Vinjetti mill-istazzjonijiet

Se nipprotestaw kontra l-Melita

Żraben ghall-Armata

Konsenja ta’ żraben għall-armata, fuq il-mudell tal-militar Ingliż u Amerikan, ġiet dikjarata tqila wisq għas-saqajn tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. Hemm ukoll problema bil-lazzijiet: uħud twal wisq u oħrajn qosra wisq.

Għadu mhux magħruf x’se jiġri mill-konsenja.

L-Isqof Awżiljarju u l-flamenco

Il-Kurja qalet li se tibda strateġija biex tiġbed aktar nies lejn il-Knisja. Qed ikun studjat kif Patri fis-Sud ta’ Spanja qed jiżfen il-Flamenco waqt il-quddiesa mal-parruċċani nisa u tfajliet biex iġedded il-liturġija.

Fil-Knisja ta’ Malta l-aħbar intlaqgħet b’mod imħallat. L-Isqof Awżiljarju qed joġġezzjona li l-istatura tiegħu mhijiex adattata għaż-żfin u se jkollu vantaġġ fuqu l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech li għandu appell fiżiku aktar sexy.

Barbie u Barnes

Tħabbar f’ġurnal lokali li l-eks president ta’ Malta Agatha (Barbie) Barbara kienet daħlet fi speċi ta’ relazzjoni romantika ma’ signalman Ingliż meta kellha 26 sena. Oħt l-uffiċċjal tar-Royal Navy, Derek Barnes, sabet ittri li Barbara kitbitlu fl-1949, meta Mintoff kien qasam il-Partit Laburista. Barbie stqarret li tħossha Ingliża ħafna, imma anke kburija bid-demm Malti lewn it-tut li kellha jiġri f’ġisimha Żabbari. Oħt is-signalman għandha l-idea li tirkanta l-ittri romantiċi. Barbara xtaqet tara lil Barnes, imma kienet imħabbta wisq. F’ittra ta’ Ottubru 1949, Barbara diġà kienet qed “targumenta b’mod goff” mal-povru Ingliż, u tgħidlu li jekk jaqra biss it-Times of Malta, mela dwar pajjiżna ma kien jaf xejn. Psikologi tal-familja bħal Dr Charles Azzopardi, qed jispekulaw li fl-ittri ta’ Barbie diġà kien hemm is-sinjali kollha ta’ diżastru matrimonjali kieku r-relazzjoni baqgħet tavvanza romantikament mas-signalman tar-Royal Navy.

Aktarx li l-ittri ta’ Barbara lil Barnes se jiġu rkantati bil-qliegħ imur għall-fondi tal-Partit Laburista tal-lum, li jrid jiftaħ uffiċjalment santwarju tal-poodles jew jiffinanzja pubblikazzjoni tal-SKS, Derek & Barbie in Love: a political-romantic (mis) adventure.

Intant, bħala high fashion tfaċċaw disinjaturi li għarfu l-attributi glamorużi tal-eks-president u qed jimmortalizzawha eżatt bħal Marilyn Monroe u la Bardot fuq flokkijiet tal-ħarir.

Salvu Mallia u l-kelb daqs tikka

Il-Public Broadcasting Services qed jiċħdu kategorikament li Salvu Mallia mhux se jkompli bil-programm tiegħu Madwar Malta (TVM) minħabba li s-side-kick tiegħu, il-kelba daqs naqra li jġorr waqt il-programm ma tiflaħx.

Minn stħarriġ ta’ Mediaspot, il-kelba tikka tinsab rikoverata fl-isptar San Franġisk tbati minn taqlib qawwi fl-istonku kkaġunat mill-iskossi kontinwi ta’ Mallia waqt il-preżentazzjonijiet tiegħu. Mallia, eks artist ta’ kuluri vivaċi, qaleb għal attur komiku b’talent għal kif jilbes u jġib ruħu ta’ Granmastru jew Kardinal.

Il-kelba ta’ Mallia mhijiex fil-periklu tal-mewt.

Lou Bondi +

Lou Bondì (eks Pjazza 3 u Bondi + u issa konsulent tal-Gvern dwar il-murtali nazzjonali u fixfixò ieħor) ċaħad li se jerġa’ jingħaqad mal-PN bħala Kap ta’ Radio 101.

Mediaspot saret taf li Bondì, li hu wkoll speċi ta’ kitarrist rock, qal ċar u tond lil NET TV, li mhux se jħalli l-impjieg li tah Joseph Muscat (€54,000) jekk il-101 ma jagħtuhx dik ir-rimunerazzjoni, u xi ħaġa sostanzjali fuqha, issa li għandu aktar ħluq x’jitma’.

PBS: Taħriġ vokali

Bħala bniedem imkisser fit-teatru (u allura fil-kwalità tal-vuċi), Albert Marshall (PBS) qed jinsisti li l-preżentaturi, qarrejja tal-aħbarijiet u dawk li jmexxu ċertu talk shows, jitħarrġu fit-teknika vokali. Marshall irid jintroduċi korsijiet obbligatorji fl-impostazzjoni tal-leħen, ir-ritmu, it-tessitura u anki l-improvizzazzjoni quddiem il-kamera (forsi tinqata’ l-misħuta “propju”). Il-korsijiet se jkunu qed jibdew minnufih u fost l-ewwel li skjaraw ruħhom hemm Reno Bugeja, Peter Cossai, Ruth Castillo u John Dimech, li għandu problema stramba kif iwaqqaf kelma li tispiċċa b’konsonanti u jżidilha magħha l-vokali “a”.

It-taqsima lingwistika fl-Università jingħad li qed tistudja dan il-fenomenu. Marshall irid li jkun hemm progress li jinħass minnufih, fi żmien suffiċjenti biex il-PBS idaħħal kandidat għall-Best Presenter Award 2015 li se jsir waqt il-Karnival ta’ Viareggio.

Meta d-demm ibaqbaq sħun

“Meta d-demm ibaqbaq sħun.” Referenza għall-“miraklu” tad-demm ta’ San Lawrenz idub fl-ampolla fil-Birgu. U fl-istess ħin li d-demm ibaqbaq fl-ampolla, il-Knisja Maltija tagħlaq ħalqha dwar ix-xmara demm imxerred f’Gaza.

Iktar importanti li l-kappillan tal-Imġarr tqalfat ’il barra u sparaw il-murtali biex jiċċelebraw li ħelsu minnu. Sadanittant, it-tmexxija tal-Knisja tinsab fi kriżi gravi daqskemm kellu Dottor Ġorġ Olivier fl-1976. X’għandu x’jaqsam, tistaqsu. Lanqas jien ma naf.

Ras Muammar Gaddafi

Fl-aħbarijiet tal-istazzjonijiet lokali ftit baqa’ jissemma l-qtil ta’ Gaddafi. Referenza u xbiha bil-ħatfa u daqshekk. Kulħadd nesa li l-PM Gonzi kien l-aħħar mexxej Ewropew li ħaddan u għannaq kemm felaħ lill-Kurunell, figura komika, bombastika imma li żamm it-tribujiet Libjani fil-kwiet.

Illum fil-Libja hemm kaos sħiħ. Ġirja miġnuna għall-poter. Dak il-pajjiż sar bazaar tal-armi u anki kaċċaturi Maltin qed ibigħulu s-snieter minħabba r-restrizzjonijiet tal-UE fuq il-kaċċa. 

San Gejtanu u Luteru

Ħafna negozjanti Maltin kienu ħasbu li wara li tħanxret ras Muammar Gaddafi kienu se jsibu l-bibien miftuħin beraħ għan-negozju. Imma dabbru rashom u waslu lura f’Malta ħanina, denbhom bejn saqajhom. Ma ġabux kuntratti magħhom imma ġabu togħma morra ta’ fazzjonijiet tribali perikolużi aktar mill-piki tal-qaddisin f’Malta.

Inċidentalment, San Gejtanu tal-Ħamruniżi kien imsewwi wara li seta’ jgħoddha b’waħda. Ilsna anti-Kattoliċi f’Malta qed isostnu li dak li ġara lill-istatwa tal-Ħamrun kien effett ta’ dagħwa Luterana.

Protesta kontra l-Melita

U nispiċċaw b’aħbar oħra reliġjuża. Il-Knisja qed tappella biex il-Melita ma jxandrux aktar programmi anti-reliġjużi u blasfemi bħal dak li wera lill-ateist Richard Dawkins, l-awtur ta’ The God Delusion, jiddeskrivi lil Alla ta’ Abraham bħala vili, vendikattiv u monstru. Dawkins, li jara l-affarijiet minn lenti razzjonalista, qal ukoll li r-reliġjon hi distrazzjoni mit-tfittxija għall-verità u l-fidi xjentifika.

Hu mifhum li l-Kurja hi mħassba li programmi bħal dawn ikomplu jberrdu lill-Maltin milli jmorru għall-quddies u r-rużarju ta’ filgħaxija.

Sadanittant l-Isqof Grech, waqt omelija għall-festa ad unur San Lawrenz, mixwi b’laħmu u xaħmu żmien twil ilu, qal li l-Knisja ta’ Malta m’għandhiex bżonn reliġjon tal-massa, għax din qed tispiċċa f’karnival u teatru.

Hu mill-aktar ċar, jgħidu esperti teatrali Maltin, li l-Isqof Grech m’għandux l-iċken idea ta’ kif ir-reliġjon dejjem kienet marbuta mat-teatriċità. Mons. Grech, biex jevita l-aspett teatrali, se jibda jqaddes bil-qmis ta’ bil-lejl jew bil-piġama, bħala att ta’ umiltà. U se jordna baklu ġdid tal-fraxxnu, mhux tal-fidda.

More in Blogs