Żwiemel

Alessandru l-Kbir jidher potenti riekeb fuq żiemel jogħla proprju f’nofs il-pjazza, f’monument ta’ daqs massiv
Alessandru l-Kbir jidher potenti riekeb fuq żiemel jogħla proprju f’nofs il-pjazza, f’monument ta’ daqs massiv

Waqt li għad hawn min għadu jiċħad li n-Nazisti qatt ikkommettew ġenoċidju pprogrammat anki fi swali injettati bil-gass, Berlin għadha kemm inawgurat mafkar għal għexieren ta’ eluf ta’ persuni b’diżabbiltà fiżika jew mentali li spiċċaw vittmi tal-mexxejja ta’ pajjiżhom stess minħabba li kienu tqiesu bħala inutli. L-ideoloġija Nazista kien dehrilha li minflok jieħu ħsieb in-nies bi bżonnijiet speċjali, l-istat kellu jewtanażjahom u jeħles minnhom, l-istess kif kellu jeħles minn gruppi soċjali oħrajn.

Dil-ġimgħa Berlin kixfet ħġieġa kaħla ta’ erbgħa u għoxrin metru f’Tiergartenstrasse quddiem il-Filarmonja ta’ Berlin fejn qabel kien hemm il-villa mnejn kien jiġi kkordinat il-programm ta’ qtil ta’ nies bi ħtiġijiet speċjali. Dan jaħbat ir-raba’ mafkar li Berlin tellgħet biex tfakkar il-vittmi tan-Nazi li għad hawn min jgħid li mhux veru eżistew, wara l-mafkar lil-Lhud, il-mafkar lir-Roma u l-mafkar lill-omosesswali. Ħġieġa kaħla, tgħatti u ma tgħattix il-lok mnejn ġie mħejji kollox. Ħġieġa li minn banda trid tgħatti l-wiċċ bil-mistħija u l-post tal-waħx bl-ikħal tagħha u mill-oħra trid tħalli kollox jidher biex – forsi – l-affarijiet ma jirrepetux ruħhom. Mafkar diskret ħafna u fl-istess waqt jispikka, mingħajr drammatizzazzjoni żejda li setgħet tirrendih redikolu, iddisinjat minn Ursula Wilms, Heinz Hallman u Nikolaus Koliusis.

Ftit wara li qrajt dwar il-kxif ta’ dan il-mafkar sibt rapport fuq MaltaToday iħabbar li fid-daħla ta’ Bieb il-Belt, preċiżament fejn tpoġġa ż-żiemel ħandikappat ta’ Austin Camilleri se titpoġġa struttura b’bass riliev ta’ kavallieri biex tfakkar il-Kavallieri ta’ Malta. Issa filwaqt li hu minnu li l-Belt inbniet fi żmien il-Kavallieri, dir-rabta emozzjonali li għandna ma’ dan l-Ordni tixhed kumplessi fondi, rabta li saħansitra tħajjarna nibqgħu nsejħu lil dan l-Ordni bħala l-kavallieri ta’ Malta u nikkommemorawhom f’kull mument li nsibu. Forsi għadna taħt l-effett tal-istoriċi ta’ qabel li dejjem għallmuna x’għamlu n-nies il-kbar u qatt ma tkellmu fuq dawk li wettqu din l-istorja. Mhux daqstant diffiċli tifhem għala għandek issib il-kavallieri fid-daħla tal-belt kapitali. F’moħħna għad għandna l-idea li belt kapitali għandha tkun, l-ewwel u qabel kollox, belt trijonfanti u glorjuża, li għandha tkun il-ktieb tal-istorja, mhux kollha, imma l-istorja tal-glorja. Mhux ta’ b’xejn li l-monument tas-7 ta’ Ġunju spiċċa fejn spiċċa, u dak ta’ Dun Mikiel Xerri qiegħed ‘hemm isfel’. Id-daħla tal-Belt, iddisinjata minn Piano, iddiżappunat lil ħafna appuntu għaliex nieqsa mis-sens ta’ glorja, ta’ kobor, ta’ potenza. Issa la Malta nzertat pajjiż daqs tikka, il-glorja tispiċċa mfittxija f’xi ħadd bħall-Ordni u l-Kavallieri tagħha jew fil-kuruna Britannika. U x’ironija li dan qed ikompli jiġri proprju fl-2014, din l-imbierka sena li fiha ninsabu mħeġġa nifirħu bin-nazzjonalità tagħna, biex infakkru l-kobor tal-pajjiż.

Imnalla li din l-aħbar tal-kavallieri bil-poża tal-assalt qrajtha hawnhekk fi Skopje, fejn ninsab bħalissa. Qiegħed ngħid imnalla għaliex taffietli xi ftit mill-ħasda li setgħu ħadu l-Maltin ħuti bl-aħbar tal-MaltaToday. Mixja ta’ ħames minuti minn fejn noqgħod twassalni fil-pjazza ċentrali tal-kapitali Maċedona, li saret vetrina tal-kiċċ li l-patrijottiżmu anakronistiku, inevitabbilment, isawwar. Il-Maċedonja għadha għaddejja b’tilwima mal-Greċja minħabba isimha, u l-kwistjoni hija serja ħafna aktar milli wieħed jista’ jimmaġina mill-bogħod. Saħansitra hawn moviment Nazzjonalista li qiegħed jinsisti li l-Maċedoni ma jagħmlux parti mir-razza Slava, iżda huma d-dixxendenti diretti ta’ Alessandru l-Kbir. Dan Alessandru l-Kbir jidher potenti riekeb fuq żiemel jogħla proprju f’nofs il-pjazza, f’monument ta’ daqs massiv, b’kolonna li żżomm iż-żiemel li qiegħed iżomm lil Alessandru mdawra b’funtani ta’ ilmijiet li jiżfnu għall-mużika li ma taqta’ xejn lejl u nhar. Kollox huwa orkestrat biex min ikun għaddej mill-pjazza ċentrali, il-Piazza Macedonia, bħalma qed ikolli nagħmel jien ta’ kuljum, iħoss fih iċ-ċokon personali f’kuntrast mal-kobor ta’nazzjon li għadu jfittex lilu nnifsu wara d-diżintegrazzjoni Jugoslava. Issa filwaqt li l-ilma quddiem il-Palazz Presidenzjali l-Belt dejjem jiżfen għall-valz meqjus bħala l-Maltija, iż-żiemel ta’ Alessandru l-Kbir ta’ Skopje jeċita ruħu bir-Rikba tal-Valkiri jew xi marċ jew valz ieħor trijonfanti.

Il-monument ta’ Alessandru l-Kbir ġie ddisinjat minn Valentina Stefanovska, li ddisinjat ukoll l-Arka tat-Trijonf fil-bidu tal-istess vjal li jgħaddi għall-pjazza, magħrufa bħala Porta Macedonia. Dawn iż-żewġ strutturi massivi, flimkien ma’ ruxxmata statwi ta’ persunaġġi maqlugħa mill-arkivji, huma parti minn proġett li l-gvern ċentru-lemini tal-Maċedonja nieda biex iqajjem is-sens ta’ nazzjonaliżmu fiċ-ċittadini tiegħu. Filwaqt li ħafna minn dawn iċ-ċittadini jew qegħdin jgħixu fil-faqar, jew m’għandhomx impjieg jew qegħdin jemigraw lejn kull parti tal-globu, il-gvern nefaq mal-biljun ewro fil-proġett Skopje 2014, li l-għan tiegħu huwa biss li jinħoloq patrijottiżmu stil tas-seklu dsatax bil-bini ta’ strutturi u monumenti barokki u klassiċi. Iżda r-riżultat, għallinqas dak irreġistrat minn għajnejn barrani bħali, huwa biss karnivalata ta’ kiċċ li fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa aktar tirredikola milli televa lil dan in-nazzjon. Terġa’ u tgħid, it-tentattivi tal-istoriċi l-ġodda Maċedoni biex jiċħdu l-element Slav tagħhom mhu xejn għajr sinjal ieħor kemm l-idea ta’ nazzjon, kif nammetti li ili ħafna nfakkar, hija biss narrazzjoni li tista’ tkun invenzjoni ideoloġika ta’ grupp żgħir ta’ nies b’interessi partikolari tagħhom. 

M’hemmx għalfejn ngħidu li kuntrarju għaż-żiemel ta’ Camilleri, dan t’Alessandru l-Kbir għandu erba’ saqajn, tnejn ankrati sew mal-kolonna u tnejn mgħollija fl-arja bħax-xabla tal-eroj iħares minn hemm fuq lejn il-belt tiegħu. Is-sieq nieqsa taż-żiemel ta’ Camilleri qajmet diskussjoni u interpretazzjonijiet differenti, kif ovvjament kien l-għan tiegħu. Jien u nħares lejn dawn iż-żewġt iżwiemel ma nistax ma napprezzax il-kumment ironiku ta’ Camilleri: iż-żiemel, li aħna bdilnieh f’simbolu ta’ qawwa u potenza vjolenti, jispiċċa mutilat appuntu għaliex il-poter (politiku) huwa dejjem imnawwar u kull attentat sproporzjonat għal fervur nazzjonalista bilfors li se jkun difettuż. Is-sieq nieqsa tieħu importanza ħafna ikbar mit-tlieta l-oħra li fuqhom jistrieħ dan iż-żiemel iħares lejn il-bini tal-parlament il-ġdid. Il-ħasra hi li bil-kavallieri li se jieħdu post iż-żiemel se nkunu qegħdin inwarrbu l-mankament tal-poter u ninċensawh ftit ieħor biex noħolqu rakkont ta’ storja li fl-aħħar mill-aħħar huwa difettuż aktar miż-żiemel l-iswed.

Li kelli nistaqsi mistoqsija lil Camilleri kienet tkun jekk iż-żiemel twelidx bi tliet saqajn jew fil-fatt sfax amputat. Imma għalissa se nkompli nħares lejn Alessandru l-Kbir u nittama li ħadd ma tiġih l-idea ta’ xi kavallier jew xi re dieħel il-Belt fuq żiemel bix-xabla f’idu.

More in Blogs