B'apoloġija lil Johnny Rotten

Johnny Rotten
Johnny Rotten

Fl-1977 meta r-Renju Unit kien qiegħed jiċċelebra l-Ġublew tal-Fidda tat-tlugħ fuq it-tron ta’ Eliżabbetta II, is-Sex Pistols, dak il-grupp ‘mużikali’ notorju, ħareġ id-diska li baqa’ magħruf l-aktar għaliha ‘God Save the Queen’. Is-Sex Pistols, magħrufin għall-bluhat u għall-istupidaġnijiet li kienu jagħmlu aktar milli għall-arti, għamlu parodija sħiħa mill-innu tal-Gran Brittanja, offendew kemm felħu lir-Reġina (sejħulha faxxista u nonumana), u sfiduċjaw lill-istat bid-dikjarazzjoni niħilista li l-futur ma jeżistix.

‘God Save the Queen’ kienet telgħet fit-tieni post tal-klassifika Ingliża anki jekk il-BBC kif ukoll l-istazzjonijiet radjofoniċi indipendenti Britanniċi kollha kienu ċċensurawha. Hawn min saħansitra jargumenta li attwalment kienet l-aktar diska popolari fl-1977, paradossalment iktar minn dik li kienet tokkupa post qabilha. Ħafna nies Ingliżi kienu ħassewhom urtati u offiżi bid-diska tas-Sex Pistols għaliex ħassew li dawk l-erba’ punks kienu ddesagraw dik il-biċċa mużika li timmetaforizza lir-Renju u l-identità nazzjonali tagħhom. 

Ftit aktar minn tletin sena wara s-suċċess tas-Sex Pistols, kantawtur Malti, li b’xorti tajba ma jdoqqx mużika ispirata mill-Pistols, fettillu jikteb erba’ versi qosra ispirati mill-kliem li Dun Karm kien kiteb għal silta mużikali komposta minn ċertu Robert Samut u li ġiet rikonoxxuta bħala l-Innu Malti. Il-kantawtur, Vince Fabri, tella’ l-kwartina tiegħu fuq Facebook u sa ftit minuti, biex ma ngħidx sekondi wara, il-paġna ta’ Fabri mtliet b’baraxx ta’ kummenti dispreġjattivi, uħud minnhom abbużivi, u ftit oħrajn li xehdu ftit dispożizzjoni ta’ argumentazzjoni serja.

Għal min mhuwiex midħla tal-Facebook, il-kwartina ta’ Fabri tgħid hekk:

B’apoloġija lil Dun Karm

Lil din l-art qaħba

l-omm li saret tinbiegħ

tħarisx Mulej

ħallina nagħmlu l-qligħ

Ir-referenza hija, ovvjament, għall-iskema kontroversjali li Malta tibda tbiegħ il-passaporti lil dawk li lesti jħallsu għalihom. M'iniex se niddiskuti jekk din hijiex deċiżjoni għaqlija jew le għar-raġuni li diġà ssuġġerejt l-idea tiegħi f’ħarġa oħra tal-Illum. Lanqas ma jien se niddiskuti l-fatt li Fabri, minbarra li jkanta fuq Xarabank huwa kunsillier Nazzjonalist fil-Kunsill Lokali tal-Belt. Dan mhuwiex dettall żgħir daqs kemm jidher meta wieħed jikkunsidra l-istil politiku Malti. Lili tinteressani aktar ir-reazzjoni ta’ dawk li kitbu fuq il-paġna ta’ Fabri. 

Qabel xejn, id-diżrispett (jekk se nsejħulu hekk) li Fabri wera lejn l-Innu li kiteb Dun Karm mhuwiex oriġinali. Ma kinux is-Sex Pistols f’dawk is-sebgħinijiet mudlama Ingliżi biss li ħadu l-innu nazzjonali ta’ pajjiżhom u sfrakassawh kif dehrilhom huma. M'iniex nalludi għal artisti oħrajn bħalma għamel Raphael Vassallo din il-ġimgħa fuq il-MaltaToday (artiklu li qrajt ftit wara li temmejt l-ewwel draft ta’ dan il-kummentarju tiegħi) bħal Jimi Hendrix u Roberto Benigni. Qiegħed nirreferi għall-fatt li f’Malta stess kellna poeti fis-snin sittin (mela qabel il-punk ta’ Rotten u l-bqija) li kitbu parodiji sħaħ tal-Innu Malti, poeti li għalkemm ma nafx qattx ingħataw jew ġewx innominati għal Ġieħ ir-Repubblika (bħalma Rotten ġie innominat għall-MBE), huma kittieba rispettati ħafna fil-letteratura lokali.

Waqt li Dun Karm u poeti oħrajn tal-qatgħa tiegħu xebbhu n-nazzjon ma’ tfajla sabiħa, mara għaqlija u (inevitabilment ġaladarba n-nazzjon sar mara) omm rispettabbli, il-kittieba ta’ warajhom xebbhu lil Malta ma’ qaħba, ġerrejja, pedofila, stupratriċi, omm inċestuża u saħansitra infantiċida. Il-punt hu, mela, li l-kitba ta’ Fabri m’għandha xejn oriġinali; dak li għamel dan il-kantant huwa imitazzjoni ta’ dak li għamlu nies oħrajn, barranin u Maltin, meta għal xi raġuni jew oħra ħassewhom frustrati b’dak li kien qiegħed jiġri f’pajjiżhom. Safejn naf jien ebda minn dawn il-poeti li biċċru l-mit Romantiku ma tgħajjar traditur ta’ pajjiżu; aktarx sal-lum il-ġurnata ħadd għadu ma ta kashom u kas dak li kitbu.

Qiegħed nieħu l-impressjoni li qegħdin insiru sensittivi wisq fuq din l-imbierka Malta. Forsi għax drajna nisimgħu kumplimenti ħelwin minn dawk li jżuruna għal ftit żmien u mbagħad jitilqu lura lejn darhom, bħal: kemm il-Maltin huma minn tagħna, dħulin, jilqgħuk; kemm hu blu l-baħar ta’ madwarna; kemm huma gustużi l-forom vaġinali tal-pastizzi u kemm jidhru cute il-karozzi tal-linja s-sofor, dawk li kont tirkeb qabel l-Arriva, anki jekk kienu perikolużi u velenużi. U allura, meta xi żigg ifettillu jgħid xi ħaġa kontra, nappellawlu biex ma jperriċx il-bjankerija quddiem l-oħrajn li ma jmorrux jaraw it-tbajja’, u jekk ikompli jinsisti, jew juża xi kelma oxxena minn dawk li ngħidu ħafna, ngħidulu traditur ukoll.

Id-diskors li qiegħed iqum dan l-aħħar, li ġej minn irkejjen ideoloġiċi mhux biss differenti imma (suppost) opposti, qiegħed jirfina dejjem aktar is-sensittività patrijottika li fl-aħħar mill-aħħar qajla tagħmel sens għaliex fl-isfond ta’ dan kollu hemm il-kredu tal-Partit u mhux verament is-sentiment nazzjonali. Dan għaliex għadna nidentifikaw lil Malta mal-partit li nżommu miegħu.

Mill-banda l-oħra lanqas ma rridu naħsbu li kienu l-Maltin tal-Facebook biss li esprimew id-diżgust tagħhom għall-mod kif konċittadin tagħhom offendielhom lill-maħbuba patrija. Is-Sex Pistols ma stajtx tismagħhom fuq ir-radju fl-Ingilterra fl-1977 u meta ppruvaw idoqqu ‘God Save the Queen’ fuq dgħajsa fuq it-Thames ma tħallewx lanqas. Dread Scott Tyler, li fl-1989 kien għadu jistudja l-arti fl-Istitut tal-Arti ta’ Chicago, sab ruħu f’kontroversja ħarxa għax firex il-bandiera tal-Istati Uniti mal-art, fl-istqarrija artistika tiegħu ‘What is the Proper Way to Display a US Flag?’ minflok ma tellagħha tperper. L-elementi konservattivi li mhumiex lesti jittolleraw ideat differenti minn tagħhom, imqar fuq ħaġa hekk effimera bħalma hi l-identità nazzjonali jinstabu kullimkien u mhumiex sinjal taċ-ċokon fiżiku u kulturali ta’ pajjiż. 

Nittama biss li dawk li ħassewhom urtati bit-tradiment gravi ta’ kantawtur li kiteb kwartina kollox, iħossuhom urtati wkoll meta jaraw lil din l-art ħelwa tinbena bl-addoċċ, tant li titlef il-karatteristiċi li xi darba kellha. Nittama wkoll li jħossuhom mhedda bit-tradituri ta’ snienhom ippuntati li lesti jqaħħbu lil ommhom (kif ngħidu aħna l-Maltin) għal biċċa art u biċċa negozju tajba. 

Jalla dawk kollha li jserrħu l-pala ta’ idhom fuq sidirhom huma u jisimgħu l-kliem sabiħ tal-Innu Nazzjonali jifhmu li sfortunatament hemm ħafna modi kif lil pajjiżhom jibdluh f’miżbla.

U, biex inkunu ġusti ma’ kulħadd, tajjeb li nirrimarka li dil-metafora tal-miżbla la ħoloqha l-kantawtur u lanqas jiena. Forsi hemm min jiskanta kif josserva min kellu l-wiċċ joħroġ b’din il-profezija dwar pajjiżu. 

More in Blogs