Vjolenza

Għandi l-impressjoni li t-tagħlim tar-reliġjon lit-tfal, illum fl-2014, għallinqas f’ċerti skejjel u sitwazzjonijiet, mhuwiex wisq differenti minn dak li kont nirċievi jien erbgħin sena ilu

... il-vjolenza li qiegħda titqassam lit-tfal fil-logħob diġitali, fil-programmi fuq it-televixin, fil-kliem tal-mużika
... il-vjolenza li qiegħda titqassam lit-tfal fil-logħob diġitali, fil-programmi fuq it-televixin, fil-kliem tal-mużika

Din il-ġimgħa Kevin Bonello, il-President tal-Union tal-Għalliema (MUT) kien ikkwotat mill-MaltaToday li qal li t-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel kien iddeterminat u mmexxi għal kollox mill-Kurja u li, fl-aħħar mill-aħħar, dan it-tagħlim jispiċċa biex jgħaddi lit-tfal ħafna informazzjoni li mhijiex utli. Il-kelma li l-Malta Today tuża waqt li qiegħda tikkwota lil Kevin Bonello hija ‘forces’: it-tagħlim tar-reliġjon qiegħed jisforza lit-tfal biex jitgħallmu ħafna dettalji bla siwi. Bonello, dejjem kif irrappurtat mill-Malta Today, għamel sejħa għal bidliet fil-mod kif tiġi mgħallma r-reliġjon lill-istudenti ċkejkna.

Għandi l-impressjoni, jew insomma ftit iktar minn sempliċi impressjoni, li t-tagħlim tar-reliġjon lit-tfal, illum fl-2014, għallinqas f’ċerti skejjel u sitwazzjonijiet, mhuwiex wisq differenti minn dak li kont nirċievi jien erbgħin sena ilu. Dak iż-żmien, fil-klassijiet tal-Mużew imżejna bl-inkwatri tal-Mewta t-Tajba u l-Mewta l-Ħażina, u inkwatri oħrajn li kienu juru tfal innoċenti u ħelwin jiġu ttantati għad-dnub mix-xitan bil-foxxna f’idu, konna nqattgħu lejliet sħaħ nitgħallmu t-talbiet bl-amment u nikkwotaw lil Ġesù Kristu u xi qaddisin oħra fil-famużi ‘sentenzi’. Konna ngħiduhom waħda wara l-oħra u iktar ma konna nkunu nafu bl-amment iktar konna nimpressjonaw. Sadattant ma kellna ebda idea x’konna qegħdin ngħidu imma konna nserrħu moħħna li jekk f’dak il-lejl stess tiġi l-mewt għalina konna se nkunu żguri li se niskansaw in-nirien eterni. Anki jekk forsi l-enfasi fuq il-mewt, id-dnub u x-xjaten naqset sewwa, il-manija għat-tagħlim bl-amment u għall-eżerċizzji ta’ domanda u tweġiba kelma b’kelma għadha hemm. Ħafna drabi l-lezzjoni tar-reliġjon, u l-homework li jkollok tagħmel, huma eżerċizzji fil-fakultà tal-memorja, bis-sentenzi b’sinjal taħthom li jridu jiġu memorizzati sal-għada filgħodu. U b’hekk it-tifel jew it-tifla jitgħallmu r-reliġjon billi joqogħdu jirrepetu dak li għandhom stampat fuq il-ktieb (li ħafna drabi jkollu produzzjoni tassew timbuttak u kontroproduttiva).

Fuq kollox, meta wieħed iħares sewwa lejn l-istampa kollha, ma jistax ma jilmaħx il-falliment kbir li t-tagħlim reliġjuż għandu. Bir-ripetizzjoni kollha, bit-tagħlim bl-amment kollu, bil-lezzjonijiet tar-reliġjon kull jum (u kważi kull lejla) ma naħsibx li l-popli saru reliġjużi tant, devoti tant, li d-dinja miexja f’perjodu ta’ mħabba u sliem u fraternità bejn il-popli u l-grupp soċjali kollha. Imtanbar kemm hu mtanbar il-messaġġ ta’ mħabba u fraternità li tista’ tgħid issibu f’kull reliġjon maġġuri, mhuwiex jitħaddan u jitħaddem.

“U b’hekk it-tifel jew it-tifla jitgħallmu r-reliġjon billi joqogħdu jirrepetu dak li għandhom stampat fuq il-ktieb”

U dan meta m’aħniex nitkellmu fuq il-paradoss tal-gwerra qaddisa, tal-kunflitt reliġjuż: tal-irjus jitħanxru f’isem ir-rieda t’Alla, tas-sħaħar jinħarqu ħajjin f’isem il-ġustizzja tal-istess Alla, tal-pogroms u l-konverżjonijiet imposti. Jekk ir-reliġjon se tibqa’ mgħallma bl-istess vena ta’ kif it-tfal jiġu mgħallma jgħoddu biż-żewġ, allura t-twemmin ikun qiegħed jitneżża minn kull element spiritwali kif ukoll soċjali. Imma aħna nafu tajjeb li teżisti r-Reliġjon u r-reliġjon; l-essenza u l-faċċata; dak li hu u l-gidba.

U hawn ħafna vjolenza. Dak li l-ISIS qiegħed iwettaq, mit-tħanxir tal-irjus sa mqar it-theddid bil-mewt, issa anki lill-familjari tal-ġurnalisti, qiegħed iwerwer lil kulħadd. Kif ktibt drabi oħra, hija ħasra kbira li bis-saħħa tal-ISIS hija r-reliġjon Iżlamika kollha kemm hi li qiegħda tidher kerha, anki għaliex ħafna saru jemmnu li l-Iżlam huwa sinonimu mal-vjolenza. Huwa minnu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħda tqum l-għajta kontra l-ISIS minn kredenti tal-Iżlam stess, li qegħdin inweġġgħu meta jaraw ir-reliġjon tagħhom tiġi kkalpestata b’dan il-mod. U huwa minnu wkoll li hemm reliġjonijiet oħrajn li għandhom passat igelgel id-demm u l-istejjer li kienu jisiltu mill-Kotba Mqaddsa biex noqogħdu kwieti nisimgħuhom ma kinux xi stejjer nieqsa mill-vjolenza. 

Dil-ġimgħa, lejn Napli. Tliet ġuvintur li qabżu l-għoxrin iwaqqfu tfajjel ta’ erbatax u jibdew jgħadduh biż-żmien għax oħxon. Fil-Punent tas-seklu wieħed u għoxrin il-ħxuna hija dnub kbir, saħansitra illegalità, jekk mhux ukoll att kriminali fuqek innifsek u fuq is-soċjetà li, miskina, tieħu ħsiebek. Waqt iż-żebliħ, għaddej f’nofs ta’ triq fid-dawl tax-xemx, wieħed mill-ġuvintur iniżżel il-qalziet tat-tfajjel u b’jet tal-ilma li bih jaħslu l-karozzi jifqagħlu l-intern u jħallih għal mejjet fl-art. Minkejja li kien operat minnufih it-tfajjel jinsab fil-periklu imminenti tal-mewt. Impressjonajt ruħi bir-reazzjoni tal-qraba adulti tat-tliet ġuvintur: waslu biex ħaduha bi kbira li dawn ġew arrestati bil-possibilità li jitressqu mixlija b’attentat ta’ omiċidju. Dawn il-qraba sostnew li dik kienet biss ċajta; ċajta li spiċċat ħażin, imma xorta ċajta. U allura la kienet ċajta wliedhom m’għandhomx jitressqu mixlija b’attentat ta’ omiċidju. Insew, dawn il-qraba, jew lanqas biss indunaw, li ċ-ċajta li wliedhom għamlu fuq tifel li kien għaddej fit-triq sempliċiment għax kien oħxon, kienet att vjolenti, stupru, fastidju qawwi. Jidhrilhom, dawn il-ġenituri u qraba adulti, li l-ħxuna tat-tfajjel kienet raġuni f’lokha biex jispiċċa vittma ta’ ċajta goffa li, ħeqq, m’hemmx x’tagħmel, spiċċat ħażin. Kien liema kien l-eżitu, għalihom kienet ċajta f’lokha ħafna għax it-tifel kien oħxon. 

B’reazzjoni għal dan il-każ reġgħet issemmiet il-vjolenza li qiegħda titqassam lit-tfal fil-logħob diġitali, fil-programmi fuq it-televixin, fil-kliem tal-mużika. Il-bulliżmu, qiegħed jingħad, qed jiġi ssanzjonat b’dawn il-messaġġi diretti li l-ħin kollu jittambru fuq it-tfal.

Fil-fehma tiegħi dan kollu jagħmel sens, iżda mill-banda l-oħra din l-attitudni li ġġegħelna naħsbu li d-dinja tinsab fit-tarf għall-ewwel darba fl-istorja tagħha u waslet biex taqa’ għal isfel twassal għal fallaċja skomda għaliex tiskolpa dak kollu li ġara qabel. Id-daħq bil-ħoxnin ma bediex issa, il-bulliżmu fuqhom u fuq tfal oħrajn li ma joqogħdux fil-format mixtieq mis-soċjetà tagħna ma bediex dan l-aħħar lanqas. Qabel l-era tal-korrettezza politika ħadd ma kien jitkaża daqstant bid-daħq b’dawk li ma jingħaddux mas-sbieħ. Kienet xi ħaġa aċċettata, bħalma kienu aċċettati dawk il-programmi għat-tfal mimlija swat lil wieħed qattus griż, jew il-ġlied bla heda bejn ġgant m’ogħla hawn u baħri li bilkemm ilaħħaq sa qaddu, u stejjer oħrajn simili. Dik kienet dinja vjolenti bħalma hija din tal-lum, anzi, kienet dinja li fiha – l-istess bħal-lum – il-vjolenza kienet tintwera bħala xi ħaġa sabiħa u xi ħaġa li kellha tiġi kkonsmata anki mit-tfal. Il-vjolenza u s-sabiħ minn dejjem imxew id f’id.

More in Blogs