(Im)Perfezzjoni

Ġisimha huwa sfigurat b’mod li jġiegħlek titħassar lil din l-alla ħierġa minn arzella minbarra li tiggustalha wiċċha

Ġisimha huwa sfigurat b’mod li jġiegħlek titħassar lil din l-alla ħierġa minn arzella minbarra li tiggustalha wiċċha
Ġisimha huwa sfigurat b’mod li jġiegħlek titħassar lil din l-alla ħierġa minn arzella minbarra li tiggustalha wiċċha

Waħda mill-affarijiet li tassew ifixkluni meta naħseb fuq ir-razza umana hija l-attitudni kontradittorja li ħafna nies jieħdu fil-konfront tal-ġmiel u l-perfezzjoni.

Hemm din l-attitudni li l-bniedem irid dejjem jersaq lejn il-perfezzjoni anki jekk dejjem jgħallem u jirrepeti lilu nnifsu li l-perfezzjoni hija stat impossibbli. Minn dan il-lat, il-perfezzjoniżmu huwa l-laqta, għallinqas xi ftit jew wisq, ta’ ħafna minna, aħna u nfittxu li nipperfezzjonaw dak li perfett mhuwiex. Moħħna biex niskopru d-difetti ħalli mhux daqstant ngħattuhom daqskemm insolvuhom ħalli mmiddu pass ieħor li suppost iwassalna lejn il-perfezzjoni.

Attitudni bħal din tispjega għala kienu ħafna dawk li minflok ħadu nifs qawwi u apprezzaw il-ġenju uman li rnexxielu jniżżel biċċa makkinarju fuq kometa li kien ilu riesaq lejha aktar minn għaxar snin, ilmentaw li din in-niżla kienet difettuża, li l-pożizzjoni ta’ Philae fuq il-kometa 67P ma kinitx dik ippjanata jew mixtieqa oriġinarjament. Dawn l-ilmenti aktarx jixhdu d-diżappunt tal-bniedem li minkejja l-ħafna avvanzi li għamel f’oqsma differenti tal-ħajja, għad ma rnexxilux jikseb il-perfezzjoni.

U din l-ossessjoni bil-perfezzjoni tidher l-aktar fil-mod kif in-nies iħarsu lejn ġisimhom, jiġifieri lejhom infushom. Mhuwiex minnu li huma l-adolexxenti dawk li kontinwament iħarsu lejn il-mera biex jistadu l-imperfezzjonijiet, id-difetti. Ma tridx tkun daqsxejn ta’ adolexxenti biex tiffissa li għandek sider ikbar mill-ieħor, widna ʼl barra aktar mill-oħra, jew li għandek xagħrek ma joqgħodx sew. Li kien hekk l-industrija vasta tal-kirurġija kożmetika ma kienet tkun vasta xejn. L-ossessjoni bid-dehra, bis-sura, bil-korp li nġorru magħna, anzi li jagħmilna dak li aħna, hija kbira mhux biss minħabba l-ossessjoni bil-ġmiel iżda l-fissazzjoni li dan il-korp irid ikun perfett. Is-sabiħ, ħafna drabi, jitkejjel skont il-perfezzjoni.

Madankollu, anzi fl-istess waqt li għaddej dan kollu, hemm il-ġibda lejn dak li huwa evidentement difettuż, imperfett, jekk mhux ukoll skorrett. L-imperfezzjoni tiġbidna lejha daqskemm timbuttana. Bejn l-1482 u l-1485 Sandro Botticelli pitter xbieha li kellha tiġbor fiha mhux biss is-sinifikat tal-ġenju Rinaxximentali, imma kellha ssir ikona u tibki hekk għal diġà aktar minn nofs millennju. “It-Twelid ta’ Venere” huwa kwadru li għadu jiġbed lejh eluf ta’ nies li kuljum praċett jieqfu quddiemu u jħarsu lejh għal ħin twil. Dawk li jmorru l-Uffizi ta’ Firenze u jieqfu jħarsu lejn dak li hu meqjus bħala l-kapulavur ta’ Botticelli, ikunu qegħdin iħarsu lejn sura femminili li, sabiħ kemm hu sabiħ wiċċha, ġisimha huwa sfigurat b’mod li jġiegħlek titħassar lil din l-alla ħierġa minn arzella minbarra li tiggustalha wiċċha. Irid ikollok kuraġġ kbir ħafna biex tazzarda tgħid li l-Venere ta’ Botticelli huwa xogħol difettuż anki jekk dik il-mara li hemm tħares lejk għandha suritha tassew miskina. Jista’ jkun li parti sew mill-faxxinu li jqanqal il-kwadru huwa appuntu d-difett ovvju fil-forma ta’ dik il-mara li anki ħarsitha tqanqal il-mistoqsija.

L-arti għandha numru kbir ta’ eżempji li juru kemm l-imperfezzjoni tiġbed l-attenzjoni u l-interess tal-bniedem. Iżda l-interess bl-imperfezzjoni ma jinstabx biss fil-kwadri tar-Rinaxximent jew fl-iskulturi, u ma jidhirx biss fis-swali tal-mużewijiet. Dak kollu li jitqies stramb, sfigurat, jekk mhux ukoll mostruż iqanqal interess kbir. Waqt li ħafna nies jispiċċaw jiffissaw ħarsithom lejn xbihat li jqisuhom perfetti, l-istess nies għandhom imnejn jagħmlu l-istess quddiem xbihat sfigurati. Ejja nieħdu bħala eżempju l-freak shows, dawk il-wirjiet li jitfaċċaw xi darba fis-seklu sbatax, ġeneralment waqt xi fiera jew wara ċ-ċirklu, li juru iġsma strambi, koroh, mostrużi, fuq kollox difettużi għall-gost tal-kurżitajri, bil-każi notorji ta’ Joseph Merrick, ir-Raġel Iljunfant, u ta’ Sarah Baartman, imlaqqma b’mod mill-aktar offensiv bħala l-Venere ta’ Hottentot. Hija appuntu x-xbieha grotteska – grotteska fil-ħarsa tal-bniedem tal-Punent ovvjament – li tiġbed l-attenzjoni f’każi bħal ta’ Merrick u Baartman.

Dan kollu ġie f’moħħi meta ftit tal-jiem ilu, bħal miljuni ta’ nies oħrajn, rajt ir-ritratt ta’ Kim Kardashian fuq il-qoxra tar-rivista “Paper”. Kardashian, li onestament għadni ma fhimtx x’tagħmel eżatt u x’inhu li jagħmilha daqstant famuża, tidher imneżżgħa, tiddi bid-dlik li għandha ma’ ġisimha, tħares lejn min qiegħed iħares lejha, bil-parti posterjuri mqabbża ʼl barra f’tentattiv ovvju li jqanqal l-għajnejn li qegħdin iħarsu. L-aktar ħaġa li ħolqot diskussjoni, mid-dehra, mhijiex daqstant il-parti mikxufa daqskemm il-fatt li r-ritratt huwa mbagħabas bil-photoshop bl-aktar mod ovvju. L-editjar tax-xbieha ta’ ġisem Kardashian jagħmel din is-sura difettuża għaliex tispiċċa sproporzjonata (il-kuntrast bejn il-qadd u l-parti posterjuri) u grotteska għaliex, kif b’kumbinazzjoni tinnota wkoll Blue Telusma, hemm referenza għas-sura ta’ Sarah Baartman. Kardashian tagħmel ġisimha sfigurat, u din l-imperfezzjoni tiġbed l-attenzjoni kollha. Milli nista’ nifhem ritratti u filmati ta’ din il-mara tinkixef kif ġieb u laħaq mhumiex rari fid-dinja virtwali, imma l-kopertina ta’ “Paper” tagħti lil dawk li jħarsu s-sodisfazzjon mhux bil-ġmiel imma bid-difett, maħluq artifiċjalment bl-editjar diġitali.

Id-diskussjoni li qamet minħabba din ix-xbieha tipponta wkoll lejn l-ossessjoni li sar għandna (jew kellna minn dejjem?) bil-ġisem u l-gost li dan jagħtina. L-arti viżiva, li tvarja mill-kwadri miżmuma fl-aqwa mużewijiet tal-arti sas-siti XXX fuq l-internet miżgħuda b’iġsma mikxufa, materjal li jfittex li jqanqal u li jisseduċi. Wieħed jista’ jara dan isir anki fl-aritkli li jidhru fil-gazzetti, bħalma deher ftit tal-jiem ilu fir-rappurtaġġ sensazzjonalista tal-każ ta’ rapport sesswali bejn patri Dumnikan u mara (jew nisa). Kien ovvju li r-rappurtaġġ indafar fid-dettalji pikkanti ħalli jqajjem l-interess, ħalli jisseduċi. Imqar il-verżjoni elettronika ta’ din il-gazzetta ssegwi din it-tendenza b’“aħbarijiet” b’titli bħal “Għamel is-Sess Magħha u Qatagħlha Rasha”, jew, fl-istess ġurnata, “Tat Għażla lill-Għarus ta’ Bintha bejn Ħajtu u l-Parti Ġenitali”, b’sottotitlu vulgari bħal “Ivvjolentalha lil binha ta’ sentejn u qatatulu (sic) barra”. Hekk hu: il-faxxinu bl-orrur u l-erotiżmu, il-kruha u s-sabiħ, id-difett u l-perfezzjoni.

Post scriptum

Minn din il-ħarġa l-artikli tiegħi mhux se jibqgħu jidhru kull ġimgħa imma kull ħmistax. Għalhekk l-appuntament li jmiss tiegħi magħkom ikun għal bħal-lum ħmistax.

More in Blogs