Temp ċlampu jiem qabel il-Ġimgħa l-Kbira 'huwa normali' għal dan l-istaġun

Innotajt il-karozzi, u l-parapetti miksija f'saff ta' ħamrija wara x-xita tal-bieraħ? L-ILLUM titkellem mal-bassar Brian Micallef illi jispjega kif it-trab qed jimblokka r-raġġi tax-xemx u dawn iwasslu għal temperaturi ftit baxxi, b’żieda fil-possibiltà li tagħmel ix-xita

Micallef spjega kif dan it-tip ta’ temp huwa mistenni fl-istaġun tar-Rebbiegħa
Micallef spjega kif dan it-tip ta’ temp huwa mistenni fl-istaġun tar-Rebbiegħa

Dan it-temp ċlampu hu kawża ta’ pressjoni baxxa li oriġinat mill-Alġerija, u estendiet lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.

L-ILLUM tkellmet mal-bassar Brian Micallef li spjega aħjar għaliex Malta twekkiet b’dan it-temp daqsekk mudlam u tqil.

"Il-Pressjoni... qed tgħolli t-trab fl-arja lejn il-gżejjer Maltin,” u spjega.

Din hija l-kawża għaliex il-parrapetti, karozzi, turġien u madum qed jintradmu taħt saff irqiq ta’ tajn.

Huwa spjega kif dan it-tip ta’ temp ħoloq sfida għall-ajruplani hekk kif il-viżibiltà tnaqqset.

Il-viżibiltà f’Ħal Luqa, skont hu, niżlet għal 3KM iżda dan ma kienx lok ta’ allarm għall-ajruport hekk kif il-viżibiltà trid tkun inqas minn Kilometru biex jittieħdu proċeduri addizjonali ta’ saħħa u sigurtà.

Barra minn hekk Micallef qal li persuni bi problemi respiratorji ukoll jaffċjaw sfidi matul dawn iż-żminijiet.

Micallef spjega kif dan it-tip ta’ temp huwa mistenni fl-istaġun tar-Rebbiegħa u Malta tesperjenza dan it-tip ta’ temp talinqas darba jew darbtejn fis-sena.

Huwa kompla jispjega kif it-tibdil fil-klima mhux qed jaffetwa l-estremità ta’ dan it-tip ta’ temp.

Micallef spjega wkoll kif dan it-temp iwassal għal-bidla fit-temperatura minħabba li t-trab ikun qed jimblokka r-raġġi tax-xemx li jwasslu għal temperaturi iktar baxxi, b’żieda fil-possibiltà li tagħmel ix-xita, minħabba l-fatt li t-trab ikun qed itaqqel is-sħab.

More in Socjali