L-id ħarxa tal-pulizija bojod fuq il-kriminali suwed

Din hija kwistjoni ta’ relazzjoni bejn razez differenti, relazzjoni ta’ poter, ta’ żbilanċ. Hija l-istorja tal-massa kbira li tbati l-vjolenza tal-grupp ta’ fuqha

Din hija kwistjoni ta’ relazzjoni bejn razez differenti, relazzjoni ta’ poter, ta’ żbilanċ. Hija l-istorja tal-massa kbira li tbati l-vjolenza tal-grupp ta’ fuqha
Din hija kwistjoni ta’ relazzjoni bejn razez differenti, relazzjoni ta’ poter, ta’ żbilanċ. Hija l-istorja tal-massa kbira li tbati l-vjolenza tal-grupp ta’ fuqha

Storja kerha dik li seħħet ftit tal-jiem ilu f’Ferguson u li kellha l-bidu tagħha tliet xhur ilu. Sa issa, għallinqas min jinteressah ikun jaf x’inhu jiġri banda oħra, jaf l-istorja bl-amment: fid-9 ta’ Awwissu pulizija bl-uniformi – Darren Wilson –  jispara lejn ġuvni – Michael Brown – u jolqtu diversi drabi sa ma l-ġrieħi li ġarrab joqtluh. Intqal li ftit minuti qabel dan Brown daħal f’ħanut u seraq xi sigarri, ħareġ mill-ħanut u immedjatament daħal rapport dwaru.

Sfortunatament mhijiex storja unika din f’pajjiż fejn hemm ħafna vjolenza urbana u fejn huwa legali li bniedem iġorr arma, għalkemm Brown ma kienx armat. Din l-istorja għandha partikolarità oħra li aktarx tagħmel id-differenza l-kbira minn każi oħrajn simili: il-pulizija huwa abjad, il-vittma iswed. Iqumu l-protesti mis-suwed li jisħqu li l-pulizija bojod jittrattaw il-kriminalità sewda b’id ħafna aktar b’saħħitha minn dik bajda. Imbagħad din il-ġimgħa ġurija ddeċidiet li, wara li rat u semgħet ix-xhieda mressqa, ma kinitx se takkuża lill-uffiċjal tal-pulizija bi qtil. F’dar-rigward huwa importanti li jingħad li l-ġurija kienet iffurmata minn disa’ persuni bojod u tlieta suwed. U barra minn dan kien hemm avariji kbar bejn xhieda differenti. Hekk kif ħarġet l-aħbar ta’ din id-deċiżjoni qamu ħafna protesti kbar f’Ferguson li matulhom ħafna nies infexxew fi vjolenza kbira, tant li kellha tiddaħħal l-armata fl-azzjoni. Fil-manifestazzjonijiet vjolenti fit-toroq ta’ Ferguson kien hemm ħafna tkissir, sakkeġġi u azzjonijiet oħra tipiċi ta’ rvell soċjali.

F’każi bħal dan ta’ Ferguson il-vjolenza waqt il-protesti ġġegħelna nirrealizzaw li hemm din it-tensjoni soċjali li fir-realtà hija l-parti tal-qiegħ tal-blata tgħum tas-silġ. Il-vjolenza li seħħet fit-toroq ma kinitx biss reazzjoni għall-qtil taż-żagħżugħ iswed, u lanqas ma kienet biss espressjoni ta’ rabja għad-deċiżjoni partikolari li ħadet din il-ġurija b’maġġoranza bajda; tant huwa hekk li ħafna nies iddikkjaraw li ma kinux daqstant sorpriżi b’din id-deċiżjoni li ttieħdet. Il-mezzi tax-xandir, kif wieħed jista’ ġustament jimmaġina, taw rappurtaġġ estensiv għal dak li ġara f’Ferguson. Iżda jista’ jagħti l-każ li l-messaġġi ta’ wħud minn dawn il-mezzi tant jikkonċentraw fuq il-kronaka (avolja anki din mhux dejjem hija ċara jew newtrali) li l-każ jispiċċa biex jiġi sseparat mill-kuntest kollu u proprju tiegħu.

Queenie hija mara sewda ta’ mezz’età. Għandha statura qsajra u mbaċċa. Illum akkademika u taħdem fil-qasam tal-arti. Minkejja l-affluwenza soċjali li rnexxielha takkwista kontra kulma kien ippreparat għaliha mis-soċjetà, għadha sal-lum tbati. Ebda pulizija abjad qatt ma pponta l-pistola lejha. Qatt ma ġiet arrestata lanqas. U qatt ma wettqet atti kriminali u lanqas vjolenti. Dan huwa kliemha f’email li bagħtitli dil-ġimgħa waqt il-protest f’Ferguson: “Kif inħossni meta jgħajtuli ‘nigger’? Fin-naħa t’isfel tal-Istati Uniti, minkejja l-każi legali mirbuħa fil-ħamsinijiet u l-leġiżlazzjoni tad-drittijiet ċivili mgħoddija fis-snin sittin, kollox kien injorat sa anki għaxar snin wara. Għax jien sewda u mara, għext ħajti f’iżolament, kontinwament insultata, mgħajra, ġieli anki qlajt daqqiet ta’ sieq, garawli oġġetti differenti sa anki beżqu fuqi. Minkejja dan aħna (in-nies suwed) bqajna nqumu kull filgħodu, immorru għax-xogħol u kull konfrontazzjoni li ta’ kuljum naqilgħu neħduha bħala sfida ta’ kull ġurnata. L-ewwel ħaġa li kellna nitgħallmu, li kelli nitgħallem, kienet li jiena differenti. Allura x’nagħmel meta sal-lum stess jgħajtuli ‘nigger’? L-ewwel ħaġa nagħti daqqa t’għajn malajr malajr biex nara fiżikament iniex fil-periklu: pereżempju humiex se jgarawli xi ħaġa, jew jekk inkun fil-karozza humiex se jissikkawni u jagħlquli t-triq. Nara jekk humiex ħafna, jekk hemmx ħaddieħor li qiegħed iħalli kollox għaddej, jew taparsi ma jagħtix kas. U jiġri li ħafna drabi aktar naħseb fuq dawk ta’ madwari milli fuq it-tgħajjir innifsu: min qabeż għalija? Min baqa’ sieket u għalaq għajnejh?”

Queenie hija mara waħda minn miljuni ta’ suwed li jgħaddu minn dan it-tip ta’ fastidju jum b’jum. Queenie diġà għandha żvantaġġ soċjali għax hija mara, għax is-sura tagħha mhijiex dik issanzjonata mill-klassi dominanti, u, ma’ dan wieħed irid iżid li hija sewda. “Allura jsejħuli ‘nigger’ u jidħqu bija jekk immur niekol pizza, u jekk nieħu insalata joffruli dressing ‘low fat’ imma jien nirrifjuta li fl-ikel tiegħi nixħet sustanzi sintetiċi u narahom, malli nirrifjuta, jikkummentaw minn taħt jew jitbissmu b’dak it-tbissim niggieżi.”

Ħadd, lanqas jiena, mhu qiegħed jinnega li f’Ferguson kien hemm iljieli ta’ vjolenza tal-massa, orġja ta’ tkissir u sakkeġġjar. Il-problema hi li ħafna mezzi tax-xandir, filwaqt li kienu pronti jirrappurtaw il-vjolenza fiżika tal-mases suwed b’reazzjoni għal dak li ddeċieda l-ġuri f’St Louis, m’għarfux jew għażlu li ma jagħrfux, qagħdu lura milli jirrapportaw – matul iż-żmien – il-vjolenza simbolika li dawn il-mases huma vittmi tagħha fil-ħajja ta’ kuljum.

Din hija kwistjoni ta’ relazzjoni bejn razez differenti, relazzjoni ta’ poter, ta’ żbilanċ. Hija l-istorja tal-massa kbira li tbati l-vjolenza tal-grupp ta’ fuqha. Bħalma jiġri dejjem f’sitwazzjonijiet ta’ żbilanċ u inugwaljanza, il-vjolenza simbolika jew tgħaddi qisha m’hi xejn jew lanqas biss nintebħu biha, kuntrarju għall-vjolenza fiżika li ħafna drabi titwettaq b’reazzjoni. Dan mhuwiex argument li qiegħed jiġġustifika jew jinkoraġġixxi l-vjolenza; imma tentattiv li wieħed jifhem x’hemm fl-isfond tat-tkissir u s-sakkeġġjar f’Ferguson u fi nħawi u f’okkażjonijiet oħrajn. Interessanti kif hija dejjem il-vjolenza fiżika li jkollu jirrikorri għaliha min jagħmel man-naħat t’isfel, appuntu għaliex m’għandux il-poter li jirrikorri għall-vjolenza simbolika. U huwa interessanti wkoll li l-vjolenza simbolika ma tressqekx il-ħabs bl-istess faċilità li tressqek lejh il-vjolenza fiżika.

Kuljum praċett Queenie tkun għaddejja fit-triq u kuljum praċett tbati l-fastidju fis-silenzju. Kuljum hija vittma ta’ vjolenza simbolika li ħadd ma jgħaddi ġuri għaliha. Sempliċiment għax hija sewda. Għal ebda raġuni oħra. U dan, tajjeb li niftakru, li jseħħ f’pajjiż immexxi minn president iswed, bħal Queenie.

More in Blogs