L-Indipendenza u ż-żieme(l)

Fil-fetħa tal-Belt, fetqa abominali li l-Perit Renzo Piano ċarrat għall-glorja tiegħu nnifsu u s-sottokuntratturi, bi spejjeż enormi mill-kaxxa ta’ Malta, i.e. tal-Maltin (dejjem ubbidjenti, kondexxenti u mansi) tqiegħed żieme(l) bi tliet saqajn. Immankat. Diżabbli.

Iż-Żieme fid-daħla tal-Belt
Iż-Żieme fid-daħla tal-Belt

Rajtu biss fir-ritratti; ma jidhirx li hu taċ-ċaqquf mogħti kisja lewn il-bronż. Iżda ma nafx huwiex fraġli biżżejjed li jista’ jispiċċa vandalizzat u bla ras, bħal ma kien spiċċa bla ras il-komiku popolari Charles Clews fi Triq Bisazza, f’Tas-Sliema.

Ħamsin sena wara l-Indipendenza qed ikun ippreżentat lill-poplu żiemel bi tliet saqajn. Mhux żiemel dinamiku, iżda żiemel bla ħeġġa, wieqaf, mingħajr dinamika ta’ xejn. Forsi s-sieq nieqsa tirrappreżenta l-kwart tal-popolazzjoni f’xifer il-faqar.

Niftakar li fis-snin sittin tas-seklu li għadda, meta kien hemm ċertu ċaqliq artistiku marbut mal-Indipendenza tal-1964, l-artist Antoine Camilleri (1922-2005) kien ħoloq kwadru juri żwiemel ta’ saħħa kbira, sferrati, żwiemel li donnhom riedu jinterpretaw il-ħeġġa li ħakmet lill-artisti u lill-kittieba f’dik l-epoka ta’ aspettattiva.

Imma llum, ħamsin sena wara, nofs seklu wara l-Indipendenza, iż-żiemel ta’ barra l-Belt hu statiku, bla ruħ u diżabbli għal kollox. Għax ngħiduha kif inhi: x’jiswa żiemel bi tliet saqajn? Safejn jista’ jasal?

Saru tentattivi biex dan iż-żieme(l), mingħajr il-konsonanti tal-aħħar u mingħajr is-sieq xellugija ta’ quddiem, ikun interpretat skont ir-realtajiet soċjo-politiċi tal-pajjiż. Ngħid għalija, din l-interpretazzjoni hi postfatta, li mhux veru kienet hemm mill-bidu. Imma donnu li kulħadd nesa li l-preżenza ekwestra hi simbolu tal-privileġġ, tal-ħakma. Fi żmien meta kienet qed tinbena l-Belt Valletta, ħadd ma kellu żiemel ħlief il-ħakkiema. Il-poplu kien jinqeda bil-ħmar, bhima li ma tgħejjiex malajr u li ma tridx wisq biex tgħajjixha. Imma issa lanqas ħmar m’għandu. Esponewlu bhima bi tliet saqajn.

Ħamsin sena wara l-Indipendenza Malta għadha maħkuma mill-partitiżmu politiku u mill-Kurja. Għadha ma fehmitx il-kriterji tad-diversità u d-differenza. Il-preġudizzji qodma għadhom hemm, l-aktar dawk fejn jidħol il-lewn tal-ġilda. Ma fehmitx is-siwi li l-konstallazzjoni kulturali hi markatur qawwija għall-innovazzjoni u l-kreattività. Dan il-fluss Malta ma fehmitux u għalhekk spiċċat b’żiemel bi tliet saqajn.

Ħamsin sena wara l-Indipendenza għadu jaħkem il-privileġġ, il-favoritiżmu u l-kodiċi tal-konnessjonijiet. Għadha taħkem l-arti tas-sensazzjoni, sorpassata diġà seklu ilu fid-dinja. Jista’ jkollok imħallef jiskarta impeachment billi jirtira fil-waqt opportun. U jista’ jkollok bażużli li ħatfu art pubblika illegalment, imbagħad illeġġitimizzawhielhom. Ettari sħaħ u binjiet ta’ valur storiku jistgħu jitpartu u jkunu negozjati, bil-poter jirrombla minn fuq ras iċ-ċittadini komuni.

Spiċċajna qed niċċelebraw l-Indipendenza b’mod vulgarizzat u banalizzat. Tista’ tixtri “ċertifikat” tal-Indipendenza mingħand il-PN, iffirmat minn Simon Busuttil, il-President Emeritu Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għall-prezz ta’ €50. Hawn fejn suppost jidħlu l-intellettwali biex jikkundannaw din ir-redikolaġni. Huma li suppost li qed juru lill-pajjiż il-mod ta’ kif jinnaviga f’ibħra ideoloġiċi u biex inkomplu bil-metafora, huma suppost li juru kif bastiment bi tradizzjoni antika jista’ jsalpa lejn xtut prospettivi.

L-istorja, sal-lum, ħamsin sena wara l-Indipendenza, baqgħet tkun falsifikata. Il-Kavallieri, l-alleati kostanti tal-qawwiet aristokratiċi Ewropej, baqgħu jiddixxiplinaw lill-Maltin b’mezzi iebsa biex dawn ma jittradixxux lil Malta lill-għadu Musulman. Il-Maltin kienu dixxiplinati permezz ta’ taħriġ regolari biex jinżammu ’l bogħod mill-idea li jaqilbu għall-Islam, l-aktar meta kien magħruf li bosta Maltin kienu jxaqilbu lejn l-idolatrija Mawmettana.

L-element komiku Malti qatt ma jonqos. Fl-1964, is-sena tal-Indipendenza, mara ta’ 23 sena kienet ittellgħet il-Qorti talli libset bikini biex tixxemmex. U fl-2014, ħamsin sena wara, Christina Betke, disinjatriċi Ġermaniża tal-moda, kienet arrestata waqt marċ tal-festa għax spiċċat tiżfen liebsa bikini sewda u għaddiet lejl f’ċella fil-kwartieri tal-Pulizija. Ma nqabditx tidgħi dagħa Malti faħxi. Imma xorta tqieset “immorali.”

Lura għas-simboloġija taż-żiemel bi tliet saqajn. Forsi s-sieq in-nieqsa tirrappreżenta d-defiċit tad-demokrazija attiva, tal-ugwaljanza parteċipattiva u ċ-ċittadinanza espressiva-kreattiva. Forsi s-sieq nieqsa tirrappreżenta l-ħtieġa tal-edukazzjoni kunċettwali li twassal għall-kunsens reali tal-poplu, fejn titwarrab l-idea simplistika ta’ żewġ torrijiet tal-poter (i.e. il-partiti) jew tlieta, jekk nieħdu l-Knisja li minn hawn jew minn hemm għadha tipprova tillapazza, u fejn tinħoloq demokrazija kritika li tifhem x’inhu l-pluraliżmu.

L-ewwel ħsieb li għandu jiġi f’rasna f’dan l-anniversarju tal-Indipendenza hu li Malta għandha jkollha l-indipendenza tal-ħsieb u tad-dixxerniment.

Il-Psewdo esperti kulturali

Malta sar għandha ċenaklu ta’ psewdo esperti u maniġers kulturali li l-mezzi tax-xandir Ingliżi lokali jħobbu jitolbuhom il-kummenti dwar inizjattivi u proġetti artistiċi – ambjentali. U tqis il-kummenti tagħhom donnhom Eżekjel jew Elija. Imnejn ikkwalifikaw dawn l-esperti, u kif, ħadd ma jaf. Imma jifhmu dwar il-fetħa tal-Belt ta’ Piano, taż-żiemel bi tliet saqajn, fil-linfa li ddendlet ftit ilu fid-daħla tat-“teatru” bla saqaf, eċċ. Dawn il-bravi jistqarru kemm kellu viżjoni futurista xi ħadd bħal Renzo Piano meta sfrakassa d-daħla tal-Belt. Dwar Piano ma jgħidux li ħakimna. Ma jgħidux li kien hemm aktar minn 60 artist Malti joġġezzjonaw għad-daħla l-ġdida. L-esperti avangardisti (!) tal-lum huma favur il-fetħa fil-Belt u ċ-ċajta tat-teatru bla saqaf. Imma l-gvern tal-PN kien baqa’ għaddej minn fuq ras l-artisti, bl-arroganza tipika tiegħu.

Imma lura għall-istatwa militari kif qed tkun proposta. Issa, qed jikkritikawha, għall-ġid tal-identità Maltija, huma li lanqas jafu jitkellmu Malti tajjeb. Niftehmu, din il-kompożizzjoni hi estetikament ferm aktar superjuri għaż-żiemel bla sieq: hi stilizzata, b’linji ndaf u taqbel mal-madwar ta’ bħalissa. Imma lill-maniġers kulturali u lill-esperti mhijiex togħġobhom. Jippreferu skultura bil-ġenitali maskili u bhejjem immankati. Jaħsbu li x-xemx telgħet fuq Malta malli tfaċċaw huma, bil-blaff u l-parrini tagħhom. 

Intant, qed jgħidu li l-Belt kollha kemm hi tfakkar fil-Kavallieri u m’għandniex bżonn mafkar ieħor li jfakkarna kif ħakmuna. Fl-istess waqt ifaħħru l-Barokk u s-sbuħija tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Bereġ li bnew il-Kavallieri Ewropej. Allura x’għandna nagħmlu: nisplodu kollox skont dawn il-maniġers-artisti u “diretturi tat-teatru”? U kif inkunu fiż-żifna għandna ntajru Sant’Anġlu u San Ġakbu u t-torrijiet mal-kosta? Inwaqqfu l-programmi kollha ta’ restawr? Ma nibqgħux insewwu s-swar? Għax bnewhom dawk li ħakmu lil Malta? U forsi nagħtu skoss ieħor. U nisplodu Ta’ Braxia u l-Addolorata għax bnewhom l-Ingliżi? U naslu sal-qalba tal-Belt u nqiegħdu bomba taħt l-istatwa kolonjali tar-Reġina Vittorja. Infarrku kollox u nimlew kullimkien bil-linef u ż-żwiemel bi tliet saqajn u bil-“monumenti” falliċi fir-roundabouts. Kemm nifilħu nkunu redikoli u patetiċi? Kif tista’ tibni identità mingħajr storja? Kemm se ndumu ma neħilsu min-nies tal-blaff? 

More in Blogs