Barmil informazzjoni

X’kienet eżattament il-motivazzjoni ta’ ħafna li wasslithom biex jixħtu l-ilma mkessaħ bis-silġ fuq rashom? U għala dar-ritwal kellu jiġi ffilmjat u mxandar fuq Facebook?

Kellna kull tip ta’ persuna nnominata, minn persuni li ma nafuhomx minn Adam sa George W. Bush
Kellna kull tip ta’ persuna nnominata, minn persuni li ma nafuhomx minn Adam sa George W. Bush

Il-bikini, bħala malja tal-għawm għan-nisa, fid-diversi varjazzjonijiet tagħha, spiss toħloq xi kontroversja ’l hawn u ’l hinn u ilha tagħmel dan mindu feġġet fix-xtut Franċiżi xi sebgħin sena ilu. F’dan ir-rigward mhux f’Malta biss tfaċċaw każi ta’ kontroversji minħabba bikini bħal dak ta’ xi jiem ilu f’Tas-Sliema; konferma oħra li kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin Malta mhijiex eċċezzjoni. Tfajla Każakstana, li fi ftit jiem saret Ġermaniża, tressqet il-qorti b’urġenza għaliex taħt l-effett tal-alkoħol żifnet għall-marċi tal-banda liebsa l-bikini, weħlet multa ta’ €150 u tinsab taħt kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor għal dawn is-sentejn li ġejjin.

Fuq dan il-każ intqal u nkiteb ħafna. Uħud ħassewhom skandalizzati li żagħżugħa – u barranija! – żifnet mal-banda waqt purċissjoni solenni bl-istatwa tal-Madonna. Kien hemm min ħassu urtat jekk mhux ukoll offiż bl-imġieba ta’ din it-tfajla u uża l-każ tagħha bħala eżempju ta’ kif il-barranin qegħdin jimminaw il-kultura tagħna. Oħrajn ħassewhom daqstant offiżi li l-pulizija tellgħu lil din it-tfajla b’urġenza l-qorti meta fl-istess festi jkun hemm xorb bla rażan u iġsma pjuttost imperrċa jaqbżu u jogħlew bil-briju, dejjem bil-barka tal-awtoritajiet. U, ikomplu dawn, il-pulizija u l-qrati jmisshom jagħtu kas ta’ każi ferm aktar serji mill-bluha ta’ xi ħadd fis-sakra. Dit-tfajla għandha isem, ġie ppubblikat ukoll. Issa l-gazzetti, anzi biex inkunu preċiżi, The Times, mhux biss xandru isimha, imma tawha laqam: Miss Bikini. Fil-qorti għamlet apoloġija u qalet ukoll li bħala Kattolika (jiġifieri bħalna, għax inzerta li hemm Kattoliċi li mhumiex Maltin) jiddispjaċiha ta’ li għamlet u persważa, kif wara kollox tgħallem ir-reliġjon Kattolika, li Alla ħafrilha. Tant iddispjaċiha għal għemilha żieni, li saħansitra lesta tagħti donazzjonijiet lill-Knisja ta’ Stella Maris. 

X’se jkun l-ammont ta’ dawn id-donazzjonijiet mhu affari ħadd, imma wisq nibża’ li minflok b’isimha se nibqgħu nsibuha bħala Miss Bikini, u ovvjament dan il-laqam se jkollu konnotazzjonijiet negattivi ħafna. Mhux hekk biss, imma jidhirli li dan il-laqam, imniżżel fuq titlu ta’ artiklu, għandu messaġġ li jirredikola lil din il-mara u jixħetha mhux biss f’dawl ikrah imma wkoll qiegħed jindirizzaha b’ton nebbiexi.

Tgħid li kienet raġel konna nsejħulu Mr Thongs biex ninbxuh ftit?

L-istess bħat-tinbix li deher ħafna waqt il-‘kampanja’ tal-bramel ilma bis-silġ li bil-mod il-mod qiegħda tmut il-mewta naturali tagħha. Segwejt b’interess il-filmati fuq il-mezzi soċjali ta’ nies innominati biex jixħtu barmil ilma kiesaħ fuq rashom fl-eqqel tas-sħana Maltija f’Awwissu. Sar ritwal dan: tixgħel il-kamera, tħares lejha, titbissem, tgħid l-isem ta’ min innominak, tagħti ħarsa li trid tfisser “ħeqq, mhemmx x’tagħmel, waħħluhuli!” u mbagħad biex twaħħlu lil xi ħadd ieħor issemmi tliet ismijiet; taqbad il-barmil jew xi drabi anki banju tal-plastik u tixħtu għal fuq rasek; twerżaq twerżiqa biex turi kemm kien kiesaħ u tintefa l-kamera. Xi wħud ftakru, kważi kważi b’ċikka, iħeġġu lil dawk li waħħluhulhom bin-nominazzjoni tagħhom, biex jagħtu donazzjoni lill-ASL (sic). Kellna kull tip ta’ persuna nnominata, minn persuni li ma nafuhomx minn Adam, sa kantanti bl-indirizz elettroniku tal-isponsors tagħhom fuq l-iskrin, sal-kummissarju tal-pulizija mdawwar bl-uffiċċjali u l-istudenti tal-akkademja tal-Korp, sal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ewwel għamel ħaġa u mbagħad mid-dehra ngħata parir jagħmel oħra, sal-prim ministru u s-sinjura tiegħu, saħansitra l-President tar-Repubblika. Nies ta’ kull età, sess u klassi, kulħadd jixħet l-ilma fuq rasu. Mhux se niddiskuti jekk din il-kampanja kinitx suċċess, anki għaliex qegħdin iqumu dubji dwar x’se jsir eżatt minn dawn id-donazzjonijiet, dejjem jekk id-donazzjonijiet qegħdin verament isiru. Imma ma nistax ma nħossnix ftit diżappuntat li qiegħed ngħix f’dinja li rreduċiet l-għajnuna għall-batuti għal ċajta fenomenali. Hi tassew ħasra li llum il-ġurnata naħsbu fil-batut biss jekk hemm ċajta fin-nofs, jekk hemm il-possibilità li nimbxu, jekk mhux ukoll, bħalma kien il-każ tal-Istrina sa ftit taż-żmien ilu, li wara l-għotja hemm premju. 

X’kienet eżattament il-motivazzjoni ta’ ħafna li wasslithom biex jixħtu l-ilma mkessaħ bis-silġ fuq rashom? U għala dar-ritwal kellu jiġi ffilmjat u mxandar fuq Facebook? Kemm minn dawk li għamlu diċ-ċajta taw il-flus, u, aktar minn hekk, kemm minnhom fehmu x’inhija l-ALS? Għax anki jekk verament ingħatat donazzjoni ma’ kull barmil ilma, f’soċjetà affluwenti bħal tagħna, huwa faċli tagħfas buttuna jew tikteb ċekk ta’ ftit ewro. Li mhuwiex faċli huwa li tifhem eżattament x’qiegħed tagħmel u minn xiex għaddejjin dawk li qed tixħet l-ilma għall-kawża tagħhom. Ngħidu aħna, isiru ħafna kampanji għal nies bi bżonnijiet speċjali u diversi nies lesti jdaħħlu jdejhom fil-but u jagħtu ‘xi ħaġa’. Imma mbagħad huma ħafna wkoll li jekk ma jsibux fejn jipparkjaw idaħħlu l-karozza fl-ispazju riservat għal dawn in-nies, jew huma u jsuqu jarmaw ipaqpqulhom biex ifittxu jaqilgħu fil-kantunieri. Il-kuxjenza, jidhirli, m’għandhiex tikkalma bl-ewro u l-bramel tas-silġ imma wkoll bl-imġieba u l-azzjonijiet li nieħdu fil-ħajja ta’ kuljum. U dak li jkun irid jifhem is-sitwazzjoni ta’ dawk l-inqas ixxurtjati.

Bħalma rridu nibdew nifhmu n-niket profond tat-traġedji li qegħdin iseħħu. F’Gaża waqaf il-ġlied. Intlaħaq ftehim, fraġli kemm hu fraġli, bejn il-mexxejja taż-żewġ naħat. Il-prim ministru Iżraeljan assigura lin-nies tiegħu li Iżrael rebaħ il-kunflitt. Fuq in-naħa l-oħra l-mexxejja tal-Ħamas qalu l-istess ħaġa lin-nies tagħhom. Kulħadd ħareġ rebbieħ mid-dehra, kulħadd għandu għax ikun kuntent, minbarra l-qraba tal-2,200 vittma, fil-maġġoranza tagħhom Palestinjani, maqtula f’kunflitt mimli sparar li dam sejjer ħamsin jum. Ma tistax ma tistaqsix: possibbli kien hemm bżonn 2,200 vittma biex intlaħaq dan il-ftehim? Liema kampanja ta’ barmilati ilma bis-silġ tista’ qatt twassal biex nifhmu x’inhuma jġorru f’moħħhom dawk qrib dawn l-2,200?

Jekk il-kunflitt ta’ Gaża, għallinqas dak tal-isparar, waqaf, tajjeb niftakru fil-kunflitti l-oħrajn li għaddejjin bħalissa, li wkoll qegħdin iħallu warajhom gzuz ta’ katavri. U fost dawn il-katavri hemm il-verità. F’mument partikolari tal-istorja meta għandna reġiment sħiħ ta’ mezzi ta’ informazzjoni, huma l-gidba u l-qerq li jkomplu jgawdu l-akbar sehem f’dak li jiġri u ma jiġrix. X’inhu jiġri fl-Ukraina, pereżempju? Lil-liema ‘font ta’ informazzjoni’ għandna nemmnu?

Aktarx trid tkun politiku biex tifhem sewwasew l-arti tal-gideb u l-wiċċ doppju.

More in Blogs