X’ġibtli miegħek, ċikonja?

Hawn min jara nofs tużżana minnhom fuq krejn u joħroġ is-senter u jisparalhom...

X’paprata din, bir-rispett kollu lejn dawn il-kuġini taċ-ċikonji!
X’paprata din, bir-rispett kollu lejn dawn il-kuġini taċ-ċikonji!

Tassew li din is-sena ġiet għall-anniversarji. Minbarra dawk li qegħdin niċċelebraw hawnhekk, fuq livell Ewropew (u internazzjonali) kellna l-mitt sena mill-Ewwel Gwerra Dinjija u fi ftit ġimgħat oħra l-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqigħ tal-Ħajt ta’ Berlin li beda sensiela ta’ rivoluzzjonijiet f’dik li kienet tissejjaħ l-Ewropa tal-Lvant (attwalment kienet l-Ewropa Ċentrali) li wasslu għat-tmiem ta’ diversi reġimi Komunisti.

Min ra b’għajnejh it-twaqqigħ tal-Ħajt u r-rivoluzzjonijiet sussegwenti jiftakar arja ta’ ottimiżmu kbir, mhux inqas fid-dinja tal-Punent li rat l-antagonista tagħha tikkrolla ftit ftit iżda fl-istess waqt b’pass mgħaġġel. Ix-xeni ta’ folol ta’ Ġermaniżi jixxabbtu mal-Ħajt mingħajr il-biża’ li jaqilgħu xi tir u jbaqqnuh b’kemm kellhom saħħa ġrew mad-dinja kollha f’ħakka t’għajn u ħafna minn dawk li kienu qegħdin isegwu dawn ix-xandiriet live jew filmati tagħhom sabuha diffiċli jemmnu dak li kienu qegħdin jaraw. L-istess ġara f’temp qasir meta l-kameras kienu ppuntati fil-Pjazza Vaklav fi Praga wara li dimostrazzjoni tal-istudenti fi Bratislava (li dakinhar ħadd mill-Punent ma evalwa b’importanza) bdiet it-triq għat-tmiem tar-reġim Ċekoslovakk. U l-kameras komplew iduru: l-Ungerija, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-qtil tal-koppja Ceausescu. Eventwalment Moska. Ma’ kull servizz televiżiv u rapport stampat l-ottimiżmu dejjem jikber. Dakinhar ftit kienu l-mistoqsijiet dwar x’rotta kienu se jaqbdu dawn il-pajjiżi: l-importanti kien li bidlu r-rotta.

Illum, ħamsa u għoxrin sena wara, l-ottimiżmu ntesa. Il-mewġa ta’ kapitaliżmu li għaddiet minn fuq dawn il-pajjiżi ħolqot diviżjonijiet kbar bejn min jista’ u min ma jistax. Barra minn dan ir-rapporti li ħerġin minn uħud minn dawn in-nazzjonijiet jindikaw il-qawmien ta’ elementi Leminin b’saħħithom li huma qrib ħafna l-amministrazzjonijiet. F’ċerti każi r-reviżjoniżmu Lemini huwa wkoll uffiċjali bir-riabilitazzjoni ta’ persunaġġi magħrufin għall-ideali u l-prattiċi anti Semiti tagħhom fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, bħalma ġara fl-Ungerija, fis-Slovakkja, fil-pajjiżi Baltiċi, u f’pajjiżi oħrajn Ewropej.

Ftit taż-żmien ilu Index on Censorship ippubblika artiklu ta’        Thomas Rotschild li jagħti stampa tassew griża ta’ dak li qiegħed jiġri fil-pajjiżi eks Komunisti li fih jelenka eżempji drammatiċi tal-proċess ta’ reviżjoniżmu Lemini li għaddejjin bih bħalissa dawn il-pajjiżi.

Imma x’għandu x’jaqsam dan kollu mal-ħamsin anniversarju tal-indipendenza ta’ Malta? Mal-ewwel daqqa t’għajn proprju xejn. Jekk il-Prim Ministru Viktor Orban qiegħed jiċċensura mhux ftit l-istampa Ungeriża, xejn mhu se jaffettwa x’nikteb jien fuq din il-paġna. U jekk il-kittieba Ungeriżi qegħdin jiġu ċċekkjati, xejn mhu se jaffettwa x’nikteb jien fil-ktieb li ġej. Iżda dak li qiegħed jiġri fil-Baltiċi, fl-Ewropa Ċentrali u l-Balkani, bilfors li jintrigani għaliex il-pajjiżi Baltiċi, Ewropej Ċentrali u Balkani jinsabu fl-istess unjoni ma’ pajjiżi. Fi kliem ieħor, dak li jseħħ f’dawn in-nazzjonijiet qiegħed, fl-aħħar mill-aħħar, iseħħ fir-realtà politika li pajjiżi huwa parti minnha. 

Anke hawnhekk, fejn ma kellniex ħitan li jixxokkjaw malli tmisshom, jew reġimi totalitarji, il-faqar qiegħed, statistikament, jgħolli rasu u d-differenza bejn dawk li jistgħu u dawk li le, bejn il-komdi u dawn inqas komdi, faċli ħafna taraha, u ilha tidher. U ma’ dawn il-fenomeni soċjali hemm ukoll il-leminiżmu li jorbotna mal-kuġini Ewropej. Jien u nirrifletti fuq il-ħamsin anniversarju tal-indipendenza ta’ pajjiżi, waqt li qiegħed kważi fil-qiegħ nett tal-Balkani, ma nistax ma nitħassibx b’dak li qiegħed jiġri f’pajjiżi oħrajn li huma indipendenti (bħal tiegħi), imxierka fl-Ewropa (bħal tiegħi), bi problemi wara darhom (bħal tiegħi). Id-diskorsi mimlija patrijottiżmu Lemini li tisma’ u tara fil-pajjiżi li semmejt u f’oħrajn, isiru minn uħud f’pajjiżi wkoll. Kienet tassew ħasra li l-pellegrinaġġ li għamlet Angelina Jolie, imdawra, kif xieraq bħala rappreżentant tan-Nazzjonijiet Magħquda, minn ħafna suldati u uffiċjali tal-Gvern, ma ltaqax, imqar b’kumbinazzjoni, ma’ xi dimostrazzjoni ċkejkna tipprotesta kontra l-miġja tar-refuġjati. Ma nafx hi u tirreċta fil-film li qed jinġibed Għawdex, ikollhiex ħin tara l-messaġġi online mimlija mħabba ta’ ħafna patrijotti Maltin, lejn dawn ir-rifuġjati li s-suldati tagħna, fost oħrajn, jaħdmu biex isalvawhom mill-għarqa. Forsi xi ħadd sefsfilha f’widnejha li hemm min jixtieq jara s-suldati jibagħtuhom lura flok iġibuhom hawn, iħallihom hemm jitħabtu mal-ilma u mad-destin, iħalluhom imutu ħalli ħaddieħor ma jitħajjarx jagħmel bħalhom u sservihom lezzjoni.

U la qegħdin insemmu l-messaġġi online, proprju llum, fil-ħamsin anniversarju tal-inidipendenza... filwaqt li, kif wieħed jistenna, issawret ħafna retorika ta’ pajjiż wieħed u magħqud, ta’ poplu mingħajr distinzjonijiet, u filwaqt li l-kantanti ta’ dan il-pajjiż qagħdu jkantaw lill-Maltin “Come Together” (ma nafx John Lennon kellux f’moħħu d-doppju sens ta’ din l-espressjoni), il-Maltin ma tantx jidhru qegħdin jilqgħu din ir-retorika. Diversi politiċi qegħdin jippruvaw, anki fil-paġni personali tagħhom fuq il-mezzi soċjali, jgħaddu l-messaġġ li l-Indipendenza, l-istess kif oħrajn pruvaw jagħmlu f’Marzu li għadda, hija l-festa tal-Maltin kollha. Imma mbagħad, meta tara t-tweġibiet tad-dixxipli tagħhom, tinduna kemm ħsieb bħal dan huwa ’l bogħod sew mill-mentalità.

Il-firda politika li żergħet ġenerazzjoni oħra ta’ politikanti magħrufa ħafna għall-għajjat u t-tisbit, għad-diskorsi b’tonijiet kollha militanza u aggressività kontra tan-naħa l-oħra ta’ ġewwa, mhux lakemm titqaċċat minn għeruqha. Napprezza, tassew napprezza, kwalunkwe diskors li jsir biex forsi xi darba ninbidlu. Imma l-politiċi jridu japprezzaw li l-firda fostna ma waqgħetx mis-sema, wisq inqas twelidna biha. U jridu japprezzaw ukoll li xi ħadd kien responsabbli u dan ix-xi ħadd kien il-partiti tagħhom. 

Post scriptum

L-Olandiżi għandhom din id-drawwa antika li meta ċ-ċikonji jaslu għandhom wara vjaġġ twil mill-Afrika, joħorġu jagħtuhom merħba u t-tfal jistaqsuhom x’ġabulhom magħhom. Dawk il-familji li fuq il-bejt ta’ darhom jieqaf par ċikonji u jibnu bejta iqisuhom mhux biss onorati imma xxurtjati u t-tradizzjoni tgħid li mbierka dik id-dar li fuqha jbejtu ċ-ċikonji għax dak hu sinjal ta’ risq tajjeb. L-istess jemmnu ħafna familji mill-Ewropa ċentrali u nordika. 

Mur għidilhom li hawn min jara nofs tużżana minnhom fuq krejn u joħroġ is-senter u jisparalhom. U talli jagħmel hekk jeħel ħamest elef ewro u għandu ċans sena biex iħallashom. Għallinqas, kif qrajt, din il-paprata (bir-rispett kollu lejn dawn il-kuġini taċ-ċikonji) urtat ukoll lill-awtoritajiet u se jieħdu azzjoni.

More in Blogs