Noti waqt vjaġġ (2)

L-ISIL u l-ISIS qegħdin jużaw l-Iżlam għal mottivi ulterjuri li għandhom

Iz-zija Roska, mara ta’ ħamsa u tmenin sena li qatt ħadd ma raha mingħajr il-maktur ma’ rasha, ħlief forsi żewġha fis-satra tal-lejl
Iz-zija Roska, mara ta’ ħamsa u tmenin sena li qatt ħadd ma raha mingħajr il-maktur ma’ rasha, ħlief forsi żewġha fis-satra tal-lejl

Unin

Bħalma huwa l-każ ta’ xi lokalitajiet f’Malta, diversi rħula fl-Ewropa ċentrali għandhom iċ-ċimiterju tagħhom fit-tarf tagħhom. Dak li xi darba kien it-tarf mhuwiex neċessarjament it-tmiem tar-raħal illum minħabba l-espansjoni tal-lokal. Għalhekk mhijiex xi ħaġa rari li ssib ruħek tgħix f’dar sabiħa maġenb iċ-ċimiterju. Għalkemm ħafna minn dawn iċ-ċimiterji tal-irħula ma jimpressjonawx daqstant f’dik li arkitettura, il-manutenzjoni u d-dinjità murija huma verament impressjonanti. Tgħaddi xħin tgħaddi minn ħdejhom dejjem se jkollhom l-oqbra kollha bil-fjuri u bix-xemgħat jixegħlu u l-indafa mhemmx għalfejn li wieħed jikkummenta dwarha, sempliċiment għaliex in-nies ta’ dawn l-inħawi għandhom rispett kbir lejn il-mejtin tagħhom u dan ir-rispett juruh is-sena kollha.

Pereżempju kull meta wieħed iżur il-familjari f’raħal jew f’belt ’il bogħod minn daru jiżgura ruħu li jżur ukoll il-familjari mejtin midfunin fiċ-ċimiterju ta’ dak il-lokal u jieħu l-fjuri u x-xemgħa għal fuq il-qabar. Xejn ta’ barra minn hawn sakemm ma ssibx ruħek f’raħal daqs nitfa fit-tarf Slovakk mal-fruntiera Ċeka jismu Unin. F’Unin in-nisa ta’ ċerta età għadhom jilbsu l-kostum tradizzjonali tagħhom tul ħajjithom kollha, b’maktur ċar marbut ma’ rashom u xi erba’ dbielet fuq xulxin għalkemm kollha, forsi sorprendentement, xi tlitt iswaba’ ’l fuq mill-irkoppa. Meta żżur xi familjari li jgħixu hawn litteralment jagħmlu festa li tkun kbira daqskemm ikunu ilhom ma jarawk. F’kull dar li żżur issib il-familja kollha, bil-kuġini u n-neputijiet tal-kuġini, lesti biex jilqgħuk b’rigali partikolari ħafna, ammonti kbar (jekk mhux esaġerati) ta’ ikel bnin ħafna maħdum kollu d-dar (inkluż ix-xorb alkoħoliku), u ħafna rakkonti u memorji. Din iċ-ċerimonja tirrepeti ruħha f’kull dar li żżur. Xejn ta’ barra minn hawn, sakemm tasal tirrealizza li wara li żżur il-familjari ħajjin ikun xieraq li żżur dawk mejtin imma sakemm tkun żort il-ħajjin kollha jkunu laħqu daqqu l-għaxra ta’ bil-lejl. 

Għal xi ħadd li għex bejn żewġ ċimiterji mdaqqsa (l-Addolorata u tal-Erwieħ) u qatta’ ħajtu jisma’ stejjer tal-waħx dwar spirti ħerġin mill-oqbra fid-dalma tal-lejl u dwar il-fosfru tal-għadam li jiġi jdur miegħek, iż-żjara fiċ-ċimiterju fit-tarf ta’ Unin sagħtejn qabel qaleb jum ġdid ma kinitx esperjenza mixtieqa wisq. F’Unin, kuntrarju ngħidu aħna għall-Addolorata li jagħlaq ftit qabel inżul ix-xemx, iċ-ċimiterju ma jingħalaqx, u l-kanċell il-kbir mhux biss dejjem miftuħ, imma talli ssib swiċċ mal-ġenb biex tixgħel il-fanali elettriċi mal-mogħdijiet bejn l-oqbra ħalli ma tinfixilx int u tfittex il-qabar tal-familja tiegħek f’nofs ta’ lejl. 

Ma kien hemm ebda spirti u lanqas fosfru jdur magħna, imma nammetti li ħadt ir-ruħ hekk kif dħalt fil-karozza wara li ma nafx kemm-il qabar żorna u xgħelna x-xemgħa fuqu u smajna l-istorja tal-midfunin minn fomm iz-zija Roska, mara ta’ ħamsa u tmenin sena li qatt ħadd ma raha mingħajr il-maktur ma’ rasha, ħlief forsi żewġha fis-satra tal-lejl.

Santa Marija

Qabel il-mawra notturna fiċ-ċimiterju kien hemm il-festa. F’Unin jiċċelebraw żewġ festi importanti: San Martin f’Novembru u Santa Marija appuntu f’Awwissu. F’Santa Marija toħroġ banda żgħira bi strumenti tar-ramm u tanbur kbir iddoqq fl-erba’ toroq tar-raħal. Il-banda tieqaf quddiem id-djar u ddoqq silta lil dik il-familja u din toffri l-pasti u x-xorb lill-bandisti. Ma kienx hemm murtali u lanqas kaxxa tal-ftuħ. Imma kien hemm sens ta’ komunità u ferħ li, ħalli ngħiduha kif inhi, minkejja l-istorbju u l-kuluri tas-Santamarijiet Maltin, ftit jew xejn jinħass das-sens.

Ħafna jsostnu li l-festi fl-irħula u l-bliet Maltin tilfu l-element reliġjuż li kellhom xi darba. Dawk li jħossu li dawn il-festi għandhom ikunu reliġjużi jilmentaw li saru okkażjoni ta’ idolatrija u edoniżmu mogħtija l-barka tal-awtoritajiet. Ma nafx jekk l-oġġezzjonijiet humiex indirizzati lejn l-edoniżmu nnifsu jew humiex kontra l-użu tar-reliġjon, fil-każ tagħna Kattolika, għal finijiet edonisti. L-edoniżmu huwa tendenza komuni ħafna f’ħafna popli. Pereżempju f’ċerti nħawi fl-Indoneżja jidher li anki l-funerali huma okkażjoni ta’ ċelebrazzjonijiet massivi li jinkludu n-nies kollha tal-lokal tal-mejjet li jdumu sejrin anke ġimgħat sħaħ. L-edoniżmu għandu rabta kbira mar-reliġjon, b’ħafna mill-festi reliġjużi li joffru okkażjoni eċċellenti għax-xalar, tbaħrid u esaġerazzjonijiet oħra. Imqar il-Ġimgħa l-Kbira, waqt li jkun għaddej ir-rakkont tal-qtil ta’ Kristu, ħafna jkunu għaddejjin b’ikliet li jifqgħu l-istonku ta’ riċetti skwiżiti li ħafna drabi jissajru biss għal dik il-ġurnata. 

Imma naħseb li f’każi bħal dawn it-twemmin reliġjuż jiġi użat għal mottivi ulterjuri – kif qegħdin naraw f’dan il-każ għal estru ta’ gost li jnessik il-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum u jagħtik liċenzja twettaq ħwejjeġ li mhux soltu tagħmilhom. Imnalla tkun xi Santa Marija biex tħallik tixrob bla rażan, tinża l-flokk u toqgħod taqbeż f’nofs ta’ triq, itella’ xi tfajla fuq dahrek u toqgħod toqmos biha hemm fuq, tidgħi b’ħanġra daqsiex u toffendi lil tan-naħa l-oħra mingħajr ma tispiċċa arrestat jew maqful f’xi sptar. 

F’isem Alla

L-istess ħsieb jgħaddili minn moħħi meta nara rapporti dwar il-massakri li qegħdin iwettqu n-nies tal-Istat Iżlamiku, dak li kien magħruf bħala ISIL u ISIS. Dawn in-nies qegħdin jużaw l-Iżlam għal mottivi ulterjuri li għandhom. Minflok l-edoniżmu fix-xorb u l-ikel u attivitajiet oħrajn esaġerati, il-gwerrieri ta’ dan il-grupp qegħdin jindafru fil-vjolenza tal-massa u jilleġittimizzaw l-aġir insensat tagħhom billi jagħtuh tikketta reliġjuża.

John Lennon ma kienx korrett meta ħareġ ikanta li d-dinja kienet tkun aħjar mingħajr reliġjonijiet. Il-problema tar-reliġjonijiet mhijiex dik li tteorizza Lennon imma oħra differenti. Kieku r-reliġjonijiet ma kinux jeżistu konna noħorġu b’xi ħaġa oħra li f’isimha konna nwettqu l-massakri biex jidhru ftit inqas koroh milli huma. U dan jidher biċ-ċar bil-ħafna kunflitti li m’għandhomx ir-reliġjon bħala raġuni għala faqqgħu.

Tassew ħasra li Kristu u Muħammed u l-oħrajn li pprietkaw messaġġi spiritwali kellhom jispiċċaw reċipjenti tal-inġustizzji u l-vjolenza. 

Cheese

Ma nafx kemm-il ritratt inġibed f’Unin. Ħafna. Ma’ dak, mal-oħra, ma’ familji kbar li jkellmuk bla tifhimhom u jibqgħu jidħqulek, insomma ħafna ritratti. Kull min jiġbed ir-ritratt iħeġġiġna nitbissmu biex ir-ritratt ikun isbaħ għax it-tbissima, hu maħsub, tagħmilna isbaħ. 

Qabel ma nġibed wieħed mill-aħħar ritratti minn dan is-sett, ftit qabel il-mixja lejn l-oqbra, ftakart fil-mina tat-terminal tal-Valletta Cruise Port. Id-distanza, b’xorti tajba, tbiegħdek ukoll mill-vavati, imma xi rapport ’l hemm u ’l hawn jinzerta jasal. Anki xi stampa ta’ tfajla b’xagħarha aħmar, mixħuta fuq doughnut bit-tazza tax-xorb f’idha. Jew xi kamera tar-ritratti, bi stil retro, tgħidli “say cheese.” Nittama li sa ma nasal biex nirritorna ma jkunx hemm replika fil-kuritur tal-ajruport qabel taqbad it-taraġ għal isfel.

More in Blogs