Minn Frankfurt

Ajruport bħal dan jieħu l-għamla ta’ mikrokożmu tad-dinja u jġibek konxju li din il-pjaneta għadha post kbir ħafna
Ajruport bħal dan jieħu l-għamla ta’ mikrokożmu tad-dinja u jġibek konxju li din il-pjaneta għadha post kbir ħafna

Qed nikteb dan l-artiklu fl-ajruport ta’ Frankfurt, mnejn itiru aktar minn 150, 000 passiġġier kuljum. Ħarsa ħafifa madwarek int u tistenna t-titjira tiegħek turik nies mill-erbat irjieħ tad-dinja; nies ta’ kull età, ta’ kull daqs, karnaġġjon u għamla. Ajruport bħal dan jieħu l-għamla ta’ mikrokożmu tad-dinja u jġibek konxju li minkejja kemm ngħidu li d-dinja ċkienet, din il-pjaneta għadha post kbir ħafna. Imqar it-tabella elettronika massiva bin-numri u l-ismijiet jinqalbu bil-ħoss ta’ mrewħa tingħalaq u tinfetaħ kull ftit minuti hija biżżejjed biex tfakkrek f’dan kollu.

Fil-kurituri mixgħula bid-dwal ħerġin mill-ħwienet fejn il-prezzijiet jeskludu l-bwiet ta’ ħafna mill-passiġġieri u fis-swali fejn ġieli jkollok tistenna sigħat sħaħ tiltaqa’ ma’ ħafna nies imma l-probabbiltà l-kbira hi li tispiċċa ma tkellem lil ħadd minnhom u ħadd minnhom ma jkellmek: l-ajruport huwa post fejn in-nies jiġu u jitilqu barranin. Huwa pont li n-nies jimxu fuqu biex jaqsmu minn naħa għal oħra, u xejn aktar. Tneħħi dawk li jkunu akkumpanjati, ħadd ma jsib xi jgħid, u l-komunikazzjoni – spissa u voluminuża – tieħu forom diġitali bħal messaġġi fuq iċ-ċellulari, kollegamenti bil-wi-fi li jlaqqgħu li dak li jkun ma’ wħud ’il barra mill-ajruport. 

F’dan is-sens il-folla maqfula taħt sigurtà kbira fl-ajruport hija muta u l-uniċi affarijiet li tistenna li tisma’ huma l-messaġġi informattivi, l-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet ta’ dik it-tfajla moħbija xi mkien li leħenha jinstema’ minn kull rokna. Hemm il-lingwaġġ tas-skiet ġol-ajruport. Brian Eno jidher li fehem sew dan il-lingwaġġ, jew kważi. Fl-1978 Eno ikkompona s-silta Music for Airports. F’intervista huwa jgħid li l-idea faqqset f’moħħu wara li fl-ajruport ta’ Cologne ħassu ddisturbat bil-mużika ferrieħa li kienet għaddejja fl-isfond mal-ajruport kollu. Id-disturb jiġi, skont Eno, għax il-mużika fl-ajruporti għandha, fost affarijiet oħra, tgħid il-verità dwar iċ-ċirkustanza li l-passiġġier se jsib ruħu fiha f’dak il-mument li joħroġ mill-bieb tal-ajruport u jgħaddi mill-bieba tal-ajruplan: sospiżi bejn is-sema u l-art jew sema u ilma l-passiġġieri jgħaddu numru ta’ sigħat fil-periklu li jaqgħu u, possibilment imutu. Is-skiet ta’ ġol-ajruporti jista’ jfisser dan ukoll, speċjalment għal dawk li jbatu mill-biża’ mill-ajru. Imma aktarx li dan is-skiet huwa aktar dovut għall-fatt li l-ajruport huwa l-belt tal-barranin, il-belt bla djar u mingħajr pjazez, mingħajr ċentru.

F’kumment li jagħti dwar il-ktieb tiegħu A Week at the Airport, ippubblikat fl-2009, Alain de Botton iħares lejn l-ajruport bħala l-lok l-aktar ovvju fejn il-mondan jitlef postu. Skont de Botton l-ajruport huwa post eċitanti proprju għaliex jieħdok fil-ħolm, il-pont appuntu, li jġorrok mill-ħajja ta’ kuljum għal sitwazzjonijiet insoliti bħal, ngħidu aħna, f’destinazzjonijiet li għandhom kultura għal kollox differenti minn dik solita tiegħek. Il-ħolm, ma rridux ninsew, huwa antik; il-ħolm tal-bniedem li jivvjaġġa minn post għal ieħor u jivvjaġġa billi jinqata’ mill-art, jisfida l-liġi tal-gravità u tal-forma fiżika tiegħu jinstab diġà fil-mitoloġiji u fil-ħajjiet tan-nies qaddisa. L-ajruport iwiegħed din il-ħolma u jattwaha.

F’din is-sitwazzjoni ta’ barranin qajla tista’ timmaġina dak li hemm maġenbek jew dik li hemm bilqiegħda fil-filliera ta’ warajk, min huma. Kulħadd iġorr storja miegħu u kulħadd għandu raġuni għala nġabar miegħek f’dan il-post. Hemm stejjer ta’ niket, oħrajn ta’ ferħ, oħrajn ta’ xejn speċjali, oħrajn ta’ terrur. L-ajurporti jilqgħu lil kulħadd, bħalma jilqa’ lil kulħadd l-ajurport ta’ Frankfurt li b’xi mod kien involut, snin ilu, f’episodji koroh ta’ ħtif ta’ ajruplani u terroriżmu. Mas-skiet allura tidħol l-anonimità u l-anonimità tqajjem jew tista’ tqajjem is-suspett.

F’dan l-ajurport wasalt b’titjira minn Lisbona. Xi mkien f’Lisbona hemm xufier tat-taxi ta’ xi ħamsin sena jiġbor in-nies mill-ajruport u jwassalhom sad-destinazzjoni li jagħtuh malli jidħlu fil-Mercedes bajda li jsuq il-ġimgħa kollha. Jaf ikellmek fuq l-attrazzjonijiet turistiċi kollha li hemm fil-belt, anzi fil-pajjiż kollu, u jagħtik l-aħħar aġġornament mis-semifinali tal-Europa League bejn l-iskwadra tal-belt u l-Juventus. Wara kollox anki fis-sala tal-bagalji tal-Aeroporto da Portela de Sacavém, il-monitors inbidlu f’settijiet tat-televixin ixandru live l-inkontru kalċistiku. Lili qagħad ikellimni fuq il-poeżija ta’ Louis Vaz de Camoes u Fernando Pessoa u spjegali għala, bejn vjaġġ u ieħor, joqgħod jaqra l-versi ta’ dawn u ta’ oħrajn. “Il-poeżija,” beda jispjegali kif inqtajna mill-akkwati tal-ajruport ta’ Lisbona, “tfakkarni li jien miniex biss xufier tat-taxi; li ħajti għandha sinifikat li t-taxi waħidha ma tagħtihulix. Ma ngergirx minn xogħli, tafx, għax fil-fatt ilaqqagħni ma’ ħafna nies interessanti.” U biex isaħħaħ l-argument irrakkontali aneddotu ta’ meta kien qiegħed iwassal, bħala tassista, professur tal-antikwità lejn il-Biblioteca Joanina f’Coimbra u sa daħal miegħu f’dak il-bini barokk tas-seklu tmintax iħares lejn volumi li jeħduk lura għal ħames sekli qabel. Risqin lejn iċ-ċentru tal-belt, ix-xufier ġibidli l-attenzjoni għal billboard, wieħed minn ħafna li bħalissa hemm ma’ Lisbona kollha biex ifakkar l-erbgħin anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-Qronfol li kellha ttemm id-dittatura faxxista tal-Estado Novo fil-Portugall. Fil-ħames minuti li kien fadlilna biex naslu lejn il-lukanda x-xufier tat-taxi tani l-istorja ta’ April 1974 u t-triq tal-poplu tiegħu lejn id-demokrazija. Kisser l-isterjotip tax-xufiera bħala nies semiilliterati li jaraw biss kif jistgħu jisolħulek xi ħames ewro żejda minn hawn u minn hemm, u kontra s-soltu diskors dwar it-temp, mnejn ġej, u fejn tista’ ssib l-aqwa divertiment notturn, li tisma’ fit-taxis, fit-taxi l-bajda d-diskors kien dwar il-letteratura Portugiża, dik tal-bieraħ, dik tal-lum.

Il-ħasra ta’ din l-istorja fit-taxi l-bajda hi li mal-wasla quddiem il-bieb tal-lukanda x-xufier sparixxa biex imur jagħmel vjaġġ ieħor u ieħor u ieħor u kieku mhux għax qed nikteb dan l-artiklu aktarx li kien jisparixxi wkoll mill-memorja, kif se jisparixxu dalwaqt in-nies li qegħdin jistennew maġenbi l-avviż tat-tluq tal-ajruplan lejn Ħal Luqa. Xħin l-ajruplan jieqaf f’postu u nħollu ċ-ċintorini tas-sigurtà se nixegħlu ċ-ċellulari, se nibagħtu messaġġ li wasalna qawwijin u sħaħ, niġbru l-bagalji u barra bid-daqq. Aktarx li qajla nibqgħu konxji tal-mijiet ta’ nies li ħarisna lejhom fl-ajruport, li forsi konna se naħbtu magħhom aħna u ngħaġġlu u nfittxu fejn għandna mmorru nistennew, u aħna u nisfidaw il-fiżika. 

More in Blogs