Iżrael u l-Lhud

Il-gwerra, li tipproduċi biss telliefa.

Dik li kellha tkun ġlieda kontra l-Ħamas spiċċat gwerra kontra min jinzerta fil-post l-iżbaljat, u l-post l-iżbaljat huwa l-Istrixxa ta’ Gaża kollha kemm hi
Dik li kellha tkun ġlieda kontra l-Ħamas spiċċat gwerra kontra min jinzerta fil-post l-iżbaljat, u l-post l-iżbaljat huwa l-Istrixxa ta’ Gaża kollha kemm hi

Waħda mill-osservazzjonijiet li ħafna jagħmlu waqt li jkun għaddej kunflitt imdemmi, gwerra, hi li meta teknikament jispiċċa kollox u forsi ż-żewġ naħat jiffirmaw trattat ta’ paċi, jew aħjar ta’ tmiem dik il-gwerra, effettivament ebda minn dawn in-naħat ma toħroġ rebbieħa. Il-gwerra tipproduċi biss telliefa. Ejja ngħidu, għal mument, li f’dak li għaddej fil-Gaża bħalissa jwassal biex Iżrael joħroġ rebbieħ, jirnexxilu, kif qegħdin isostnu l-mexxejja tiegħu, jiddefendi liċ-ċittadini tiegħu, jeqred il-Ħamas darba għal dejjem, jisraq aktar metri milli diġà seraq, joħroġ mill-gwerra bħala forza ta’ saħħa assoluta; x’se tkun ir-reazzjoni tad-dinja? Naturalment ma nistgħux nitkellmu fuq id-‘dinja’ għax id-dinja hija kbira wisq biex tħares lejha bħala entità waħdanija. U dan aħna nafuh sew, għax imqar f’raħal ta’ ftit familji wkoll issib qasma bejn banda u oħra, bejn fuq u isfel, bejn l-ajkla u l-istilla; aħseb u ara d-dinja. Imma wieħed għandu jifhem li huma kbar in-numri li, għal raġunijiet u b’motivazzjonijiet differenti, qegħdin ikabbru l-antipatija tagħhom lejn l-istat ta’ Iżrael u anki lejn il-Lhud, inklużi dawk li mhumiex Iżraeljani u saħansitra qegħdin jopponu bis-saħħa kollha li għandhom il-massakru li qiegħed iseħħ. Jiġifieri Netanjaħu u n-nies tiegħu, attwalment, minbarra li qegħdin ikissru lin-nies ta’ Gaża u, b’mod inqas faħxi, lil dawk l-Iżraeljani li qegħdin jopponuh, qegħdin jibbumbardjaw lill-poplu u l-ġens tagħhom stess. Fl-aħħar mill-aħħar mela, anki li kieku, b’xi mod, Iżrael joħroġ rebbieħ, il-Lhud kollha se jkunu tilfu.

Il-kritika li ilha ssir fil-konfront tal-istat Iżraeljan dejjem ikollha taffaċċja kontroakkuża li l-motivazzjonijiet veri għal din il-kritika huma frott ta’ sentiment antisemita. Iżda l-atteġġjament salvaġġ li l-istat Iżraeljan addotta lejn il-poplu Palestinjan tant qiegħed jitqies sproporzjonat u inuman li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qegħdin jitfaċċaw ilħna li qegħdin isostnu li din il-kontroakkuża qiegħda titlef il-leġittimità li seta’ kellha. L-antisemitiżmu huwa sentiment li qatt ma sparixxa u t-teoriji li jixħtu dubju mqar fuq l-Olokawstu minn storiċi b’lealtajiet leminin jekk mhux ukoll faxxisti, ifaqqsu kull ġimgħa, iżda daqstant ieħor qegħdin jitfaċċaw movimenti u ħassieba Lhud (u anki Iżraeljani) li qegħdin isostnu li Iżrael qiegħed juża din l-akkuża biex ixejjen il-kritika kontrieh u li din l-akkuża tilfet ħafna mis-saħħa li kellha. 

Fost dawn il-ħassieba Lhud hemm Judith Butler, magħrufa l-aktar għall-istudji tagħha dwar il-ġens, li tikteb u tikkummenta ħafna fuq l-istat Iżraeljan. F’artiklu li kitbet fl-2003 fil-London Review of Books Butler targumenta li l-akkuża ta’ antisemitiżmu mixħuta lejn kull min iħoss li għandu jikkritika l-atteġġjament Iżraeljan hija forma ta’ ċensura u theddida għal-libertà tal-espressjoni. Fl-istess artiklu Butler tkompli tappella dwar il-ħtieġa li ssir diversifikazzjoni bejn il-Lhud u Iżrael u li dan tal-aħħar, minkejja l-messaġġi li jgħaddi, b’ebda mod ma jista’ jgħid li jirrappreżenta l-ġens Lhudi kollu kemm hu. Butler hija waħda minn dawk il-Lhud li qegħdin jippromwovu l-idea ta’ stat binazzjonali f’Iżrael, waqt li tibqa’ konxja li din il-proposta għandha d-diffikultajiet tagħha. Dan hu artiklu ta’ ħdax-il sena ilu, iżda l-avvenimenti li seħħew minn dakinhar ’l hawn mhux talli ma jirrendux dawk il-ħsibijiet bħala obsoleti talli pjuttost isaħħuhom u jagħtuhom leġittimità akbar.

Xhieda ta’ dan huwa n-numru dejjem jikber ta’ Lhud li qegħdin joħorġu fil-beraħ bil-kritika tagħhom lill-istat Iżraeljan. Jidhirli li wieħed għandu japprezza li azzjoni bħal din titlob kuraġġ kbir li bilfors trid tkun fis-sitwazzjoni biex tifhimha tajjeb. Meta wieħed ikun trabba f’sitwazzjoni li fiha dejjem jiġi enfasizzat l-imgħoddi tal-poplu miskin tiegħek li kellu jsofri d-diaspora, id-diskriminazzjoni u l-isterminju, ma jistax ikun li ssibha faċli li taffronta lil parti minn dan l-istess poplu u tipponta subgħajk lejn is-sofferenza kkawżata fuq ħaddieħor, sofferenza li niddubita kemm jeżistu kelmiet biex jiddeskrivuha. Terġa’ u tgħid, lanqas m’huwa faċli li jkollok taffaċċja akkużi serji ta’ tradiment tal-poplu tiegħek stess. 

Qed nagħmel dawn il-punti għaliex l-essenzjaliżmu huwa reazzjoni faċli u ħafna drabi awtomatika. L-idea li l-kritika lejn Iżrael tfisser awtomatikament antisemitiżmu hija perikoluża daqs kemm huwa perikoluż il-ħsieb li l-kritika lejn Iżrael tfisser ukoll appoġġ għal atti terroristiċi. Bażikament huwa ħsieb li min mhux magħna, kontra tagħna, u min hu kontra tagħna bilfors li hu mal-oħrajn. L-istess bħalma huwa perikoluż il-ħsieb li min qiegħed jippromwovi l-ħsibijiet ta’ Lhud kontra Iżrael qiegħed iwarrab id-diskors fuq it-tbatija Palestinjana. Din hija raġuni oħra għala wieħed irid japprezza l-azzjoni ta’ dawk il-Lhud li qegħdin jiddisassoċjaw irwieħhom u, aktar minn hekk, jikkonfrontaw it-tmexxija Iżraeljana.

Imbagħad hemm il-każ separat ta’ Iżraeljani xellugin li qegħdin huma wkoll jopponu l-linja li ħa l-istat tagħhom. Id-diffikultajiet ta’ dawn huma akbar għaliex fin-numru mhumiex kbar u l-antagonisti tagħhom, minbarra li huma fil-maġġoranza assoluta, huma b’saħħithom u jafu jkunu vjolenti anki fil-konfront tagħhom. Bħall-bieraħ ġimgħa, fi Pjazza Rabin f’Tel Aviv, inġabru bejn 3,000 u 5,000 ruħ f’dimostrazzjoni paċifika kontra l-gwerra fuq Gaża. Fi nħawi viċin inġabru Iżraeljani leminin li attakkaw verbalment u mbagħad fiżikament lil uħud mid-dimostranti huma u sejrin lura d-dar wara li l-pulizija waqqfet id-dimostrazzjoni minħabba biża’ ta’ attakk bir-rockets min-naħa tal-Ħamas.
Jidher li filwaqt fuq livell internazzjonali l-Lhud li huma kontra l-gwerra qegħdin ikabbru s-simpatija lejhom – anki għaliex il-vjolenza Iżraeljana laħqet livelli inkredibbli – f’Iżrael innifsu x-xellug għadu ma rrankax bil-qawwa neċessarja biex jippreżenta theddida serja għall-establishment politiku.

Sadattant, fl-isfond ta’ dan kollu, għad hemm ħafna mwiet iseħħu ta’ kuljum. U l-mewt jidher li se tinfirex aktar, mhux biss bl-isparar imma bil-possibilità dejjem tikber ta’ mard: it-toroq ta’ Gaża, minbarra li qegħdin jitgħattew bit-tifrik u l-katavri u l-midruba, qegħdin ifuru bid-drenaġġ filwaqt li l-provisti tal-ilma u tal-ikel qegħdin jonqsu dejjem aktar. Dik li kellha tkun ġlieda kontra l-Ħamas spiċċat gwerra kontra min jinzerta fil-post l-iżbaljat, u l-post l-iżbaljat huwa l-Istrixxa ta’ Gaża kollha kemm hi.

Post scriptum
Jien u nikteb dan l-aħħar paragrafu Naomi Wolf, li bħal Judith Butler, hija ħassieba Lhudija Amerikana li qiegħda topponi bil-qawwa kollha l-gwerra Iżraeljana, għadha kemm tellgħet messaġġ fuq Facebook dwar attakk fis-suq ta’ Xeġaija, bir-riżultat ovvju ta’ ħafna mwiet u nies midruba.
Għax anki s-suq fejn tmur bil-ġirja biex forsi ssib tixtri xi ħaġa x’tiekol, jista’ jkun il-post żbaljat. 

More in Blogs