Triq ir-Repubblika

Triq ir-Repubblika rat ħafna matul is-snin; rat ħafna ċelebrazzjonijiet, manifestazzjonijiet politiċi, minbarra attivitajiet kummerċjali ma jaqtgħu xejn sas-sebgħa ta’ filgħaxija.

 “Il-bidu ta’ din it-triq, id-daħla għall-Belt, kien is-suġġett ta’ kontroversji kbar”
“Il-bidu ta’ din it-triq, id-daħla għall-Belt, kien is-suġġett ta’ kontroversji kbar”

Maltin li llum qabżu sew is-sittin sena jirrakkuntaw b’ħafna nostalġija l-passiġġati kull nhar ta’ Sibtijiet filgħaxija fit-Triq ir-Repubblika, il-Belt, jew kif baqgħet magħrufa Strada Rjali. Jirrakkuntaw kif kienu jqattgħu dik li fis-soċjetà tagħna titqies bħala l-isbaħ lejla tal-ġimgħa: tilgħin u niżlin l-istess tliet kantunieri, u jgħidu li f’din it-triq bdew ħafna relazzjonijiet relazzjonijiet ta’ mħabba, possibilment il-bidu ta’ numru kbir ta’ żwiġijiet.

Il-bidu ta’ din it-triq, id-daħla għall-Belt, kien is-suġġett ta’ kontroversji kbar wara li fl-aħħar ittieħdet deċiżjoni li jinbidel, u li jitneħħa wieħed mill-agħar eżempji tat-telqa li Malta għandha ħabta tbati biha. Il-bieb tal-Belt kif iddisinjat minn Renzo Piano għadu ma kisibx l-approvazzjoni ta’ kulħadd, u aktarx li qatt mhu se jirnexxilu jogħġob lil kull min jgħaddi minnu, anki jekk ħafna, biex ma ngħidx kulħadd, jaqblu li l-mostrożità u l-kruha li kien hemm qabel, kellha titneħħa. Jien wieħed minn dawk li għalkemm nibqa’ ngħid li l-ewwel bini tal-Belt ma kellux ikun il-parlament, u lanqas ma kellu jkollna teatru mingħajr saqaf maġenbu, id-daħla nfisha mhux talli togħġobni, talli tikkonvinċini li hija d-daħla propizja għal belt bħal din.

Madankollu mill-ftit drabi li nidħol il-Belt, diġà bdejt nitmeżmeż b’dal-vizzju inkrepattiv li hawn li anki dak li huwa (diskutibilment) sabiħ, irridu naraw x’nagħmlu biex inkerrhuh. Ftit xhur ilu xi ħadd misterjuż fettillu jisprejja koppja tipprofessa mħabbitha fuq naħa minn din id-daħla. Ġustament qamet għagħa. Id-disinn, pjuttost sempliċi u mingħajr wisq artistrija, tneħħa malajr malajr għax inħass li ma kienx denju għad-daħla tal-Belt. Li ma nifhimx hu għala d-disinn weġġa’ l-għajn u mbagħad gabbana tal-injam tal-ħabbagozz miżbugħa ħamra donnu mhi ddejjaq lil ħadd. U donnu wkoll li xi ħadd armat sa snienu, b’amplifier u par speakers idoqq mużika ‘new age’ u jbigħ id-diski, ma jdejjaq lil ħadd lanqas. U l-gabbani koroh li joħorġu l-prodotti li jvarjaw minn pakkett tal-fliexken tal-ilma sa qagħaq tal-għasel ippakkjati fil-plastik, ħelu u sigaretti, żraben u papoċċi, sa fuq il-bankina ma jdejqu lil ħadd lanqas. Id-disinn sprejjat bl-iswed idarras, ir-raċanċ jgħaddi u huwa ttollerat, u mogħti l-barka. Kont bdejt naħseb li ż-żmien meta konna ndendlu kartelluni koroh minn fuq il-bieb għal isfel, jew narmaw ittri kbar imdawrin bil-bozoz u l-festuni, spiċċa darba għal dejjem, iżda jaf sejjer żball.

Fi Triq ir-Repubblika l-imbarazz jiġi glorifikat u l-ikrah, b’manija kbira, jiġi ppreżentat bħala normalità tal-ħajja ta’ kuljum.

Minbarra n-normalitajiet fi Triq ir-Repubblika jiġru ħwejjeġ strambi wkoll. Dil-ġimgħa dehret karozza tal-pulizija tberraq id-dwal blu u warajha saqet xarabank tal-pulizija, vann tal-pulizija u karozza tal-pulizija oħra. Korteo pulizjesk għaddej minn Strada Rjali fid-dawl tax-xemx. Inevitabbilment in-nies fit-triq waqfu jħarsu biex mix-xarabank raw ħerġin numru ta’ rġiel suwed, akkoppjati, marbutin flimkien bil-manetti, diħlin il-qorti. Mhux l-akkużati li jitressqu l-qorti kollha jiddaħħlu mill-bieb il-prinċipali ta’ Triq ir-Repubblika. Hemm min jiddaħħal mill-bieb tal-ġenb, fejn ma tantx jagħti fl-għajn. Imma dawn l-erbatax-il raġel huma partikolari, u r-reat tagħhom huwa serju ħafna aktar minn xi omiċidju volontarju, serq jew xi każ ta’ korruzzjoni. Dawn ħarbu minn dak li b’ewfemiżmu liema bħalu nsejħulu “ċentru ta’ detenzjoni”. Il-pulizija li akkumpanjawhom – libsin l-uniformi – kienu saħansitra armati bir-revolvers, x’aktarx biex jibżgħu u b’hekk ma jfettilhomx jerġgħu jaħarbu, did-darba bil-manetti b’kollox.

Erbatax-il raġel, ilkoll ammettew l-akkuża serja li ħarbu miċ-ċentru u kkawżaw ħsara fuq proprjetà pubblika, instabu ħatja u mill-għeluq ta’ Ħal Safi spiċċaw fl-għeluq ta’ Kordin. F’Malta m’hawn ħadd fuq il-liġi, lanqas l-immigranti mill-Ghana. Imma għax dawn huma immigranti mill-Ghana, il-każ tagħhom jiġi ttrattat b’mod partikolari, jew aħjar b’mod spettakolari. L-erbatax-il raġel iddaħħlu l-qorti bil-pompa kollha, kważi b’purċissjoni, biex kulħadd jara x’għandna mas-saqajn u fl-istess waqt kulħadd iserraħ rasu li fit-toroq tagħna m’hemmx serial killers jew morda b’mard jittieħed jew stupraturi li ma jistgħux jaraw mara Maltija, jew imġewħa lesti jeħdulna xogħolna.

Fi Triq ir-Repubblika hemm numru ta’ kafejiet, uħud ġodda, uħud parti mill-istorja tal-istess repubblika. F’ħafna minnhom ma tistax tordna kafè u pastizz bħalma kont tagħmel dari għax il-waiter jew il-waitress ma jifhmukx, ma jifhmuhiex il-lingwa tiegħek. Ma ġara xejn, sakemm ikun xi Taljan, Spanjol, xi Ċeka jew xi Slovakka. Ara li kieku jiġi jservik xi wieħed minn dawk l-erbatax immanettjat, aktarx li kont tinħasad u tinqasamlek qalbek għax minħabba fih intilef waiter Malti.

Nota qasira: Il-Jum tal-Mara

Ilbieraħ kien Jum il-Mara. Sal-mument meta qed nikteb dan l-artiklu segwejt xi diskorsi li ntqalu għall-okkażjoni, diskorsi dwar Jum il-Mara li ħafna minnhom isiru minn nisa lil nisa. Ħafna mid-diskorsi kkonċentraw fuq l-inugwaljanza fid-dinja tax-xogħol. Ħafna kliem li ntqal beda jissuġġerixxi li dawk in-nisa li jibqgħu d-dar għandhom żvantaġġ, u l-aktar nisa li ssemmew f’dan ir-rigward huma n-nisa gradwati. In-nisa l-oħrajn, jiġifieri dawk li ma ggradwawx, dawk li ma jifilħux iħallsu lil xi mara oħra biex tieħu ħsieb l-ulied li għandhom, dawk li jpeċpċu għajnejhom fil-fabbriki, dawk li jixtiequ u ma jistgħux ... ma tantx issemmew. 

Ftit tard, veru, imma jien nixtieq insellem lin-nisa li jaħdmu, inklużi dawk li jagħżlu li jaħdmu ġo darhom; lil dawk li jiġu jnaddfuli l-post fejn naħdem u jiskużaw irwieħhom għax se jiddisturbawni bil-ħasil.

U nixtieq insellem lil dawk in-nisa artisti li ma nstemgħux għax kienu nisa; li ma ttiħdux bis-serjetà; li kellhom jikkompetu bil-qawwa kollha imma l-aktar lil dawk li baqgħu moħbijin.

U nixtieq insellem lil dawk in-nisa msakkrin fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li wħud minnhom sa welldu fuq id-dgħajjes huma u ġejjin; li min jaf x’se jiġri minnhom la xi darba jinfetħulhom il-kanċelli

Għax fil-fatt anki fi ħdan is-sottovalutati hemm gruppi u skali differenti.

More in Blogs