Ewropej - Jihad kontra McWorld

Jihad vs McWorld: l-analiżi ta’ Benjamin R Barber dwar il-kunflitt bejn il-kulturi tal-Islam u l-Punent
Jihad vs McWorld: l-analiżi ta’ Benjamin R Barber dwar il-kunflitt bejn il-kulturi tal-Islam u l-Punent

L-esekuzzjonijiet mill-Ġiħadi (inkluż il-qtugħ ir-ras) ġab għall-attenzjoni tad-dinja il-brutalità ta’ dak li qed jiġri fil-kunflitti mifruxa fil-Medju Orjent.

Fl-istess waqt aktar u aktar Ewropej żgħażagħ qed jissieħbu mal-Ġiħadi. Anke tfajliet hemm fost l-imsieħba ġodda. Jingħad li l-qattiel li qata’ ras il-vittma tiegħu hu Ingliż, li nqabad mill-aċċent tiegħu.

Skont sorsi tal-mezzi indipendenti, mal-200 persuna issa jinsabu ngaġġati ma’ militanti bħal dawk tal-ISIS, jew kif inhi magħrufa issa, IS (Islamic State). In-numru ta’ dawk Ewropej issa qabeż l-2,000, b’400 minnhom Ingliżi.

Dawk il-mijiet li qed jissieħbu mal-Ġiħadisti jsostnu li l-Ewropa nħatfet minn baned ta’ oligarkiji, illum maħkuma fi tnalja ta’ apartheid, bħalma ġara fl-Ukrajina. Jekk f’dak il-pajjiż titkellem ir-Russu, saru jgħadduk bħala separatist jew, ħafna agħar minn hekk, terrorist. Fl-Ewropa nħoloq apartheid mifrux, li qed ifakkar fil-Gwerra l-Bierda. Id-delużjoni taż-żgħażagħ hi kbira u għalhekk mhux għaġeb li qed ipattuha lill-Punent minn x’imkien ieħor. Il-blitz tal-mezzi tax-xandir fil-Punent jipprovaw jimmaniġġjaw il-ħsara lill-koalizzjoni tal-McWorld, tad-dinja materjalista u noe-kapitalista, iżda McWorld ftit baqagħlha kredibbilità kontra l-Ġiħad.

Il-blitz jinkludi wkoll il-ġustifikazzjoni tal-imblokk ekonomiku kontra r-Russja. Iżda dan laqat b’effett diżastruż lill-istess Ewropa u l-aktar, l-eks pajjiżi Sovjetiċi. Il-gidma ekonomika fl-Ukrajina, sa issa swiet biljuni kbar.

Fil-Polonja, fejn qed jintrema 70% tal-prodott agrikolu, l-effett Amerikan-Ewropew kontra r-Russja qed ikun deskritt bħala “orribbli” għall-ħaddiema agrikoli.

Min-naħa l-oħra fl-Ewropa qed igawdu l-kbarat, ibda minn dawk assoċjati mal-Bank Ċentrali Ewropew u spiċċa f’ħafna politiċi. Fl-Ewropa hemm gwerra ġdida tal-klassi. L-oppressjoni kontra l-klassi tal-ħaddiema tista’ tisplodi minħabba li l-vittma hu l-poplu stess maqbud fi tnalja ta’ awsterità u nuqqas ta’ xogħol (eż. 50% fil-Greċja u Spanja). Il-poplu qed jistenna lil min jimmobilizzah.

Ir-Russja:"L-għadu l-ġdid" tal-Ewropa

L-Ewropa qed tiddikkjara li r-Russja hi “l-għadu l-ġdid” tagħha. Wara l-boomerang tas-sanzjonijiet, l-Unjoni Ewropea, il-kelb tal-but tal-Istati Uniti, trid issib scapegoat li għadu profitabbli. F’dan is-sens ir-Russja ta’ Putin hi mudell perfett għall-manipulazzjoni tal-mezzi tax-xandir fil-Punent. L-Ewropa donnha li trid tiddistabbilizza lir-Russja. Qed tittama li l-folol jinżlu armati fit-triqat u jerġa’ jibda jiġri d-demm. Bħalma ġara fil-Libja Ġemaħirija, mudell tal-viżjoni tal-Għaqda Afrikana tal-Iraq u tas-Sirja. U issa l-prospetti ta’ gwerra ċivili tal-Ukrajina.

Dak li jridu l-Ewropa u l-Istati Uniti. Il-mexxejja Ewropej diġà qed jikkalkulaw il-pensjoni mal-irtirar tagħhom. U Obama lest biex jirtira wkoll u joqgħod jilgħab il-golf. 

Kollox minn fuq ras il-popli demokratiċi (sic) tal-kontinent il-Qadim. Iżda bdew jinħarqu diġà l-bnadar blu bl-istilel sofor. Ix-xbihat bit-tv qed jaslu ċari.

Bertolucci u l-vjaġġ taż-żejt

Lil Bernardo Betolucci (Parma, 1941) dawk li telgħu fis-snin sittin tas-seklu li għadda jorbtuh mat-twelid tiegħu bħala iben il-poeta Attilio Bertolucci. Imbagħad, aktar minn hekk, jiftakruh bħala r-reġista ta’ films kontra l-kurrent bħal Il Conformista (1970), ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem ta’ Alberto Moravia, l-awtur tas-sesswalità mill-perspettiva postmoderna.

Bertolucci kien kiseb notorjetà globali bil-film tiegħu Ultimo Tango a Parigi (1972) imma l-glorja tiegħu waslet fl-1987 meta ngħata l-Oscar għall-film L’ultimo imperatore.

B’dan l-isfond, kif jista’ reġista bħalu jintrabat mal-film industrijali? F’nofs il-ħamsinijiet tas-seklu għoxrin l-aġenzija nazzjonali petroljiera Taljana, l-ENI, ikkommissjonat lil Bernardo Bertolucci biex joħloq u jidderieġi dokumentarju dwar l-istorja taż-żejt (La via del petrolio). Fl-1996, il-film kien restawrat u f’dawn l-aħħar ġimgħat kien isserjalizzat fuq RAI Storia.

L-ENI, fil-fatt, għandha sensiela sħiħa ta’ dokumentarji petroljieri; l-eqdem tema tmur lura sal-1650. Hi sensiela ta’ kompilazzjonijiet tekniċi, embargi politiċi u konfronti bejn il-pajjiżi.

Bertolucci ma evitax dawn it-temi imma uża l-film tiegħu għal finijiet oltre: ried jiskopri r-relazzjonijiet umani, wiċċ in-nies tax-xogħol, il-familji tal-ħaddiema; xi jfisser għalihom li minn inħawi kampanjoli bħal Sqallija jsibu ruħhom f’inħawi bħal Turin u Milan, jippruvaw jintegraw.

Il-“vjaġġ taż-żejt” li ħoloq Bertolucci jibda mill-muntanji tal-Iran u jispiċċa fir-raffinatoriji kbar Ewropej, bħal dawk fil-Ġermanja.

Jintraċċa, bħala artist, it-tħaffir ta’ trinek biex jindifnu tubi enormi biex jgħaddi “d-deheb l-iswed” (bl-erba’ kilometri s-siegħa). U f’dawk it-tubi midfunin ir-reġista joħloq metafora inċisiva: ma’ dawk it-tubi għall-iżvilupp, il-bniedem modern difen il-poeżija u difen ir-ruħ.

More in Blogs