La bidu, la tmiem, 1599

Fost ix-xjaten ta’ Alfred Sant hemm Lidja, id-Dimonju tas-Sess

Fost ix-xjaten ta’ Alfred Sant hemm Lidja, id-Dimonju tas-Sess
Fost ix-xjaten ta’ Alfred Sant hemm Lidja, id-Dimonju tas-Sess

L-aħbar li fis-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) se terġa’ titfaċċa verżjoni riveduta tar-rumanz epiku La Bidu, La Tmiem, 1599 (oriġinarjament ippubblikat mill-PEG fl-2001) reġgħet fetħet tieqa fuq dak li qed jiġri fiċ- ċrieki letterarji-teatrali lokali fl-epoka tal-Indipendenza.

Il-laqgħat fi Pjazza Reġina kull nhar ta’ Sibt filgħodu llum daħlu fl-istorja tal-Moviment Qawmien Letterarju fid-deċennju 1964-74. Kien hemm is-sinjali kollha li l-letteratura Maltija kienet se taqbad il-binarju tax-xellug marksista. Żviluppa interess qawwi fiċ-ċinema soċjali. U fuq l-aġenda kien hemm erwieħ bħal Gramsci, Pasolini, Pavese u Sciascia, kif ukoll interess qawwi fid-dissidenti moderni Russi. Sabu posthom ukoll ħassieba bħal Voltaire li sal-1969 baqa’ projbit. Fit-teatru daħal id-dibattitu dwar il-kitchen sink drama, l-Assurd u Dario Fo. L-awtur preżenti talla’ l-ewwel dramm surrealista, Il-Mammelli ta’ Tireżja (Apollinaire) fl-1969 fil-Kulleġġ tal-Għalliema. Il-gazzetti Laburisti, l-aktar fi żmien Anton Cassar bħala editur ta’ L-Orizzont u hu nnifsu poeta, kienu jagħtu l-ispazju kollu mhux biss għal xogħlijiet ġodda iżda anke għal ton kritiku-polemiku ġdid, mhux biss bejn l-iskejjel differenti tal-ħsieb letterarju, iżda anki bejn l-istess membri tal-Moviment.

Infetħu spazji anki fil-mezzi tax-xandir tal-Knisja, fil-gazzetta li kien imexxi Henry Frendo, sakemm tkeċċa minħabba li azzarda jikteb teżi dwar Manwel Dimech u ried jippubblikaha. Anki artikolisti regolari tas-Sunday Times, bħal Roamer kienu qed jgħarrfu li l-letteratura lokali bdiet tiġbed ossiġnu ġdid. Wieħed mill-proponenti l-aktar ardenti li kien qed jimbotta l-letteratura l-ġdida kien sewwasew Peter Serracino Inglott, li kien jiddeskrivi lilu nnifsu bħala marksist-Kristjan u li kien introduċa f’Malta l-kitbiet mistiċi moderni tal-ħassieb Theilhard de Chardin. Serracino Inglott kien ikkompila wkoll żewġ antoloġiji b’kummentarju parallel. Jixraq li jissemmew ukoll għadd ta’ rivisti u ġurnali “intellettwali” li kienu dehru dak iż-żmien, fosthom Ferment, pubblikazzjoni dinamika u provokattiva, editjata minn Alfred Sant.

Paradossalment, minkejja s-sens ta’ għaqda fost il-membri tal-Moviment kien hemm sens ta’ insikurezza u inkwetudni personali, ġejjin mhux biss mill-isfond kattoliku bigott li trabbew fih, iżda anki mill-forom ta’ vjolenza, ingann u impostura li bdew jaslu Malta bit-televiżjoni u rivisti bħal Time, Newsweek u The New Statesman, fost l-oħrajn.

Il-prospett tal-Indipendenza imminenti ħalla żewġ effetti immedjati: (i) sens urgenti ta’ aspettattiva u (ii) il-bżonn ta’ tiftix għal identità nazzjonali awtentika. Fost il-grupp ta’ Pjazza Reġina, Alfred Sant ma kien jidher kważi qatt. Kien jagħti impressjoni enigmatika u kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar fejn qiegħed, telaqx minn Malta, huwiex jaħdem barra mill-pajjiż. Fil-fatt kien qed jaħdem f’Pariġi u Brussell u jistudja f’Boston, fl-Università ta’ Harvard. Kien qiegħed ukoll jikteb id-drammi u l-ewwel xogħol narrattiv tiegħu. Żamm il-kuntatt ma’ Malta għax xtaq li jittellgħu ix-xogħlijiet tiegħu għall-palk. L-aktar li kkollaborajna miegħu minn dan l-aspett konna jien u Albert Marshall.

Fil-Moviment kien hemm diskors kontinwu għaddej dwar it-teorija neorealista fid-dawl ta’ tibdiliet kbar ekonomiċi mondjali. Malta ntlaqtet ukoll mill-influwenza tat-teatru xellugi u ċ-ċaqliq tal-Angry Young Men, kif ukoll mill-protesti kontra l-gwerra. Bdew jaslu wkoll it-tendenzi femministi, l-ewwel ta’ Simone de Beauvoir u mbagħad id-dekostruzzjoni ta’ ħassieba bħal Cixious, Irigaray u Kristeva, dejjem kuntestwalizzati f’sens Freudjan u Jungjan.

Ir-Romantiċiżmu kien jidher li ngħalaq fuqu l-għatu tat-tebut għal dejjem. Iżda issa r-rumanz La Bidu, La Tmiem ta’ Alfred Sant jipprova jerġa’ jagħti nifs ġdid lill-epika nazzjonali, permezz ta’ kanvas kbir mifrux bejn l-aħħar tas-Seklu XV u l-bidu tas-Seklu XVI. Malta, b’mod jew ieħor, f’dik il-ħabta kienet involuta minħabba l-ħakma tal-Kavallieri, “magħrufin mal-Ewropa kollha għall-injoranza tagħhom” u anki għaliex intlaqtet mill-Inkwiżizzjoni tal-Knisja li laħqet il-ħruxijiet despikabbli tagħha fi Spanja imperjalista.

Għal Sant, is-snin sittin huma parti mill-bagalja kulturali tiegħu, huma parti minn proċess, għax dejjem qies li l-kitba “hi attività li tevolvi (intervista ta’ Sant ma’ Joseph Muscat, 1996, dak iż-żmien ġurnalist ma’ Super One TV). Fir-rumanz ta’ Sant, La Bidu, La Tmiem il-Kavallier del Rio, wara itinerarju ta’ vjaġġi fl-Ewropa u l-Lvant Imbiegħed, jerġa’ lura Malta jfittex komunità ta’ eremiti jgħixu fl-għerien f’Ħal Miskat, taħt l-għolja tar-Rabat. Huma fil-mira ta’ soċjetà intolleranti li tispekula li huma jħalltu mediċini alluċinanti, jikkomunikaw max-xjaten (anki ma’ Lidja, id-dimonju-mara tas-sess) u saħansitra jqajmu l-mejtin.

Ir-rumanz hu rikk u vast wisq biex issirlu ġustizzja evalwattiva f’dan l-ispazju limitat, iżda m’hemmx dubju dwar il-valur estetiku u enerġetiku tiegħu f’epika li tinkorpora anki fatti storiċi Ewropej bħall-ħruq ta’ Giordano Bruno minħabba “l-ereżija,” ir-Riforma Luterana u r-risposta Kattolika u l-iskandli oxxeni fil-palazz korrott tal-Papa Alessandru VI. Anki Injazju ta’ Loyola jidħol fl-ekwazzjoni kemm bil-metodu tal-eżerċizzji spiritwali kif ukoll bil-vokazzjoni missjunarja tiegħu.

Sant jistqarr li ħa s-sena 1599 bħala mudell għall-klima soċjo-politika u kulturali li tinbidel meta jaqleb seklu jew millenju.

Il-ktieb rivedut ta’ Sant se jkun għall-bejgħ għall-Fiera tal-Ktieb. Dan hu volum penetranti u viċin l-intuwizzjoni taċ-ċiviltà nazzjonali skont l-onestà tal-impenn ta’ awtur serju.

Wara żmien li serva bħala Prim Ministru ta’ Malta, Sant illum hu membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Patit Laburista, imma ħafna jaħsbu li għandu kriterji oġġettivi biżżejjed biex jivvota skont kif jgħidlu moħħu.

More in Blogs