L-ISIS u l-Libja kolonja

Gaddafi, iben il-Bedwini, kien mexxa rivoluzzjoni mingħajr ma nxterdet imqar qatra demm fl-1969

Il-qtil ta’ Gaddafi … u mbagħad l-Apokalissi
Il-qtil ta’ Gaddafi … u mbagħad l-Apokalissi

Ħadd minn dawk il-pajjiżi tal-hekk imsejħa “koalizzjoni” li daħlu jfarrku l-Libja Gemaharija li bena mix-xejn Gaddafi ma jammettu x’ħarba ħallew warajhom, x’infern ħolqu f’pajjiż li sab ruħu fuq saqajh wara deċenji ta’ esplojtazzjoni.

Gaddafi, iben il-Bedwini, kien mexxa rivoluzzjoni mingħajr ma nxterdet imqar qatra demm fl-1969. Il-Kurunell, minkejja l-eċċentriċità kkulurita tiegħu (iktar komika milli satanika), kien mexxej ta’ viżjoni li kien għaqqad it-tribujiet kollha: ħoloq sistema demokratika mifruxa u kien ippubblika l-filosofija soċjo-politika tiegħu fi tliet manifesti taħt it-titlu, Il-Ktieb l-Aħdar: (i) l-aspett soċjoloġiku; (ii) l-aspett ekonomiku u (iii) l-aspett kulturali. Kien ukoll reliġjuż u mistiku, kif tosserva f’bijografija bikrija tiegħu Mirella Bianco. Li ma riedx Gaddafi kien Iżlam fundamentalist, anki jekk kien hemm żgħażagħ jistudjaw f’inħawi bħall-Ingilterra, Franza u l-Istati Uniti li ħasbu hekk. Gaddafi kien jgħaddi perjodi twal ta’ meditazzjoni fid-deżert ta’ Sirte, il-belt fejn twieled u trabba. Dwar Jean Paul Sartre u l-eżistenzjaliżmu kien qal: Sartre hu bniedem mitluf. Għandna t-tweġibiet kollha fil-Koran. Jagħmel mistoqsijiet bħal dawk ta’ Sartre min m’għandux xi ktieb qaddis biex jiggwidah u jifdih.

Illum, il-kunċett tar-reliġjon Iżlamika ħa xeħta bil-wisq differenti. Gaddafi spiċċa ħajtu mbiċċer u sodomizzat u dawk li ġew warajh issa qed ibiċċru lil xulxin. Għall-poter u l-petrodollari. Gaddafi, fil-fatt, kellu viżjoni essenzjalment “morali” dwar l-esplojtazzjoni barranija u l-valuri li l-Punent jimponi permezz tas-suq tal-flus.

Imma ħa niġu għall-Malta.

Ma jidhirx li kien hemm xi elementi “sensazzjonali” fl-aħbar li sfilata bil-karozzi u b’nies ixejru bnadar suwed tal-ISIS għaddiet minn Tas-Sliema u baqgħet tielgħa anki sa San Ġwann. Ma nara xejn sensazzjonali li dawk l-irġiel imgħammdin jiddemostraw bil-lejl, sewwasew f’Jum l-Indipendenza tal-Istati Uniti. Dak li ġara hu drammatiku, mhux sensazzjonali, imma ħlief għall-mezzi tax-xandir tal-Oppożizzjoni, il-każ kollu baqa’ mistur. Normalment, gazzetta bħal The Sunday Times (li tiftaħar b’ċirkolazzjoni ta’ 94,000) kapaċi tagħti prominenza anki lill-ħmar imgħobbi wisq, jew xi tip ta’ lbies kienet se tilbes id-Dukessa ta’ Cambridge kieku ġiet Malta, imma carcade bil-lejl li tidher li werwret lil ħafna Maltin li kienu għadhom barra f’dawk il-ħinijiet is-Sunday Times ma rrekordjajthiex.

Ironika li l-isfilata seħħet ukoll fl-anniversarju ta’ Malta Indipendenti. Ma nafx jekk l-irġiel b’wiċċhom imgħotti u l-bnadar suwed (fuq l-istil tal-ISIS) ridux jgħaddu xi messaġġ subliminali: Malta għad tkun kolonja tal-estremisti tal-Gihad. Rekluti Ewropej diġà ssieħbu mal-ISIS bl-eluf tagħhom u l-Libja diġà qed titqies, tista’ tgħid, bhala “l-ewwel kolonja” tal-Gihadisti estremi. Fazzjoni tal-ISIS stabbiliet territorju fil-belt ta’ Djerba, fuq il-kosta tal-Mediterran bejn Bengazi u l-Eġittu. Jiġifieri għal min għandu għajnejh f’wiċċu u rasu fuq għonqu, il-periklu dejjem riesaq lejna. Anki jekk il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel.

Il-Libja kaldarun ibaqbaq u l-aħbar li l-ISIS qed tiddikkjaraha bħala “l-ewwel kolonja” tal-Istat Iżlamiku tkompli tikkollabora dak li qed jgħidu reliġjużi Maltin bħall-Isqof Malti f’Bengazi, Monsinjur Silvestru Magro: “Wara li l-akbar belt fil-Libja, Bengazi, ġiet dikjarata Emirat Iżlamiku, affiljat mal-grupp terroristiku Al Qaeda qed ngħixu fi stat ta’ biża’ u terrur. L-unika sigurtà hi meta nibqgħu maqfulin fi djarna.”

Skont il-BBC, f’Bengazi biss illum qed jinqatlu seba’ min-nies kuljum. Din hi l-istess belt li wara li kien assassinat Gaddafi, laqgħet lil Cameron u Sarkozy bħala eroj u liberaturi. Issa jekk il-Punent qed jibża’ mill-penetrazzjoni fl-Ewropa tal-Gihadisti tal-Istat Iżlamiku, ara kemm Malta tkun estremament belha jekk tagħlaq għajnejha jew ma titħażżimx għall-possibilitajiet kollha ta’ preżenza terroristika f’din id-daqsxejn ta’ qoxra f’nofs baħar ta’ taqlib u tensjoni.

Jekk il-Libja tassew waslet biex tkun kolonizzata mill-ISIS (dan ikun it-tielet kolonjaliżmu tagħha, wara dak imdemmi tal-faxxisti Taljani u tal-Britannja), l-affarijiet waslu f’temperatura tagħli.

Il-Libja post-Gaddafi li darba kienet il-qofol tal-Unità Afrikana, bi gzuz ta’ ġurnalisti u studjużi mistiedna biex jaraw b’għajnejhom l-operat tad-demokrazija li ried jintroduċi Gaddafi bħala “t-Tielet Triq” bejn is-Soċjaliżmu u l-Kapitaliżmu, illum spiċċat imżarrta u mkissra, b’żewġ gvernijiet ixandru li għandhom il-kontroll tal-politika taż-żejt dwar il-pajjiż. Anki l-mezzi tax-xandir statali qed jinħatfu minn ħakkiema ġodda.

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-qtil għadu għaddej. Bla heda.

More in Blogs