Steve Jobs meta jintroduċi xi prodott ġdid tal-Apple.

LINO SPITERI: FIL-MEWT TA’ POLITIKU-AWTUR

Tħabbret il-mewt tal-politiku u ġurnalist/opinjonista veteran Lino Spiteri, li kien ukoll wieħed mill-awturi ġodda tal-grupp ta’ Pjazza Regina fis-snin sittin-sebgħin.

Sa mill-ewwel antoloġija ta’ stejjer tiegħu (Tad-Demm u l-Laħam), Spiteri dejjem rabat l-idjoma realista tiegħu mat-turufnati u l-emarġinati. Kien is-Soċjalist kritiku. Il-kitbiet tiegħu kienu provokatorji, tant li t-Teatru Manoel ġieli ċċensurahom flimkien ma’ kitbiet ta’ awturi oħrajn tal-Moviment Qawmien Letterarju.

Lino Spiteri kien irnexxielu jgħaqqad il-ġdid mat-tradizzjoni li tħalli post għall-emozzjoni umana. Kellu perċezzjoni u sens akut tal-ambjent soċjali fejn taħdem il-miżerja u fejn jaħkem l-abbandun.

Permezz tal-kitba tiegħu, Spiteri kien saħansitra ppropona, bħala politiku li kien jaf x’tagħti Malta tal-Partiti u d-diviżjoni, l-alternanza tal-poter b’mod awtomatiku (Rivoluzzjoni in Do Minore).

Bħala politiku astut kien jagħraf ukoll il-lat parodiku dwar il-klassi politika (Onorevoli Sinjuri) li ma kinitix teskludi saħansitra lilu nnifsu. Ir-realtà, kemm ġewwiena, kif ukoll esterna, hi dejjem il-punt tat-tluq u għal Spiteri din kienet l-ewwel tarġa biex tinħoloq l-arti. Li hu ċert fi Spiteri hu li lill-bniedem ma tistax tneżżaw mis-sentiment, xi ħaġa li l-awtur kien jaffermaha l-ħin kollu, ngħidu aħna bil-mod li kien iħobb lil ommu, lil familtu u lil dawk li l-aktar li kellhom bżonn spalla ta’ wens, hu li n-natura ma kinitx ħanina miegħu.

Min-naħa l-oħra, il-kritiku Charles Briffa jafferma li Spiteri jinqeda bin-narrazzjoni awtobijografika: “Id-dinja tan-novelli tiegħu hi waħda privata, imma mbagħad jagħfas l-aktar fuq karattri li jidhru moralment ambigwi, filwaqt li juża magħhom empatija qawwija.”

Fost it-temi ta’ Spiteri li jelenka Briffa nsibu: il-favuri politiċi, il-moralità fost iż-żgħażagħ, imħabba u rispett fost il-miżżewġin u n-nuqqas tagħhom, il-maħfra u n-nuqqas ta’ mħabba li jwassal għan-nixfa.

L-għomor lil mart l-awtur, lil uliedu u l-familja kollha. Spiteri żgur kien għad kellu ħafna xi jgħid, imma laħaq immarkah il-ħin tat-tmiem.

More in Blogs