Għedewwa

Fost dawn tal-aħħar wieħed jista’ jgħodd dawk il-ftit nies li l-ġimgħa l-oħra telgħu Kastilja biex ... biex xiex?

Fl-isfond tal-ħamba tal-belt, bit-turisti jduru qalb il-monumenti li jimmarkaw xi perjodu jew ieħor tal-istorja, jew isorġu f’xi kafè jew ristorant, jew, filgħaxija, fl-isfond tad-daqq jgħajjat li jsejjaħ iż-żgħażagħ għal lejla oħra ta’ żfin, xorb eċċetra, jinstemgħu l-ilħna tal-mwezzini minn moskej differenti mxerrda ’l hinn u ’l hawn. 

It-taħlita ta’ kulturi differenti, ta’ nies li ġejjin minn diversi popli jekk mhux razez hija fattur tipiku f’ħafna pajjiżi Ewropej u hawn, fil-Balkani, hija xi ħaġa verament evidenti. Timxi fi triq ewlenija u timmarka monument lil Madre Tereża hekk kif ftit metri ’l bogħod tara l-ponta ta’ minaret ħierġa minn qalb il-bini kwadru u bla gost u jekk tħares f’xaqliba oħra għandek mnejn tilmaħ xi knisja Ortodossa. Nies bjondi, nies skuri, Roma; sal-ħwienet tal-kotba huma libreriji bil-lingwi differenti użati fil-post.

Mhijiex ir-realtà tal-Balkani biss din. Imqar fuq biċċa art maqtugħa mill-bqija bil-baħar, it-taħlit huwa evidenti. Għal ħafna hija normalità, għal ħafna oħrajn hija periklu jekk mhux ukoll waħx. Fost dawn tal-aħħar wieħed jista’ jgħodd dawk il-ftit nies li l-ġimgħa l-oħra telgħu Kastilja biex ... biex xiex? Aktarx, jekk fhimt sew ir-rapporti fuq il-gazzetti u sorsi oħrajn online, din il-ġgajta telgħet Kastilja biex tafferma n-nazzjonalità tagħha, biex tiddistingwi ruħha minn dawk li għalkemm qegħdin fl-istess lok, mhumiex tal-lokal, huma ta’ barra. Qiegħed nissoponi wkoll li, armati bil-bnadar nazzjonali u simboli tal-Ordni Ġeresomolitan ta’ San Ġwann, dawk in-nies li mmarċjaw lejn Kastilja laħħqu lilhom infushom protetturi ta’ pajjiżhom, ħassew li refgħu r-responsabbiltà li jiddefendu lil art twelidhom. Minn xiex? Minn min? Mill-Afrikani, ovvjament, minn dawk li ġisimhom huwa iswed u allura jispikka ħafna meta dan il-ġisem jimxi, jaħdem, ipoġġi qalb l-oħrajn bojod. Meta wieħed jagħmel ftit matematika bażika jinduna li dawn l-iġsma suwed huma ftit ikkumparati mal-oħrajn, u allura aktarx li se jispikkaw aktar. 

Imbagħad hemm il-Musulmani. Anki jekk fit-toroq – b’xorti tajba – għad ma nqalgħux problemi mal-komunità Musulmana, fuq il-mezzi soċjali tilgħin ħafna ritratti u ‘rapporti’ ta’ Nsara li kellhom jikkonvertu, ta’ Nsara li nqatgħetilhom rashom, ta’ stati tal-Madonna u slaleb jitkissru, ta’ gwerra qaddisa imminenti. Għalhekk il-mixja lejn Kastilja, għaliex xi wħud qegħdin jibżgħu minn dawn ir-ritratti, minn dawn l-istejjer. Persważ li d-difiża u l-protezzjoni li jridu jagħtu lil pajjiżhom dawn in-nies mhijiex verament ġejja minn interess lejn art twelidhom, daqskemm minn, l-ewwel nett biża’ li jistgħu jispiċċaw ħażin u, it-tieni, minn mibegħda kbira li għandhom għad-differenti.

Kif jiġri ħafna drabi, l-imġieba ta’ numru ta’ fundamentalisti, waqt li ġustament tiġi kkundannata, tinfirex anki fuq dawk li jħaddnu twemmin imma li mhumiex fanatiċi jew fundamentalisti. F’daqqa waħda l-istejjer koroh u drammatiċi tal-atti atroċi tal-ISIS qegħdin jitgħabbew fuq il-Musulmani kollha. 

M’hemmx bżonn wisq għerf biex wieħed jinduna li l-elementi leminin fostna – fundamentalisti huma wkoll – qegħdin irewħu l-ħatab biex minn daqsxejn ta’ xrara jkebbsu ħuġġieġa sħiħa. Sfortunatament hija storja li rajnieha sseħħ bnadi oħra, u Malta, bħas-soltu, mhijiex eċċezzjoni. 

Aktarx li, filwaqt li bil-fomm dak li jkun jiddikjara mħabbtu lejn art twelidu, l-istorja tagħha u tal-poplu, fil-fond nett tal-qalb hemm aktar mibegħda milli mħabba. Il-mixja lejn Kastilja, bħal mixjiet oħrajn simili, kient waħda aggressiva għallinqas fl-ispirtu tagħha. Il-motivazzjoni ma kinitx wisq dik ta’ mħabba lejn in-nazzjon daqskemm ta’ stmerrija (biex ma nerġax nuża kliem iebes) għal dak li mhuwiex aħna, mhuwiex tagħna, mhuwiex wieħed minna. L-idea ta’ poplu wieħed u magħqud hija idea tal-poeti ta’ ħafna snin ilu; immaġinazzjoni żgur li qatt ma kienet u mhux se tkun ir-realtà għax fi ħdan l-istess poplu hemm numru kbir ta’ diviżjonijiet attribwiti lil klassi, kredu politiku (jew aħjar il-partiġġjaniżmu), lok ġeografiku, tim tal-futbol, banda, każin u l-bqija.

Il-mixja lejn Kastilja, il-messaġġi inkriminanti (għalkemm qatt ma jsir xejn dwarhom) fuq il-mezzi soċjali, qegħdin jistħajlu għadu li fil-każ lokali huwa għal kollox innoċenti. L-immigranti Afrikani ma kellhom ebda ħajra jaslu s’hawn u kien il-mewġ u fatturi oħra li wassluhom fostna. Kuntrarju għall-invażuri tal-imgħoddi, dawn l-immigranti waslu hawn bħala bla ħeġġa ta’ battalja, anzi minnha nfisha l-wasla tagħhom hawn timmarka telfa. Imma kif jinnota Umberto Eco aħna (mhux il-Maltin biss) għandna bżonn l-għedewwa. Iktar iva milli le naħseb li huma l-għedewwa jew l-avversarji tagħna li jagħtuna identità, li jiddefinixxu aħna min aħna. Kemm jekk huma verament għedewwa, kemm jekk huma biss meqjusa bħala għedewwa, dawn “tan-naħa l-oħra” neħtiġuhom għaliex juruna, jew naħsbu li juruna, aħna min aħna. 

Jekk dan l-għadu attwalment ma jeżistix, allura jkun jeħtieġ li nivvintawh, kif jagħmel Ġorġ Pisani fil-poeżiji tiegħu dwar it-tempji preistoriċi li m’għandix dubji li lkoll kemm aħna studjajniehom fuq il-bankijiet tal-iskola. Imqar it-tagħlim fl-iskejjel fil-fatt huwa msejjes fuq din ir-relazzjoni antagonista bejn aħna u huma, aħna u l-għedewwa: aħna u l-Għarab, aħna u t-Torok ... Jidher ukoll li bħalma dak li jkun ipoġġi l-ħbieb tiegħu fuq skali differenti ta’ ħbiberija u intimità l-istess nagħmlu bl-għedewwa. Ngħidu aħna filwaqt li fit-8 ta’ Settembru sseħħ il-kommemorazzjoni ta’ żewġ assedji, ironikament huwa dak li żgur li ħadd minna l-ħajjin ma għex li nikkommemoraw b’ċertu fervur, u saħansitra hawn min lanqas jaf li fl-istess data jiġi ċċelebrat it-tmiem ta’ assedju ieħor. Ovvjament hemm raġunijiet storiċi għal dan. Il-punt, għal-lum, huwa li fl-immaġinarju ta’ ħafna hemm dan l-għadu Afrikan li hemm bżonn niġġildulu. U min ikun qiegħed jagħmel dan ikun qiegħed ifittex u forsi anki jsib identità. Ovvjament, jekk l-għadu huwa immaġinarju daqstant ieħor se tkun l-identità li se toħroġ minnu. Kollox huwa mistħajjel, allura. Iżda huwa stħajjil neċessarju, għallinqas għal dawk in-nies tal-istess qatgħa li mxew lejn Kastilja u li jtellgħu kull tip ta’ messaġġi u ritratti fuq il-mezzi soċjali.

Attwalment filwaqt li għadu huwa xi ħadd li jobogħdok, jew li tistħajjel li jobogħdok, u filwaqt li int tasal tobogħdu għax, appuntu, huwa l-għadu tiegħek, fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa tħobb lill-għedewwa tiegħek, mhux fis-sens Nisrani, iżda għar-raġuni li tintebaħ li mingħajrhom titfixkel min int.

More in Blogs