Il-kaxxa ta' Pandora

Il-liturġija marbuta mas-sesswalità x’aktarx se tibqa’ dik li hi

Il-Papa Franġisku... tgħid iblah għal Alla?
Il-Papa Franġisku... tgħid iblah għal Alla?

Inevitabbilment, is-sess, kitbet il-ġurnalista tal-Espresso Daniela Minerva. Ma setax jonqos. Is-sess dejjem kien it-tabù tal-Knisja Kattolika. Kien assoċjat dejjem mad-dimonju, mal-korruzzjoni morali u mad-degradazzjoni tas-soċjetà. Il-mira, tista’ tgħid, kienu dejjem in-nisa, is-sors tad-dnub u s-seduzzjoni. U għalhekk, is-Sinodu tal-isqfijiet qed jikkonċentra fuq is-sesswalità, il-qagħda tal-koabitazzjoni ta’ żgħażagħ fl-età taż-żwieġ li jippreferu jgħixu flimkien milli jiżżewġu formalment. Probabbilment jibżgħu li jekk l-affarijiet imorrulhom ħażin, il-Knisja ma tħollhomx malajr u tħallihom iddisprati, sakemm ma jagħmlux fattihom, jisfidaw l-ortodossija u jinfirdu xorta waħda.

Issa biex jiddiskutu l-problemi tas-sess, il-Papa Franġisku sejjaħ biss 24 mara minn preżenza maskili ta’ 253 bejn kardinali u isqfijiet. Fost dawk preżenti b’kollox hemm biss 14-il koppja. Xi kredibbiltà jista’ jkun hemm meta l-Vatikan jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ attività pastorali mħallta? Terġa’ u tgħid, in-nisa magħżulin għas-sinodu lanqas għandhom id-dritt għall-vot. Dan ikompli jseddaq it-tradizzjoni maskilista li teskludi lin-nisa, minkejja tant provi li Kristu nnifsu kien imdawwar dejjem b’segwaċi femminili. Il-Papa Ġiżwita kompla għaddej bl-interpretazzjoni “teoloġika” ta’ misoġinisti bħal Pawlu l-Appostlu, Ambroġju, Agostinu u tant oħrajn li eskludew lin-nisa mill-pastorali tal-Knisja Latina. Franġisku reġa’ eskluda lin-nisa mill-assemblea tal-prelati l-aktar għoljin, tal-Isqfijiet u l-Kardinali. Każ ieħor ta’ diskriminazzjoni kompleta. Bħallikieku r-reliġjużi m’għandhomx moħħ, mhux kapaċi jaslu għal dixxerniment u għal interpretazzjonijiet teoloġiċi. Probabbilment, wara s-sinodu ta’ Ruma mhu se jinbidel xejn. Il-koabitazzjoni se tibqa’ n-norma alternattiva; is-sess se jibqa’ tentazzjoni sensorja u l-ambitu klerikali se jibqa’ dak li hu, li ilu għal sekli sħaħ.

Il-liturġija marbuta mas-sesswalità x’aktarx se tibqa’ dik li hi, marbuta strettament mal-mottiv tal-produzzjoni. Il-forom tal-“imħabba” umana l-Knisja qatt ma riedet tifhimhom, u baqgħet toħloq, ikkummentat il-ġurnalista tal-Espresso, gaġeġ magħluqin, fejn iseħħu l-fares tal-borġezija ipokrita.

Kif mistenni wkoll, is-Sinodu diġà beda jissemma għall-bosta diviżjonijiet li qed joħloq bejn il-konservattivi u l-liberali. Imma din mhix storja li qed isseħħ biss fis-seklu XXI.

Il-firdiet u x-xiżmi fil-Kattoliċiżmu dejjem kienu kotrana. U kien hemm min bata sew għall-pożizzjoni li ħa, u ħallas anke bil-ħabs, bis-swat u saħansitra bil-mewt. Meta Tereża ta’ Avila riedet tirriformi l-kunventi fi Spanja fis-Seklu Sittax; meta riedet tnaddaf il-monasteri mill-privileġġi aristokratiċi, infetħu l-irwiefen kollha kontrieha. Qalgħu kemm-il kalunja fuqha u fuq il-kollaboraturi tagħha u kellha taħbi l-kitbiet mistiċi.

Lill-konfessur tagħha, Gracian de Jeronimo, gidbu fuqu li kien qed jiżfen għarwien quddiem is-sorijiet tal-kunvent, imbagħad jidħol bil-lejl fiċ-ċella, jorqod magħha.

Kollaboratur ieħor tal-qaddisa, Juan de la Cruz, poeta mistiku, ħatfuh il-Karmelitani tal-Ordni l-Qadima, sawtuh u xeħtuh il-ħabs.

Issa jidher li s-Sinodu se jiftaħ il-kaxxa ta’ Pandora wara sekli sħaħ li l-Knisja żammitha maqfula sew b’katnazz mastizz. Irridu naraw x’se jġib miegħu s-Sinodu tal-Pontefice mill-Arġentina. Irid jidher x’saħħa għandu kontra r-reazzjonarji biex jasal għar-riformi li jrid iġib fejn jidħlu l-Kristjani Kattoliċi, fejn tidħol id-duttrina sesswali u fejn tidħol il-ħtieġa tal-bidla biex il-Knisja tfarfar lilha nfisha mit-trab oħxon tal-passat. Ma tistax tibqa’ tikkultiva l-valuri u l-preċetti tal-passat.

It-temi tas-sess u d-divorzju, skont il-ġurnalista tal-Espresso huma sorpassati. Ir-riskju għall-Papa Ġiżwita hu li ma jinbidel propju xejn u jitgħatta kollox bir-retorika Latinizzata tas-soltu, arida u remota mill-veri preokkupazzjonijiet soċjo-politiċi tal-poplu. 

Kif jista’ jkun li meta d-dinja qed taqbad f’apokalissi ta’ terrur, meta l-bnedmin qed imutu bħad-dubbien, il-Vatikan moħħu fis-Sinodu dwar is-sess u l-koabitazzjoni? X’inhi l-loġika?

Wieħed irid jara x’tip ta’ “riforma” se jkun hemm wara s-sinodu li l-Papa Ġiżwita, fil-bidu tiegħu, diġà kien qed iwissi lill-Isqfijiet biex ma joqogħdux jargumentaw bejniethom.

Dan hu wkoll sinodu tad-dinjitarji, tal-paguni tal-ġerarkija Kattolika. Hu sinodu tal-kontradizzjonijiet, għax filwaqt li Franġisku jisħaq fuq il-Knisja tal-fqar u l-abbandunati, ta’ dawk li m’għandhom xejn, is-sinodu fetaħ b’pompa liema bħalha, bi propaganda li tistordik. Għaċ-ċerimonja spettakolari tal-ftuħ, speċjalità tal-Knisja Latina, il-miżerabbli ma kinux hemm. Baqgħu iżolati fil-gabubi tagħhom kull fejn hemm. Kull ma waslilhom (jekk waslilhom) kien diskors li xebgħu jisimgħu, li xebgħu jkunu insolentati bir-retorika vojta tiegħu, diskors li ma jerfagħhomx mill-qigħan tal-art, u mill-kundizzjonijiet soċjali tagħhom.

Forsi wara kollox, bit-tamiet kollha tiegħu fejn tidħol Knisja korrotta f’kull sens tal-kelma, ibda mill-abbuż tal-minorenni u spiċċa fi tbagħbis finanzjarju, il-Papa Franġisku qed jassumi rwol li kien ħa l-qaddis ta’ Assisi: “Iblah għal Alla.”

More in Blogs