Noti waqt vjaġġ

Tistħajlek dħalt fil-liżar taċ-ċinema jew fl-iskrin waqt li kont qiegħed tara xi film ta’ Juraj Jakubisko int u ssuq bil-kalma kollha fit-toroq lixxi u mserrpa minn villaġġ ċkejken għal ieħor qalb l-għoljiet ftit ’l hawn mill-muntanji Tatra.

“Mitluqa ’l hemm u ’l hawn qalb l-għelieqi għadek tara wħud mit-tankijiet li sebgħin sena ilu sparaw fuq xulxin”
“Mitluqa ’l hemm u ’l hawn qalb l-għelieqi għadek tara wħud mit-tankijiet li sebgħin sena ilu sparaw fuq xulxin”

Kollox huwa differenti minn pajjiżek: it-temperatura, il-kuluri, id-daqs u d-distanzi, imqar l-asfalt tat-toroq. U fuq kollox: il-ħoss. In-natura għandha ċerta kalma li meta tkun tgħix fl-istorbju u l-ġenn, tibda tidhirlek bħal giddieba. Mhux talli hekk, talli l-osservazzjonijiet li tibda tagħmel tibda tħosshom artifiċjali u tħoss li qiegħed timita l-poeti u l-kompożituri, bħal Beethoven u aktar tard Mahler li ried idaħħal id-dinja kollha fi tmenin minuta b’seba’noti. 

Imma tassew, xħin tħares lejn in-natura mhux mimsusa – xi ħaġa li f’pajjiżek ma tistax tagħmel – aktarx li tħossok aljen: ġej minn dinja differenti. U dan tħossu minkejja li din ma tkunx l-ewwel darba li qiegħed tidħol f’dan l-ispazju u tesperjenza mument li ma tistax tesperjenzah f’pajjiżek; u minkejja li dan l-ispazju sar it-tieni pajjiż tiegħek, it-tieni dar. 

Mhijiex kwistjoni ta’ daqs din: fuq il-Blata għandna manija kif nirvinaw kollox u nieħdu gost bir-rovina. Ix-xtut u l-blat ta’ Kemmuna mgħottija b’pultruni koroh u umbrelel bi lwien li jpeċpċu l-għajnejn, ngħidu aħna, li jekk tkun xortik ħażina u tilħaq tikri biss pultruna fil-filliera ta’ wara, tinsa li qiegħed ħdejn il-baħar, jew sakemm tasal ħdejn l-ilma jibda jiddispjaċik li mortx tqatta’ l-ġurnata f’pixxina mibnija maġenb il-baħar bil-fish and chips u pinta birra inklużi fil-prezz. Fuq il-Blata nqaddsu dak kollu li jniġġes, li jtebba’, li jħammeġ; li jagħmel dak li huwa naturali aljen. 

F’mergħat kollha ħdura, bħal dawk li jsemmi David fis-salmi, ġgajtiet ta’ ċikonji jinġabru għall-vjaġġ tagħhom ta’ kull ħarifa. Diġà qegħdin jaħsbulu ċ-ċikonji. Oħrajn bejtu fuq il-lampi tat-toroq tal-irħula, fuq iċ-ċmieni tad-djar tan-nies, fl-irkejjen bejn binja u oħra. Ħadd ma jgħaddi b’vann b’kemm jimxi, joħroġ malajr malajr bis-senter ikkargat li kien imserraħ fis-sit ta’ wara, jieħu l-mira u jniżżel kemm-il ċikonja jiflaħ. Hawnhekk iċ-ċikonji merħba bihom. Hawnhekk l-ispazju taċ-ċikonji daqskemm tal-ilpup, taċ-ċriev, tal-orsijiet, tal-ħnieżer slavaġ u tan-nies.

Ħafna ma jogħġobhomx Jakubisko; jarawh esperimentali wisq; goff saħansitra, speċjalment fit-trattament tal-istorja u l-avvenimenti li sawruha. Lili minn dejjem laqatni, minn ferm qabel kelli x-xorti nirfes fuq l-istess ħaxix fejn ġarr il-kameras tiegħu u dħalt fid-dinja kollha misteri u metafori naturali. Iċ-ċinema tiegħu għandha ħabta timmeżmerizzak bil-fotografija u bil-mod il-mod tibnilek it-tensjoni li qiegħda tinħema madwar l-għoljiet, taħt is-siġar folti, fil-ġnub tax-xmajjar li tiffoka fuqhom. Il-maġija u l-kalma tas-siġar u l-ħaxix jaħbu l-ansjetà tal-plott tal-films tiegħu. Pereżempju x-xenarji poetiċi f’films bħal Rapport Stramb minn Tarf id-Dinja, In-Naħla ta’ Elf Sena, Inħossni Sew fuq dil-Fergħa ta’ Siġra, u ovvjament Bathory.

Ħsibt sew dwar dan f’dak li huwa magħruf bħala l-Passaġġ ta’ Dukla, jew aħjar Wied il-Mewt. Bejn it-8 ta’ Settembru u t-28 ta’ Ottubru 1944, qalb għelieqi kbar u għoljiet ħodor bħal dawk fil-films ta’ Jakubisko, it-tankijiet Nazisti u dawk tal-Armata l-Ħamra ssieltu kemm felħu f’battalja li ħalliet eluf kbar ta’ nies mejtin miż-żewġ naħat. Sa tmiem is-snin sittin kienu għadhom qegħdin jaqalgħu l-mini minn taħt il-ħamrija. Mitluqa ’l hemm u ’l hawn qalb l-għelieqi għadek tara uħud mit-tankijiet li sebgħin sena ilu sparaw fuq xulxin. Fil-qalba ta’ Wied il-Mewt, fis-skiet perfett għajr il-ħoss taż-żiffa qalb il-friegħi u l-ħaxix, u t-tpesipis tal-għasafar, hemm it-tifkira tad-dmija. Tassew, m’għadhomx jisparaw dawn it-tankijiet u huma wkoll inħakmu mill-kalma tal-madwar, imma t-tifkira tagħhom hija kerha.

U allura tibda taħseb fuq il-kalma u s-sliem li ġġib magħha u tqabbilha mal-aħbarijiet li ħallejt warajk. Taf li waqt li int qed tieħu gost, qed tistrieħ, ħaddieħor qiegħed jiġġieled għal ħajtu u l-armamenti mhumiex tifkira ta’ gwerra antika u lanqas ma ilhom jistrieħu sebgħin sena, imma għadhom attivi, bl-intenzjoni unika tagħhom li jeqirdu u joqtlu. Ma’ kull xena sabiħa li tara jsegwi element ta’ ħtija, imqar żgħir.

Soqna aktar minn tliet sigħat biex wasalna fil-belt żgħira ta’ Bardejov. Qalulna, ‘kif qatt ma mortu Bardejov?!’ Wara tliet sigħat sewqan tidħol tieħu kafè biex tistrieħ mill-vjaġġ. Ilek xi tlitt ijiem ma tara, tisma’ jew taqra l-aħbarijiet. Fuq televixin fir-rokna taqra li miet Robin Williams. Imbagħad wara ftit taqra li Williams ma mietx imma kkommetta suwiċidju. 

Qabel torqod tiskopri aċċess għad-dinja virtwali u taqra d-dettalji tas-suwiċidju. U taqra l-eloġji ma jispiċċaw qatt. U taqra wkoll artikli li jitkellmu fuq id-dipressjoni u s-suwiċidju u r-relazzjoni ta’ bejniethom u li mhux sew li naħsbu li min jikkommetti suwiċidju jkun qed jaħseb fih innifsu biss mingħajr konsiderazzjoni f’ta’ warajh. F’daqqa waħda, għax ikkommetta suwiċidju stilla ta’ Hollywood, nistgħu nitkellmu fuq is-suwiċidju u nistgħu nitkellmu fuq id-dipressjoni. U nistgħu nagħmlu hekk mingħajr tabù; mhux talli hekk, talli niġu mistiedna mill-gurus tal-mezzi tax-xandir biex nitkellmu, biex nisimgħu u niddiskutu l-mard mentali u s-suwiċidju.

Robin Williams ma kienx l-ewwel attur komiku li kien marid bid-dipressjoni. Lanqas ma kien l-ewwel bniedem dipress li kkommetta suwiċidju. Kuljum preċett miljuni ta’ nies jibilgħu numri kbar ta’ pilloli bojod jew roża jew sofor ċari ħafna biex itaffu d-deni tad-dipressjoni. Kuljum preċett miljuni ta’ nies jinħasdu malli jindunaw li telgħet ix-xemx imma ma jibilgħu xejn, jibqgħu jitkissru waħedhom. Kuljum preċett miljuni ta’ nies isofru jaraw il-maħbubin tagħhom jitgħaffġu bid-dipressjoni u wħud minnhom jgħixu b’qalbhom ittaqtaq li għad jirċievu aħbar ħażina ħafna, jew li jsibu biċċa karta mitwija xi mkien bil-messaġġ tal-aħħar. Imma fuq il-mezzi soċjali jibqgħu anonimi dawn jew lanqas biss jitfaċċaw. Il-ħitan tal-waiting room fil-klinika psikjatrika jafu ħafna stejjer; jafu l-istejjer ta’ nies il-ħin kollu jibku, ta’ oħrajn li jdumu kemm idumu jistennew jiffissaw ħarsthom fuq maduma u jħalluha hemm, ta’ oħrajn li l-ħin kollu jidħqu mix-xejn u mbagħad jisserjaw f’daqqa, jew oħrajn li l-ħin kollu jirrepetu l-istess erba’ sentenzi. Imma dawn l-istejjer ma jaslux fuq il-mezzi soċjali; jibqgħu midfunin hemm ġew.

Hija dinja tal-istilel din. 

More in Blogs